Komunikat ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Bijografija ta’ Patri Joe Bonello

Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Tifraħ il-Knisja f’Għawdex bl-aħbar li waslet illum li wieħed minn uliedha, Patri Joe Bonello OFM mix-Xagħra ġie magħżul mill-Papa Benedittu XVI bħala isqof koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa fil-Ħonduras.

In-nomina tal-E.T. l-Isqof Bonello mhux biss tfakkarni fl-imħabba ġeneruża li l-poplu Għawdxi għandu lejn il-missjoni, imma hija wkoll konferma ta’ kemm il-komunità parrokkjali tax-Xagħra għandha għal qalbha l-ħidma għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Filwaqt li f’isem id-djoċesi nifraħ lill-E.T. Mons Isqof Joe Bonello OFM u lill-Provinċja Franġiskana Maltija San Pawl Appostlu, insejjaħ lill-Insara biex bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina jitolbu lil Alla jieqaf mal-Isqof Bonello fil-missjoni ġdida afdata f’idejh. Nappella wkoll lill-familji tagħna biex jibqgħu jkunu ġenerużi kemm ma’ Ġesù Kristu meta jsejjaħ lil xi ħadd minn uliedhom għal warajh, kif ukoll mal-Knisja fil-missjoni.

Illum, it-Tnejn, 22 ta’ Novembru 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex