Archive for the '2006' Category

Niġġeddu fi Kristu
Messaġġ lil-komunità ta’ San Ġorġ
16 ta’ Lulju 2006

NIĠĠEDDU FI KRISTU

Messaġġ ta’ l-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex lill-komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ San Ġorġ (16 ta’ Lulju 2006)

Għeżież ħbieb,

Il-festa ta’ San Ġorġ, il-qaddis patrun tagħkom, reġgħet waslet. Dan hu jum ta’ ferħ nisrani, għax waqt li niffesteġġjaw lill-qaddisin aħna nkunu nagħtu tifħir lil Alla, li juri s-sbuħija u l-qdusija tiegħu fil-ħajja tal-bnedmin. Il-qaddisin huma dawk li għarfu s-sejħa ta’ Alla u għażlu li jkunu kristjani, jiġifieri dixxipli ta’ Kristu, dejjem u sa l-aħħar. Il-qaddisin huma xhieda dejjiema ta’ l-imħabba ta’ Alla, u jgħallmuna li r-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u l-mewt, u fuq dak kollu li jxekkel il-bniedem filli jilħaq l-ogħla dinjità tiegħu ta’ iben Alla, isseħħ tassew. Hu għalhekk li aħna niċċelebraw, jiġifieri niltaqgħu flimkien bħala komunità biex nifirħu u nfaħħru l-kobor tal-Mulej. Fil-festi tal-qaddisin, nistgħu tassew intennu l-kelmiet tas-Salm: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah!”

Il-festa parrokkjali hi laqgħa privileġġjata tal-komunità parrokkjali ma’ Alla

Kif kiteb il-Kulleġġ tal-Kappillani fl-Istqarrija reċenti dwar il-Jum tal-Festi Titulari, ejjew niskopru l-Jum tal-Festa tal-Qaddis patrun tagħkom San Ġorġ bħala Jum speċjali għall-komunità kollha tal-Parroċċa: jum li jgħinna nagħrfu u nħossu aktar il-preżenza salvifika ta’ Alla; jum li fih nifirħu fil-Mulej; jum li fih il-ġemgħa mqaddsa tingħaqad aktar flimkien fit-tifħir u r-radd il-ħajr; jum li fih Alla jirbaħ tassew fil-qlub; jum ta’ laqgħa privileġġjata ma’ Alla; jum ikkonsagrat lil Alla; jum li fih nirbħu fuq kull sura ta’ dnub.

Hu għalhekk li l-Kulleġġ tal-Kappillani jistieden u jħeġġeġ lill-insara kollha biex fil-Jum tal-Festa l-komunità tal-parroċċa tieħu sehem fil-quddiesa, speċjalment fil-quddiesa solenni fejn l-Isqof u l-ġemgħa jingħaqdu flimkien madwar il-mejda tal-Kelma u ta’ l-Ewkaristija, biex jiċċelebraw l-għemejjel kbar tal-Mulej. Fl-istess stedina, il-Kulleġġ tal-Kappillani jistedinna biex nieħdu sehem ukoll fit-talb ta’ l-Għasar ta’ filgħaxija u fil-purċissjoni bl-istatwa tal-Qaddis titulari. Ejjew nimxu wara San Ġorġ u wara l-qaddisin, għax, fi kliem San Pawl, min jixbaħ il-qaddisin jixbaħ lil Kristu. Il-briju l-ieħor tal-festa jagħmel sens f’festa kristjana jekk inkunu mimlija bil-ferħ ta’ Kristu, jekk ikollna fina l-Ispirtu ta’ Alla. Mill-ġdid nistedinkom bi kliem San Pawl: Ħallu lil Kristu jħabbibkom ma’ Alla l-Missier.

Niġġeddu fi Kristu

Waqt li qed nfirħilkom u nifraħ magħkom f’din il-festa tant għażiża għalikom, nixtieq infakkarkom f’dak li kont ktibt fl-ewwel Ittra Pastorali tiegħi għal żmien ir-Randan: “Fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Isqof tagħkom, kemm jien kif ukoll intom għandna l-grazzja li ngħixu f’din il-fażi ġdida tal-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.” Nistedinkom u nħeġġiġkom biex tħossu flimkien mar-rgħajja spiritwali tagħkom ix-xewqa li niġġeddu fi Kristu u nkunu tassew Poplu ġdid u wieħed fi Kristu.

