sultana-azzopardi-joseph-1.jpgIllum, il-Ġimgħa 8 ta’ Ottubru 2010, Mons Isqof Mario Grech ħatar lill-Kanonku Dr Dun Joseph Sultana Arċipriet tal-Kolleġġjata Bażilika tal-Għarb. F’din il-kariga l-Kanonku Joseph Sultana ser jissuċċiedi lill-Arċipriet Mons. Carmelo Gauci surmast attwali tal-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

Dun Joseph Sultana twieled ix-Xagħra fil-21 ta’ Mejju 1976. Ħa l-edukazzjoni tieghu fl-iskola Primarja Patri Mattew Sultana u wara dik sekondarja u postsekondarja fil-Liċeo Ninu Cremona u Sir Mikelanġ Refalo.

Fl-1994 beda l-kors tal-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù.  Bejn is-sena 1998-1999 għamel l-esperjenza tas-sena barra ġewwa l-Istati Uniti, fil-parroċċa ta’ St. Angela, Detroit, Michigan.  Lura f’Għawdex, kiseb il-Baċellerat fit-Teoloġija mis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù.  Ġie kkonsagrat saċerdot mill-ET Mons Nikol Ġ Cauchi nhar l-20 ta’ Ġunju 2001.

Beda l-ħidma pastorali ta’ Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tan-Nativita’ ta’ Kristu, ġewwa Ruma, filwaqt li kompla bl-ispeċjalizzazzjoni fl-Istitut Pontifiċju Bibliku.  Kiseb il-Liċenzja fix-Xjenza Biblika u d-Dottorat fit-Teoloġija Biblika.

F’Awissu 2006 ġie maħtur Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Katidral u kanonku fil-Kolleġġjata tax-Xagħra. Attwalment huwa lecturer fl-Iskrittura fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, delegat tal-Isqof għall-Katekeżi tat-Tfal, u membru tal-Kummissjoni Kataketika tal-Konferenza Episkopali.