Kunsill għall-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

Statut

1.0 Għanijet

1.1. Il-Kunsill ikollu bħala għanijiet li:

a) iħares l-edukazzjoni fl-Iskejjel tal-Knisja fuq it-tagħlim u twemmin nisrani kif imfisser fid-dokumenti uffiċjali tal-Knisja, u jimxi fuq il-linji gwida u l-istruzzjonijiet li l-Isqof u l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jħabbru minn żmien għall-ieħor;

b) jaħdem biex iżomm l-Iskejjel tal-Knisja fuq quddiem fil-qasam tal-edukazzjoni, u jaħdem id f’id mad-Diviżjoni u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, u mal-Private Schools Association;

c) iħares l-interessi speċifiċi tal-Iskejjel tal-Knisja u jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iġib ’il quddiem dawn l-interessi;

d) iżomm quddiem għajnejh dak kollu li jitolbu l-Att tal-Edukazzjoni, ir-regolamenti u l-linji gwida li jagħtu l-Ministeru u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Ftehim fuq l-Iskejjel tal-Knisja li sar bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta, u xi direttivi li s-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija jħoss li għandu jagħti fl-interess tal-Iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex.

1.2 Il-Kunsill jifrex il-ħidma u r-responsabiltà tiegħu  fuq il-livelli kollha tal-Iskejjel tal-Knisja: kindergarten, primarju, u sekondarju.

1.3 Biex ikun hemm koordinament bejn il-Kunsill u l-Iskejjel, il-Kunsill huwa fid-dmir li almenu kull tliet xhur jiltaqa’ mal-kapijiet tal-iskejjel flimkien.

2.0 Kompożizzjoni tal-Kunsill

2.1. Il-Kunsill hu magħmul minn :

a) l-Isqof Djoċesan jew id-Delegat tiegħu (ex-officio);
b) mhux aktar minn tliet lajċi esperti  fl-edukazzjoni magħżulin mill-Isqof;
c) kap elett mill-kapijiet tal-iskejjel primarji tal-Knisja;
d) kap elett mill-kapijiet tal-iskejjel sekondarji tal-Knisja;
e) rappreżentant tal-ġenituri tal-iskejjel primarji tal-Knisja;
f) rappreżentant tal-ġenituri tal-iskejjel sekondarji tal-Knisja;
g) għalliem/a rappreżentant tal-għalliema tal-iskejjel primarji tal-Knisja;
h) għalliem/a rappreżentant tal-għalliema tal-iskejjel sekondarji tal-Knisja.

2.2. Iċ-Chairperson tal-Kunsill ikun nominat mill-Isqof .

2.3 Il-Kunsill ikollu segretarju minn fost il-membri li jkun ġie nominat jew elett minnhom stess.   Ix-xogħol tiegħu jkun dak li jinnotifika bil-miktub lill-membri l-laqgħat tal-Kunsill; ifassal flimkien maċ-Chairperson l-aġenda; iżomm il-minuti tal-laqgħat kollha u jiċċirkulahom lill-membri; jieħu ħsieb il-korrispondenza li tasal għand u tintbagħat mill-Kunsill. 

3.0 Żmien tal-Uffiċċji u Laqgħat

3.1 Il-membri tal-Kunsill jiġu appuntati għal tliet snin, u jistgħu jerġgħu jiġu appuntati.

3.2 Membri li ma jattendux għal tliet laqgħat konsekuttivi tal-Kunsill mingħajr raġuni jitqiesu li rriżenjaw mill-kariga.

3.3 Il-Kunsill jiltaqa’ mill-anqas darba kull xaharejn sakemm ma jinqalgħux materji urġenti ghad-diskussjoni li jitolbu laqgħat urġenti.  Jekk tinqala’ l-urġenza, ma jkunx hemm bżonn ta’ żmien preskritt għal notifika.

