Archive for the '2010' Category

MESSAĠĠ TA’ MERĦBA LILL-QT PAPA BENEDITTU XVI MINN MONS MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX
VALLETTA WATERFRONT
18 TA’ APRIL 2010

PDF Version

MESSAĠĠ TA’ MERĦBA LILL-QT PAPA BENEDITTU XVI
MINN MONS MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX
VALLETTA WATERFRONT, MALTA
IL-ĦADD, 18 TA’ APRIL 2010
Santità,

Nagħtik merħba f’isem dawn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li huma l-għożża tagħna bħala Knisja u bħala Nazzjon! Huma l-aqwa riżorsa li għandna għax huma l-preżent u l-ġejjieni tagħna. Il-preżenza numeruża tagħhom hawnhekk illejla timliena bit-tama, imma fl-istess ħin tfakkarna x’responsabilità għandna lejhom, għax tkun tassew ħasra jekk il-mistoqsijiet li hemm fi qlubhom ma jiġux indirizzati tajjeb.

Il-preżenza ta’ tant żgħażagħ għal din il-laqgħa speċjali miegħek bħala l-Vigarju ta’ Kristu fid-dinja hija konferma li f’qalbhom hemm mistoqsija reliġjuża: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10,17). Continue reading >>

Għal żvilupp ekonomiku u soċjali t’Għawdex

Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Marzu 2010, l-Assoċjazzjoni “Centesimus Annus” organizzat seminar dwar l-iżvilupp soċjo-ekonomiku f’Għawdex. Wieħed mill-kelliema kien l-E.T. Mons Isqof  Mario Grech, li għamel dan id-diskors:

Għal żvilupp ekonomiku u soċjali t’Għawdex

Għawdex huwa soċjetà li għandha aspetti li huma speċifikament tagħha, kemm fuq livell soċjali u kif ukoll ekonomiku. Dawn l- aspetti, li huma pjuttost distinti minn dawk ta’ Malta, jippreżentaw kemm diffikultajiet uniċi kif ukoll opportunitajiet li jistgħu jiġu sfruttati fl-interess nazzjonali.

Il-fatt li Għawdex huwa fiżikament mifrud minn Malta, li hi mgħammra b’infrastruttura fiżika, istituzzjonali u umana ferm aktar adekwata, joħloq dipendenzi u żvantaġġi uniċi, bħal, per eżempju, tendenza li l-attività kummerċjali, kulturali u soċjali tikkonċentra ruħha f’Malta. Fl-istess waqt, l-iżolament jagħmel lil Għawdex vetrina unika li tippreserva aħjar il-wirt kulturali u soċjali tagħha.

Għalhekk nistaqsi jekk hemmx lok li dawk l-istituzzjonijiet li għandhom responsabilità politika, ekonomika u soċjali fuq livell nazzjonali, jiffukaw aktar enerġija biex jaqraw aħjar dawn ir-realtajiet kemmxejn distinti bejn iż-żewġ gżejjer. Kull risposta li jagħtu l-istituzzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq l-istampa fattwali, u mhux mistħajla, ta’ dawn ir-realtajiet.

F’din l-analiżi tas-sitwazzjoni Għawdxija hu importanti li l-Istat ikun inklussiv u jilħaq lil kull min jesprimi interess u kapaċità li jkabbar il-ġid komuni f’Għawdex mhux bhala reġjun għalih imma bħala parti tassew integrali min-nazzjon.

Continue reading >>

Kultura li tagħti valur lill-ġisem uman

Nhar is-Sibt, 27 ta’ Frar, l-Isqof Mario Grech kien preżenti għall-ftuh u l-tberik tal-gym ġdid fl-iSports Complex tar-Rabat. F’messaġġ li għamel f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grech qal:

“Id-domanda għal aktar faċilitajiet li joffru eżerċizzi fiżiċi hija pożittiva għax ifisser li qed tikber il-kultura li tagħti valur lill-ġisem uman! Għax jekk il-ġisem huwa b’saħħtu, il-bniedem ikun b’saħħtu. Imma l-bniedem m’hux ġisem biss, imma huwa ġisem u spirtu; u jekk l-ispirtu jkun għajjien jew marid, fiżikament il-bniedem lanqas ikun f’postu. Il-‘jien’ m’hux il-ġisem biss, imma l-ġisem huwa meħtieġ biex il-‘jien’ jesprimi lilu nnifsu u jikkomunika mal-ohrajn! Għalhekk huwa dmir morali tal-bniedem jieħu ħsieb tal-fiżiku tiegħu.

Il-ġisem tal-bniedem huwa dejjem ġisem: kemm meta wieħed ikun ta’ mezz’età, kemm jekk ikun anzjan, kif ukoll jekk ikun għadu kif tnissel fil-ġuf! Importanti l-konsistenza: jekk qed ninvestu f’aktar gyms għax inħossu l-bżonn li nikkuraw il-ġisem, imbagħad ma nistgħux niddeċiedu li neqirdu l-ġisem, la bl-abort u anqas bl-ewtanasja.

Continue reading >>

Għażla favur il-ħajja

Waqt manifestazzjoni li saret fir-Rabat, Għawdex, ilbieraħ il-Ħadd, 7 ta’ Frar 2010 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech għamel dan il-messaġġ:

Inħossni kburi li flimkien ma’ din il-ġemgħa sabiħa nislef il-vuċi tiegħi biex is-soċjetà tagħna ma tkomplix titlef il-kuxjenza favur il-ħajja! Inħossni kuntent li din il-ġemgħa illum b’vuċi għolja qed tistqarr pubblikament l-għażla favur il-ħajja.

Anke jekk ikun hemm każ ta’ abort wieħed biss, xorta aħna fid-dmir li ma nisktux biex inqajmu kuxjenza favur il-ħajja.

Tajjeb li naraw x’nistgħu nagħmlu biex inbegħdu t-tiġrib li bniedem jista’ jkollu biex itemm il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

Continue reading >>

Biex nagħtu wiċċ uman lis-soċjetà
Diskors tal-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-bdil tal-awguri mal-Kleru tad-djoċesi
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù – Is-Sibt, 9 ta’ Jannar 2010

Iż-żjara pastorali li għamilt fil-Brażil f’Settembru li għadda tibqa’ stampata fil-menti tiegħi għal diversi motivi. Hemm ħafna realtajiet sbieħ, imma hemm ukoll ħwejjeġ li jnisslu dieqa. Waħda mill-ikbar sfidi li jidher li għandha l-Knisja fil-Brażil mhix li tiġġieled il-faqar, imma li tikkonvinċi n-nies li huma għandhom il-ħila li jitgħallmu, u jekk jitgħallmu, ikunu huma stess l-aġenti li jegħlbu l-faqar. Niftakarni nitkellem ma’ wieħed mis-saċerdoti missjunarji tagħna hemmhekk li fissirli kemm huwa diffiċli tgħin lill-foqra jirbħu l-kundizzjoni miżera tagħhom. Dan għaliex dawn tilfu kull fiduċja fihom infushom u fil-ħajja; dawn tant huma maħkuma minn sens ta’ falliment u tilfu kull stima personali, illi kkonvinċew ruħhom li m’hemmx futur aħjar għalihom. Peress li b’mod sistematiku ġenerazzjoni wara l-oħra ġiet abbużata għax tħalliet fl-injoranza, in-nies ma tafx aħjar u tippreferi tgħix fil-medjokrità. Fi kliem ieħor, ma għandhomx rieda li jqumu. Għalhekk l-ewwel sfida li għandha l-Knisja f’dan il-pajjiż hija li teduka.
Continue reading >>