KOMUNIKAT LID-DJOĊESI DWAR IL-KUNDIZZJONI TA’ MONS NIKOL CAUCHI ISQOF EMERITUS TA’ GĦAWDEX

Komunikat mill-Isqof Mario Grech

Wara li bħal-lum ġimgħa l-Isqof Nikol Cauchi ddaħħal l-isptar u l-kundizzjoni tiegħu kienet kritika ħafna;

billi huma ħafna dawk li b’interess u rispett lejn l-Isqof Cauchi qed jistaqsuna jew jiktbulna biex ikunu jafu kif għadda;

nikkomunikalkom illi l-Isqof Cauchi kuljum qed jagħmel progress sinifikattiv. Barra mill-fatt li l-mediċina ħadmet fuqu, l-attenzjoni u l-kura li tah l-istaff kemm fl-iSptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fl-iSptar Mater Dei għenu biex minn nhar it-Tlieta Mons Cauchi m’għadux f’induced coma u beda jikkomunika bis-sinjali u bil-kitba.

Filwaqt li napprezza ħafna s-solidarjetà li l-poplu t’Alla wera miegħu f’dawk il-jiem delikati, partikularment bit-talb ħerqan offrut lil Alla bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, kif għamilt nhar il-Ħamis li għadda nerġa’ nħeġġiġkom tissuktaw fit-talb tagħkom għalih, specjalment fil-quddies kollu.

Kif nhar il-Ħamis li għadda aħna s-saċerdoti tad-djoċesi ltqajna fil-kappella tas-Seminarju biex noffru talb għall-Isqof Cauchi, nistieden lil-lajċi u r-reliġjużi għal mumenti ta’ adorazzjoni Ewkaristika li ser issir nhar il-Ġimgħa li ġejja fil-knisja parrokkjali tal-Għarb fis-6.30 ta’ filgħaxija.

Nirringrazzja lil dawk kollha li f’dawn il-jiem kienu qrib l-Isqof Cauchi, partikularment lil ħuti l-isqfijiet Maltin u lis-saċerdoti, lill-E.T. il-President ta’ Malta, lill-membri parlamentari u lill-istaff mediku.

Illum, l-Erbgħa 3 ta’ Novembru 2010.

+ Mario Grech