3.4 Iż-żmien preskritt għan-notifika tal-laqgħat hu ta’ sebat ijiem.

3.5 Kull membru għandu dritt jitlob liċ-Chairperson biex jinkludi suġġett/i fl-aġenda għal diskussjoni.

3.6 Fi tmiem kull sena skolastika l-Kunsill jippreżenta rapport tal-ħidma tiegħu lill-Isqof.

4.0 Interessi

4.1 Għalkemm l-impieg tal-għalliema u tal-istaff anċillari hu responsabiltà tal-kapijiet tal-iskejjel li lilhom tkun ingħatat il-liċenzja tal-iskola, il-Kunsill għandu jara li l-ingaġġar isir skond il-linji u r-regolamenti li jiġu segwiti f’impiegi paralleli fl-iskejjel tal-iStat mill-Public Service Commission.

4.2 Jekk jinqala’ l-każ li jkun jitlob li tittieħed dixxiplina, jew tingħata sospensjoni, jew passi li jwasslu għal tkeċċija ta’ xi membru tal-istaff  ta’ xi skola tal-Knisja, il-Kunsill għandu jara li l-proċeduri meħtieġa jiġu segwiti; inklużi dawk kif imfissra fil-Ftehim kollettiv bejn l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi u l-MUT. F’każijiet serji ta’ dixxiplina l-iskola għandha tgħarraf lill-Kunsill kmieni kemm jista’ jkun.

4.3 F’każijiet ta’ dixxiplina ma’ studenti, il-Kunsill għandu jara li kull skola għandha l-Kodiċi ta’ Dixxiplina tagħha u li qed jiġi applikat. F’każijiet serji ta’ dixxiplina l-iskola għandha tgħarraf lill-Kunsill.

4.4 Għalkemm id-dħul ta’ tfal fl-iskejjel tal-Knisja jsir skond il-kriterji mħabbra u konfermati mill-Konferenza Episkopali u l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, il-Kunsill għandu jara li l-proċedura li tiġi segwita tkun taqbel f’kollox mal-eżerċizzju rilevanti li jsir kull sena.  Għandu jara wkoll li l-postijiet vakanti li jinqalgħu matul is-snin fl-iskejjel jimtlew fuq kriterji stabbiliti li jkunu magħmula pubbliċi mill-iskejjel stess.

5.0 Ħidmiet

5.1. Il-Kunsill hu fid-dmir li:

a) jiffamiljarizza ruħu mal-ħidma edukattiva u l-organizzazzjoni interna tal-iskejjel;
b) jissuġġerixxi u jipproponi mezzi u toroq ta’ zvilupp u espansjoni li jqis li huma meħtieġa għall-ġid komuni tal-istudenti.

5.2. Il-Kunsill jiddelega persuni minn fost il-membri li:

a) jaraw li l-kurrikulu li l-iskejjel tal-Knisja jsegwu jkun konformi mal-NMC (National Minimum Curriculum) kif imniedi mill-Awtoritajiet Edukattivi;
b) jaraw li l-amministrazzjoni ta’ kull skola taħdem biex il-progress fl-edukazzjoni tal-istudenti ma jonqosx;
c) isegwu li l-iskejjel ikunu miżmuma fl-aħjar stat possibbli, u li l-manutenzjoni meħtieġa ssir bir-reqqa.

5.2.1. Dawn il-persuni jkollhom il-fakultà li jirrikorru għal persuni kompetenti fl-oqsma meħtieġa.
5.2.2. Dawn il-persuni jirraportaw direttament lill-Isqof bħala responsabbli għall-Iskejjel tal-Knisja fid-Djoċesi.

5.3. Kull kap ta’ skola jippreżenta SDP (School Development Plan), Audited Accounts u Rapport Annwali għad-diskussjoni u l-valutazzjoni tal-Kunsill.

Approvat illum, is-Sibt, 25 ta’ Novembru 2008.
+ Mario Grech
   Isqof ta’ Għawdex