Archive for the 'March' Category

IS-SAĊERDOT MINISTRU TAL-WEGĦDIET TA’ ALLA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Tberik taż-żjut u tal-wegħdiet saċerdotali.
Knisja Kattidrali - 9 ta’ April 2009

 

Bħall-poplu Lhudi, il-poplu tagħna jgħix f’ċerta stennija biex jara jitwettqu ċerti ħwejjeg li ħaddieħor iwebbillu qalbu u moħħu bihom. Il-poplu tagħna, bħall-poplu Lhudi, jemmen u jistenna li min għamillu ċerti wegħdiet xi darba jwettaqhom!

Wegħdiet materjali

Kien hemm wegħdiet ta’ ħajja soċjali aħjar li saru lill-poplu Lhudi minn min kellu l-poter pubbliku, kemm dak lokali, bħalma kellu Erodi, u kemm dak barrani, bħalma kienu r-Rumani. Imma baqgħu wegħdiet fiergħa. Dan id-diskors nistgħu napplikawh għal żminijietna!

Wegħdiet ta’ natura reliġjuża

Imbagħad il-Lhud kellhom ukoll wegħdiet ta’ natura reliġjuża. L-aqwa fosthom kienet il-wegħda li Alla jibgħatilhom il-Messija. Il-poplu Lhudi kien jgħix fl-istennija li jara din il-wegħda titwettaq. Dawn il-wegħdiet sarulu sa minn żmien il-Patrijarki; u l-istorja tad-diversi pattijiet li kien hemm bejn Alla u l-poplu tiegħu hija storja ta’ wegħdiet li kien jagħmel Alla.

San Pawl jgħid li “tagħhom (tal-Lhud) huma l-wegħdiet” (Rum 9:4). Pawlu jkompli jfisser li “Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla biex seħħew il-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki” (Rum 15:8). Fl-Atti tal-Appostli nsibu “li min-nisel ta’ David, Alla skond il-wegħda tiegħu ġab lil Israel is-Salvatur li hu Ġesù” (13:23).
Continue reading >>

ID-DULURI PREŻENTI FL-IMMIGRANTI IRREGOLARI
Omelija ta l-Isqof Mario Grech
Manifestazzjoni pubblika fl-okkażjoni tal-festa tal-Addolorata
Pjazza Indipendenza, Rabat – il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2009

Traġedja umana li ma tħalliniex indifferenti

Għada friska t-traġedja ta’ ’l fuq minn 300 ruħ li fil-ġranet li għaddew għerqu f’baħar qawwi ftit ’il barra mill-kosta tal-Libja, huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa b’mod irregolari. Kemm-il ħajja mitmuma ħesrem! Kemm tamiet ta’ ħelsien u ħajja ġdida spiċċaw f’qiegħ il-baħar! X’wied ta’ dmugħ iġelben ma’ ħaddejn dawk li tħallew jibku t-telfa! Bħalma darba ħarset lejn Binha fuq is-salib, hekk Omm Kristu, Omm il-bnedmin kollha tħares lejn it-traġedja umana ta’ dawk li qed jaħarbu l-persekuzzjoni, il-gwerra jew il-faqar insopportabbli f’pajjiżhom. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u li xi ftit eluf minnhom sabu ruħhom fuq xtutna, huma nies qed jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu l-protezzjoni ta’ pajjiżi oħra, proprju għax pajjiżhom jew il-pajjiż li jinsabu fih mhux biss ma jħarisx id-drittijiet u l-libertà tagħhom, imma saħansitra jiċħdilhom dawn id-drittijiet u forsi jhedded l-istess ħajja tagħhom. Jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza tar-rifuġjati fid-dinja llum ma jinsabux fil-pajjiżi sinjuri, imma f’uħud mill-ifqar pajjiżi tad-dinja. Continue reading >>

XANDARA TAD-DINJITÀ U TAL-VERITÀ TAL-IMĦABBA UMANA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Acies tal-Leġjun ta’ Marija
Parroċċa Xewkija, il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2009

It-talba li tagħmel il-Knisja llum fil-bidu tal-quddiesa hija talba lil Alla l-Missier biex jgħallimna kif għandna nħobbu. Hija talba antika imma fl-istess ħin attwalissima: “Missier ħanin, għinna biex aħna nagħrfu ngħixu u nġibu ruħna b’dik il-karità li mbuttat lil Ibnek Ġesù biex jagħti ħajtu għalina”.

L-imħabba vera

Fiċ-ċirkustanzi li qegħin ngħixu fihom is-soċjetà tagħna teħtieġ lezzjoni dwar kif għandha tkun l-imħabba vera. Din il-lezzjoni neħtieġuha l-ewwel u qabel kollox aħna d-dixxipli ta’ Ġesù, aħna l-Leġjunarji ta’ Marija, imma teħtieġha wkoll is-soċjetà kollha kemm hi. Is-sigriet biex nistgħu negħlbu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ordinarja tagħna huwa propjru li wieħed ikollu doża, anke żgħira, ta’ mħabba ġenwina. Anzi nistgħu ngħidu li dak li ħafna affarijiet aħna nagħmluhom b’mod żbaljat għax ngħidu li nħobbu – ċerti għemejjel u ċerti għażliet li fihom nfushom huma ħżiena jsiru bil-pretest tal-imħabba!

Continue reading >>