Xewqa ta’ komunjoni fil-Knisja
Riflessjoni ta’ Mons Isqof Mario Grech
Velja Ekumenika ta’ San Ġorġ
Pjazza San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex – Il-Ħamis 5 ta’ Mejju 2011

Xewqa ta’ komunjoni fil-Knisja

Hija grazzja li llejla qegħdin hawn, mhux biss għax, kif huwa xieraq, qegħdin nitħejjew għall-festa solenni ta’ għada, il-festa tal-Patrun tagħna San Ġorġ, imma għaliex – qed inkellimkom bħala ragħaj spiritwali tagħkom – hija grazzja illi għandna figura bħal San Ġorġ illi tgħinna biex nieħdu pożizzjoni waħda.

How much befitting it is this evening that we are assembled around our Patron, “Ġorġi tagħna”. Believe me, I consider it a moment of grace, because perhaps never before as in these present circumstances, when we are witnessing a process not only of secularization but of dechristianization, we need a person who can unify us, and make us one. We have Jesus Christ; but this evening we are being presented with one of his disciples, St George, a common heritage to all Christians.

Għeżież tiegħi, forsi qatt daqs illum ma kien hemm bżonn illi l-poplu ta’ Alla – u meta qed ngħid il-poplu ta’ Alla, qed nifhem l-Insara kollha kemm huma – kif ġustament u b’mod intelliġenti u għaqli llejla ġie ppreżentat f’din il-velja, inkunu “ħaġa waħda”, ħalli nieħdu pożizzjoni waħda fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu fihom.

Jiena li jbeżżagħni mhux in-nuqqas ta’ komunjoni ekkleżjali bejn l-Insara, imma n-nuqqas ta’ komunjoni bejn il-Kattoliċi: illi fis-sitwazzjoni nazzjonali li għandna, il-Kattoliċi mhumiex fl-istess kamp. Qed inkellimkom ċar u tond! Dak li qed jinkwetani: illi bejnietna – mhux, nerġa’ ngħid, l-Insara – imma bejnietna l-Kattoliċi m’aħniex fehma u pożizzjoni waħda. Għandna ħafna ftietaq u preġudizzji illi qegħdin jifirduna. Għall-ġid tal-Knisja u għall-ġid tan-nazzjon, ma nistgħux nittolleraw diviżjoni fil-kamp Kattoliku!

Ħadt gost nisma’ kollox illejla! Sinċerament inkun f’mument ta’ talb f’dawn il-mumenti. Imma ħadt gost nisma’ dik is-silta minn Santa Briġida tal-Isvezja (Rivelazzjonijiet 2:7), fejn titkellem fuq “il-ħabib tagħha San Ġorġ”, u ssemmi l-ubbidjenza u l-alleanza tiegħu. L-ubbidjenza tiegħu hija waħda: lejn Kristu preżenti fil-Knisja. L-alleanza tiegħu hija waħda: lejn il-Knisja. Sfortunatament il-Kattoliċi tagħna m’għandhomx din l-istess fermezza fl-alleanza tagħhom, għaliex jissagrifikaw l-alleanza tagħhom lejn Kristu u lejn il-Knisja biex jaġevolaw alleanzi oħrajn.

Fis-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha, jiena nitlob lil Alla l-Imbierek, bl-interċessjoni tal-Martri ta’ Lidda San Ġorġ, ħalli jieqaf magħna u jagħtina l-qawwa, biex nagħtu xhieda, u, jekk hemm bżonn, akkost ta’ prezz, bħalma kellu jħallas l-prezz San Ġorġ fil-martirju. Din hija t-talba li nagħmel illejla lil San Ġorġ, Patrun tagħna: mhux biss li tħares lil din il-gżira, kif għamilt dejjem matul l-istorja, imma llejla ppermettili bħala isqof tal-Knisja f’pajjiżna nsejjaħlek biex f’dawn il-mumenti epokali li aħna qegħdin ngħixu tifrex il-patroċinju tiegħek fuq il-gżejjer tagħna, u ieqaf magħna biex fis-siegħa tal-prova jkollna d-dawl u l-kuraġġ illi ma naqsmux, mhux il-Knisja, imma almenu l-kamp Kattoliku.

Għalhekk, San Ġorġ, kif kantajnielek, ħallini llejla ngħidlek: “Patrun ta’ din il-gżira / li dejjem qbiżt għalina / aqta’ xewqitna – u taf x’inhi x-xewqa tagħna –, isma’ talbna / b’għajnunietek int hennina” (minn Ġorġi, Suldat Qalbieni).