Matul dan iż-żmien tas-sajf qegħdin inħejju Pjan Pastorali u Kalendarju Pastorali għad-Djoċesi ta’ Għawdex, li għandhom jitwettqu matul is-sena pastorali li ġejja. Il-Pjan Pastorali se jagħti attenzjoni speċjali lill-pastorali ma’ l-adolexxenti, jiġifieri ma’ dawk l-istudenti li qegħdin fl-età bejn it-12 u l-15-il sena. Qed inħejju programm li jinvolvi mhux biss lill-parroċċi, imma wkoll lill-familji u lill-iskejjel sekondarji. Dan il-Pjan suppost li diġà qed jiġi studjat fil-Kunsilli Parrokkjali u f’realtajiet oħra tad-Djoċesi, bil-għan li nippreparawh aħjar flimkien, u hekk inħossu li aħna lkoll għandna sehem minn dan il-Pjan u mill-missjoni tal-Knisja f’Għawdex.

Biex dan il-Pjan ikun jista’ jitwettaq, il-Knisja f’Għawdex u l-Parroċċi tagħna għandhom bżonn ħafna qlub u jdejn li lesti jħossu u jilqgħu r-responsabiltà li jkunu “ministri” fil-Knisja u fil-Parroċċa. Għandna bżonn għalliema fl-iskejjel li lesti jmorru lil hemm mit-tagħlim tas-suġġett partikulari tagħhom; għandna bżonn katekisti u animaturi tal-liturġija, speċjalment fil-kamp ta’ l-adolexxenti.

F’dan il-kuntest nixtieq nagħmel appell lil żewġ kategoriji ta’ kristjani, biex huma jistaqsu lilhom infushom quddiem Alla liema kontribut jistgħu jagħtu fil-Knisja u fil-Parroċċa.

Stedina liż-żgħażagħ

Nistieden l-ewwelnett lilkom, għeżież żgħażagħ tal-parroċċa, biex mhux biss tipparteċipaw f’laqgħat indirizzati lilkom, imma wkoll issiru animaturi tal-pastorali ma’ l-adolexxenti. Naf li grupp sabiħ ta’ żgħażagħ mill-Parroċċa tagħkom kien ħa sehem fl-aħħar Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar il-Ġermanja fl-2005. Lilkom, b’mod speċjali, nagħmel din l-istedina: kunu membri ħabrieka fil-parroċċa tagħkom; kunu appostli ta’ sħabkom iżgħar minnkom. Il-ħeġġa u l-imħabba tagħkom lejn San Ġorġ u lejn il-Parroċċa sarrfuha f’servizz ta’ akkumpanjament u ta’ formazzjoni ma’ l-adolexxenti tal-Parroċċa tagħkom!

Stedina lill-ġenituri

Nagħmel stedina wkoll lilkom ġenituri, speċjalment lilkom li għandkom uliedkom li s-sena d-dieħla ser jirċievu s-sagrament tal-Konfermazzjoni u li għandkom uliedkom adolexxenti: agħmlu intom ukoll il-mixja tal-fidi u tal-formazzjoni nisranija li nixtiequ naqsmu ma’ wliedkom fil-Parroċċa u fl-iskola. Hemm ħafna minnkom li matul is-sena pastorali li ġejja jistgħu jagħtu servizz, ministeru fil-Parroċċa. B’dan il-mod, intom issiru tassew familja “knisja domestika”, u tkunu l-aqwa katekisti ta’ wliedkom. M’hemmx kontribut isbaħ fil-mixja tal-fidi li tistgħu tagħtu lil uliedkom milli turu b’mod konkret li dak li tixtiequ għal uliedkom – il-ferħ ta’ Kristu – tixtiequh għalikom ukoll. Kunu animaturi tal-liturġija, animaturi tal-katekeżi, animaturi tad-djakonija. Nitolbokom, f’isem Kristu, ħossu dan id-dmir u din is-sejħa qaddisa.

Indur mill-ġdid bi ħsibijieti fuq San Ġorġ, u bl-interċessjoni tiegħu nitlob fuqkom ilkoll il-barka u s-sliem tal-Mulej. Il-festa t-tajba!

