Nota ta kjarifika dwar diskors ta’ Mons. Isqof Mario Grech dwar is-Sesswalita Umana

 English Version

Meta nhar il-Ħadd, 31 ta Ottubru, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar is-sesswalita umana, huwa qal li “s-sistema edukattiva tagħna tista tkun qed tagħmel abbuż fuq l-istudenti jekk flok ma tgħinhom jitgħallmu kif jedukaw l-enerġija sesswali tagħhom, toffrilhom tagħlim u mezzi bħalma huma l-kontraċettivi, biex iċedu għall-kultura tal-pjaċir”. Billi xi uħud interpretaw ħażin dan il-kliem, tajjeb li jiġi ppreċiżat:

Meta l-Isqof Grech sostna li “is-sistema edukattiva tagħna għandha tgħin lill-istudenti jitgħallmu jedukaw l-enerġiji sesswali tagħhom”,  huwa kien qed juri li hu mhux kontra l-edukazzjoni sesswali fiha nnifisha, imma li din għandha tikkunsidra l-aspetti kollha, inkluża l-etika.

Dan huwa f’linja mat-tagħlim tal-Knisja. Infatti l-Papa Benedettu XVI jgħallem illi “l-ħtieġa urġenti għall-edukazzjoni, l-ewwel u qabel kollox tinkludi edukazzjoni dwar il-ħajja. Sinċerament nittama, jgħid il-Papa, li b’mod partikulari ż-żgħażagħ jiġu mogħtija attenzjoni speċjali sabiex jitgħallmu t-tifsira vera tal-imħabba u jitħejjew għaliha permezz ta’ edukazzjoni sesswali tajba, mingħajr ma jitħallew jiġu aljenati minn messaġġi effimeri li ma jħalluhomx jilħqu l-verita sħiħa. Li nħallu jixterdu illużjonijiet foloz fil-kuntest tal-imħabba jew li nqarqu bil-persuni dwar ir-responsabilitajiet veri li huma msejħa jerfgħu bl-attivita sesswali tagħhom, ma jagħmilx unur lis-soċjeta mibnija fuq il-prinċipji tal-liberta u d-demokrazija. Il-liberta trid tkun marbuta mal-verita; u r-responsabilita mal-kapaċita li persuna tingħata lil ħaddiehor, anke jekk dan jiswa sagrifiċċju; mingħajr dawn l-elementi l-komunita tal-bnedmin ma tikbirx u jiżdied ir-riskju li din tingħalaq fiha nnifisha u tifga f’ċiklu ta’ egoiżmu” [10 ta Mejju 2008].

L-Isqof Grech fisser it-tħassib tiegħu dwar l-abbuż li jista jsir mill-istudenti jekk bl-iskuża ta edukazzjoni sesswali miftuma mill-principji etici, jiġu promossi jew offruti mezzi, bħalma huma l-kontraċettivi, li jfixklu n-natura u l-finalita tas-sesswalita. “Azzjoni maħsuba biex tfixkel il-proċess tat-tnissil, hija azzjoni li tiċħad il-verita intima tal-imħabba tal-miżżewġin li permezz tagħha titnissel il-ħajja” [Benedettu XVI, 2 ta Ottubru, 2008].

Edukazzjoni sesswali li teskludi l-prinċipji tal-morali tbiegħed mill-imħabba vera u twassal biss biex tkattar il-kultura edonista. B’dan il-mod il-persuna l-ohra tiġi meqjusa bħala oġġett tal-pjaċir. “Jekk l-attivita sesswali ssir droga li tfittex li taħkem lis-sieħeb jew sieħba biex tagħmilhom oġġett tax-xewqat u l-interessi personali, mingħajr ma tirrispetta ċ-ċiklu tal-persuna maħbuba, allura dak li hemm bżonn jiġi mħares mhix biss it-tifsira vera tal-imħabba, imma l-ewwel u qabel kollox id-dinjita tal-persuna” [Benedettu XVI, 10 ta Mejju 2008].

Dan it-tagħlim tal-Knisja jista jidher iebes u ħafna drabi s-soluzzjoni teknika tista tidher bħala l-ehfef soluzzjoni; pero s-soluzzjoni teknika thedded it-tifsira vera tas-sesswalita umana u l-ħtieġa li l-bniedem jagħraf jeduka lilu nnifsu b’mod responsabli biex l-imħabba tkun awtentika.

Illum, 6 ta Novembru, 2010