+ Mario Grech

Nagħti ħajti biex Kristu jissawwar fikom!
Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 22 ta’ Jannar 2006)

Messaġġ ta’ l-E.T. l-Isqof Mario Grech fi tmiem il-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 22 ta’ Jannar 2006)

Jiena qatt ma għaddieli dubju mill-fatt illi Kristu għandu qawwa jiġbed id-dinja warajh. Hija l-kelma tiegħu fl-aħħar mill-aħħar: “Għad niġbed lil kulħadd warajja”. U dalgħodu, Poplu t’Alla f’Għawdex, tajtu prova kemm tħobbu lill-Mulej Ġesù. Hija l-fidi tagħna fi Kristu illi ħarġitna minn djarna, laqqgħetna flimkien f’din iċ-ċirkustanza, u wrietna li hemm mumenti fejn aħna poplu wieħed, poplu magħqud. Inrodd ħajr lil Alla talli tani din il-grazzja li nara din ix-xhieda, u nitolbu jgħinni biex ngħinkom titqawwew fil-fidi tagħkom fi Kristu. M’hemmx skop tal-ministeru tiegħi jew ta’ ħuti s-saċerdoti jekk mhux biex ngħinu lil xulxin ħalli nagħrfu l-ġmiel ta’ Kristu. Jekk aħna nikbru fl-għarfien tagħna ta’ Kristu, tikber l-għaqda bejnietna.

Huwa ta’ sodisfazzjon tara l-Knisja, il-Poplu t’Alla, in cammino, miexi flimkien mar-rgħajja spiritwali tiegħu. Min-naħa tiegħi, nwiegħdkom kif wegħidt lil Alla illi nagħti ħajti għaliH u  għalikom. Naf li din mhix sentenza ħafifa; naf ukoll illi forsi jien stess m’hiniex nifhem l-implikazzjonijiet kollha ta’ dan l-impenn, imma lest li nagħti ħajti biex Kristu jissawwar fikom. Jekk Kristu jissawwar fina, għandna forza biex insalvaw lil kull wieħed u waħda minna, insalvaw il-familja tagħna, insalvaw is-soċjetà tagħna. U meta ngħid “insalvaw”, m’hiniex nifhem is-salvazzjoni eterna biss, imma s-salvazzjoni minn din id-dinja.

Jiena għażilt bħala sentenza li tmexxini personalment f’dan il-ministeru ġdid tiegħi dik il-frażi mill-esperjenza ta’ Għemmaws: “Fil-qsim tal-ħobż”. Nistqarr magħkom illi inizjalment kienet sentenza oħra, dik is-sentenza li aħna ngħidu fil-mument tal-konsagrazzjoni: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom”, sentenza li aħna s-saċerdoti ngħidu kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, li mhix biss l-azzjoni ta’ Kristu illi jagħtina ġismu, illi jaqsam il-ħobż, lilu nnifsu magħna, imma jien irrid nagħmilha sentenza tiegħi. Nawguralkom, għeżież ħuti fis-saċerdozzju, biex tgħinuni u jiena ngħinkom, proprju biex inkunu ħobż li jingħata – ġisem li jingħata. Għax jekk aħna nagħmlu mill-Ewkaristija l-programm tal-ħajja personali tagħna, tal-ħajja tal-familja tagħna, tal-ħajja saċerdotali tagħna, tal-ħajja reliġjuża, tal-ħajja pubblika tagħna, il-ħajja ssir realtà ġdida msejsa fuq l-imħabba. Naf li din mhix ħaġa ħafifa, imma l-Ispirtu ta’ Alla jgħinna biex nissagrifikaw lilna nfusna, dak li għandna, għal xulxin, ħalli tikber l-unjoni ta’ bejnietna, l-unjoni fil-familja, l-unjoni fil-ħajja ekkleżjali, l-unjoni fis-soċjetà.

Din hija t-talba li jiena nagħmel lil Alla f’din il-ġurnata importanti. Mhux biss għalija personalment, imma għall-Knisja kollha kemm hi.

Grazzi, pa u ma.

Grazzi, poplu t’Alla f’Għawdex, għax il-preżenza tagħkom timlieni b’kuraġġ.

Grazzi lilek, Eċċellenza Nunzju Apostoliku. Meta qed nirringrazzja lilek, qed nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI

Grazie per la sua presenza in mezzo a noi, ieri e oggi, e per la sua presenza permanente in mezzo a noi. Accogliendo Lei noi stamattina abbiamo accolto il nostro Santo Padre. Mentre la banda dei carabinieri suonava l’inno pontificio, mi sono raccolto in preghiera, e nella mia mente e nel mio cuore c’era la presenza del nostro pastore, Papa Benedetto! Le chiedo di rivolgere al Santo Padre questa preghiera che abbiamo fatto stamattina. Il nostro animo è pieno d’amore, di rispetto per Lui. Perché noi, amando e rispettando il Santo Padre, amiamo il nostro Signore Gesù Cristo.

Jiena għidt li rrid ngħix is-sentenza “Ħobż li jingħata”. Għandi mudelli li jgħinuni f’dan: hemm mudelli ta’ qaddisin, imma hemm ukoll mudelli ta’ nies li naħbat wiċċi magħhom kuljum fl-esperjenza tal-familja, imma anke fl-esperjenza li għamilt miegħek, Eċċellenza Nikol Cauchi. Fiż-żmien li għamilt miegħek, int, li forsi mingħajr ma taf, bl-eżempju tiegħek għallimtni kif għandi ningħata lil Alla u lill-bnedmin. U mhux lili biss għint, imma għint lill-poplu u lil dawn is-saċerdoti kollha.

Grazzi.

Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech lill-Poplu Għawdxi nhar Jum il-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu

(Bullettin nru 1925, tat-22 ta’ Jannar 2006)

Għeżież,

F’dan l-ewwel kuntatt tiegħi magħkom, naqsam magħkom appell qasir imma interessanti li għamel wieħed l-isqof lill-insara tad-djoċesi tiegħu: “Ejjew nitolbu flimkien sabiex il-ministeru tiegħi ta’ isqof jiswa għalija u għalikom: għalija jkun jiswa jekk ngħid dawk il-ħwejjeġ li għandhom isiru; jiswa għalikom jekk tpoġġu fil-prattika dak li tisimgħu.

Barra minn hekk, jekk kemm jien kif ukoll intom inkunu tlabna kontinwament għal xulxin, misjuqin mill-imħabba u bl-għajnuna tal-Mulej, żgur naslu fil-hena ta’ dejjem. Ħa jagħti l-Mulej il-ħajja ta’ dejjem lil kulħadd, hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen”.  (Santu Wistin, Sermo 340, 4)

B’dawn is-sentimenti, insellem lin-nies kollha ta’ rieda tajba li jgħammru f’din il-gżira tat-tliet għoljiet, b’mod partikulari lill-poplu t’Alla.

+ Mario Grech

Biex inkun Ragħaj skond il-qalb ta’ Alla!
Talb lejlet il-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu bħala Isqof (Knisja Parrokkjali San Ġwann Battista, Xewkija – 21 ta’ Jannar 2006)

“BIEX INKUN RAGĦAJ SKOND IL-QALB TA’ ALLA!”

Messaġġ ta’ l-E.T. Mons Isqof Mario Grech waqt il-Velja ta’ Talb lejlet il-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Knisja Parrokkjali San Ġwann Battista, Xewkija – 21 ta’ Jannar 2006)

Poplu t’Alla, insellimlek bil-qalb! Bil-qalb ta’ ragħaj li l-Mulej għoġbu jipprovdielna fil-persuna dgħajfa tiegħi. Nixtieq ħafna, meta naqra l-Evanġelu tal-lejla, ngħid “jiena r-ragħaj it-tajjeb”! Nixtieq li Alla l-Imbierek jgħinni, u tgħinuni intom ħalli nkun ragħaj skond il-Qalb t’Alla, ħbieb tiegħi.

Grazzi tal-preżenza tagħkom il-lejla. Tfisser ħafna, qegħdin tgħidulna ħafna. Hija ċelebrazzjoni djoċesana din tal-lejla. Jien wasslitni hawn il-komunità parrokkjali ta’ Kerċem, li minnha ħriġt, biex issa naqdi dan il-ministeru ġdid tiegħi. Bħala kappillan f’mumenti importanti tal-hajja parrokkjali, kont ngħidilhom: “Ejjew inħossuna komunità parrokkjali”. Issa nibda ngħid lid-djoċesi, lilkom Poplu t’Alla: “Ejjew, f’dawn il-mumenti ta’ talb, niltaqgħu flimkien kif iltqajna l-lejla”.

Nixtieq nerġa’ narakom għada, imbaghad il-Ħadd li ġej meta nagħmlu l-Festa tal-Familja.

Fil-Vanġelu qrajna li r-ragħaj jagħraf in-nagħaġ tiegħu b’isimhom. Emmnuni, nixtieq inkun naf l-isem ta’ kull wieħed u waħda minnkom. U x’ħin issellmuli jew insellmilkom, inħares f’għajnejkom biex ngħidilkom li jiena magħkom, li l-Bambin bagħatni għalikom. Nixtieq illi fil-ministeru tiegħi nkun qrib tagħkom, speċjalment qrib dawk li huma batuti.

Grazzi.

Għallimntna nħobbu lil Kristu! Għallimtna nħobu ‘l-Knisja!
Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr ad unur ta’ l-Isqof Nikol Cauchi fi tmiem l-Episkopat tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 15 ta’ Jannar 2006)

”GĦALLIMTNA NĦOBBU LIL KRISTU! GĦALLIMTNA NĦOBBU ’L-KNISJA!”

Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr ad unur ta’ l-Isqof Nikol Cauchi fi tmiem l-Episkopat tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 15 ta’ Jannar 2006)

Missier, ħallini nispira ruħi f’dan il-ħsieb mill-Kelma t’Alla li xxandritilna llum. Ħsieb li bdejt naħseb fuqu dalgħodu, u nantiċipa għalhekk illi l-meditazzjoni li int għamiltilna llum tikkonferma dak li ħsibt jien.

Fil-qari tal-lum jiena nilmaħ lil Għeli illi jieħu ħsieb jiggwida l-kuxjenza ta’ Samwel, jgħinu ħalli jagħraf il-vuċi ta’ Alla; iħejjih biex meta tasallu l-vuci t’Alla, ikun jista’ jwieġbu: “Hawn hu l-qaddej tiegħek. Tkellem Mulej.”

Fl-Evanġelju laqatni San Ġwann l-Għammiedi, illi jgħin lil Indrì u lil dixxiplu ieħor jagħrfu lil Kristu u mbagħad jiddeciedu li jmorru joqogħdu miegħu għal ħin twil. Allura nara lill-Battista jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza ta’ dawn iż-żewġ dixxipli.

X’inhu poplu mingħajr kuxjenza? U aħna l-lejla nħossuna grati ħafna lejn Alla, għaliex tul dawn is-snin li inti servejt lill-Knisja f’Għawdex bħala isqof djoċesan int, b’mezz jew ieħor, b’ħajtek ippruvajt issawwar il-kuxjenza tagħna u l-kuxjenza ta’ dan il-poplu.

Qiegħed nitkellem f’ismi proprju. Lili għintni nsawwar kuxjenza kristjana. Imma nitkellem ukoll f’isem dan il-poplu t’Alla miġbur biex jagħtik it-tislima doveruża tiegħu. Mhux hekk għidtilna l-lejla? Tajtna r-rikordju: Ħobbu lil Kristu! Hi mħabba li twassalna għal adeżjoni ma’ Kristu; biex ngħammru ma’ Kristu. Tajtna formazzjoni ta’ kuxjenza mżejna b’valuri tal-Vanġelu, Eċċellenza.

Għintna nibnu kuxjenza ekkleżjali, għallimtna nħobbu l-Knisja; u anke l-lejla dak għidtilna, għidtilna: Ħobbu l-Knisja. Dan huwa t-testment tiegħek, Eċċellenza. B’mod partikulari għintna nrawmu fina mħabba lejn il-Knisja universali. Jien naf l-imħabba li inti għandek għall-Knisja missjunarja, u l-lejla hawn diversi saċerdoti illi ma setgħux ikunu magħna għaliex qegħdin proprju fil-missjoni. Kont int illi fis-snin tas-seminarju xettilt fina din l-imħabba għall-Knisja.

Nissilt fina kuxjenza soċjali, Missier, għintna biex il-Vanġelu ninkarnawh fid-dinja tal-lum. U kemm-il darba bil-kitba u bil-fomm tajtna linji-gwida kif nistgħu nkunu preżenza pożittiva fid-dinja tal-lum!. Jien ngħidlek illi din mhix biss il-kuxjenza tiegħi, imma hija l-kuxjenza ta’ dan il-poplu. U aħna grati ħafna.

Inti taf illi l-esperjenza ta’ Għemmaws lili nebbħitni biex nagħżel bħala motto li jiggwida l-ministeru ġdid tiegħi “Fil-qsim tal-ħobż”. Huwa episodju sabiħ ħafna, u fih ħafna dettalji oħra. Fih dettal fejn naraw dawk iż-żewġ dixxipli illi jiltaqgħu ma’ xi Ħadd u x’ħin jasal dan ix-xi Ħadd biex iħallihom filgħaxija, jgħidulu: “Ibqa’ magħna”. U jiena l-lejla f’ismi u f’isem dawn ħuti s-saċerdoti, f’isem il-poplu t’Alla ngħidlek: “Ibqa’ magħna”. Żgur illi ma jgħaddix ħafna żmien u nibdew ngħidu lil xulxin: “Ma kienitx tkun imħeġġa qalbna meta l-isqof Cauchi kien ikellimna!”

Dan hu r-rikordju li jien nixtieq inżomm ġewwa qalbi. Imma fl-istess ħin nerġa’ ntennilek: “Missier, Missierna, ibqa’ magħna”. Hemm diversi modi kif il-preżenza tiegħek tinħass fostna.  Grazzi.