IŻ-ŻJARA TA’ PAPA BENEDITTU XVI: SEJĦA GĦAL RIFLESSJONI
Stqarrija mill-Kummisjoni Interdjoċesana Ambjent

English Version - POPE BENEDICT XVI’S VISIT A CALL FOR REFLECTION

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq tfakkar iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu Papa Benedittu XVI b’riflessjoni fuq it-tagħlim tal-Papa dwar official-logo-pope-visit-2010-portrait.jpgir-responsabbiltà ambjentali tal-Knisja skont il-kitbiet tiegħu: Caritas in Veritate¹ u If you want to Cultivate Peace, Protect Creation² (Jekk trid li tkabbar il-paċi, ipproteġi l-ħolqien).

Ġrajja speċjali bħal din teħtieġ ħafna preparamenti kif konna qegħdin naraw dan l-aħħar f’ħafna postijiet f’Malta. U hekk hu tassew xieraq għal din l-okkażjoni kbira. Barra dan, il-KA hija konxja li ħadd minna ma jkun irid jagħti l-impressjoni li l-poplu Malti għandu t-tendenza li jgħatti (u mhux isolvi) l-problemi biex jidher sabiħ. Kulħadd jaqbel li jekk nuru wiċċ b’ieħor minflok niżguraw u nsostnu l-kwalità tajba tal-ħajja li ngħixu ma naslu mkien. Għaldaqstant, il-KA tixtieq toħroġ dan il-komunikat bit-tama sinċiera li fost iċ-ċelebrazzjoni li żjara bħal din jixirqilha, ma nintilfux fix-xinxilli… imma niffukaw aktar fuq l-iskop pastorali taż-żjara milli fuq il-merħba li ser nagħtuh, aktar fuq it-tagħlim tiegħu milli fuq l-uffiċċju tiegħu. Fil-fatt il-KA tħoss li t-tagħlim ta’ dan il-Papa huwa partikolarment relevanti għall-istat attwali tal-kwalità u sostenibbiltà tal-ħajja ta’ dawn il-gżejjer bil-limitazzjonijiet kollha fir-riżorsi ambjentali tagħhom.


Il-messaġġ ta’ Papa Benedittu għal solidarjetà fost u bejn popli ta kull rokna tad-dinja u bejn ġenerazzjonijiet differenti,bħala antidotu għall-kriżi ekoloġika tagħna huwa indirizzat lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba – kemm jekk Kattoliċi pratikanti jew le. Tkun ħasra jekk messaġġ bħal dan jitwarrab sempliċiment għax ġej mill-Vatikan. Hija ħaġa ta’ skantament li filwaqt li jwarrbu t-tagħlim tal-Knisja minħabba ċerti nuqqasijiet li ngħataw pubbliċità kbira, ċerti individwi jagħżlu li jibqgħu siekta quddiem każijiet daqstant serji t’abbuż tad-dinjità umana: abort, faqar estrem, ġuħ, ħaddiema sfruttati u refuġjati, żbilanċ fit-tqassim tar-riżorsi u degradazzjoni tal-ambjent.

Niffukaw fuq il-kawża

Bħall-Papa ta’ qablu, Papa Benedittu jisħaq li l-kawża tal-kriżi ekoloġika hija fl-aħħar mill-aħħar kriżi morali: ekonomija kiefra li tpoġġi l-gwadann ta’ flus qabel kollox, kunċett ħażin ta’ immaniġjar tar-riżorsi u nuqqas ta’ rispett lejn il-ġid tal-bniedem. Żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi taffew xi ftit mis-sintomi ta’ din il-kriżi, iżda s-soluzzjoni vera tinsab fit-tħaddin tal-valuri tat-tagħlim ta’ Kristu Rxoxt li feda l-ħolqien kollu.

L-Impenn tal-Knisja

Peress li l-Knisja tħares lejn il-ħolqien bħala r-rigal t’Alla lill-umanità, hija (jiġifieri l-komunità ta’ dawk li jemmnu) mhux biss responsabbli u mpenjata li xxerred dan it-twemmin, iżda tat-twettiq tiegħu fis-soċjetà. Meta tkun iffaċċjata bi problemi ambjentali imminenti, il-livell għoli ta’ ċaqliq ta’ komunitajiet minħabba f’hekk u n-nuqqas ta’ ugwaljanza u ġustizzja fl-aċċess għar-riżorsi; il-Knisja ma tistax iżżomm lura milli tieħu rwol attiv fir-riforma soċjali. Madankollu, il-metodoloġija tagħha hi li tfittex soluzzjonijiet minn ġewwa – mill-qalb ta’ kull min jemmen – ibbażat fuq tiġdid personali li jwassal għal tibdil fl-istil ta’ ħajja u fl-għażliet li nagħmlu b’rispett lejn il-komunità tal-ħajja. Il-mod li bih l-umanità titratta l-ambjent jinfluwenza l-mod li titratta lilha nnifisha, u viċi-versa¹.

Iċ-Ċentralità tal-Persuna

Id-dmirijiet tagħna lejn l-ambjent jiġu mid-dmirijiet tagħna lejn il-persuna, kemm individwalment u kemm f’konnessjoni ma‘ oħrajn². Dan huwa l-prinċipju bażiku tal-ħidma ambjentali Nisranija għaliex jirrifletti l-mod kif Kristu, l-Imgħallem tagħna, ġab ruħu meta kien jgħix fostna. “Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw. 13:15). Kull meta l-attenzjoni tal-Knisja (u tad-dinja) tbiegħdet minn dan il-prinċipju, inqalgħu l-problemi. Din hija t-theddida attwali li qed niffaċċjaw minħabba l-globalizzazzjoni.
Din il-globalizzazzjoni għandha tissensitizzana għall-karba u l-miżerja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja li m’għandhomx vuċi u tiffoka r-riżorsi globali biex ittaffilhom tbatijiethom. Minflok, hemm periklu imminenti li l-globalizzazzjoni tispiċċa fi proċess li jsostni din is-sitwazzjoni: ordni soċjali mibni fuq inugwaljanza u sofferenza li tkompli tippromwovi ekonomija dinjija insensittiva.
Hu għal dan il-għan li Papa Benedittu jħeġġeġ għal żvilupp uman integrali, li fl-opinjoni tal-KA, jagħmel pass ‘il quddiem mill-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli. Dan il-kunċett ipoġġi t-tħassib dwar id-dinjità umana aktar minn dak ekonomiku fiċ-ċentru ta’ kull diskors ta’ żvilupp. Għaldaqstant il-globalizzazzjoni għandha tkun ikkaratterizzata minn sforz globali biex tkun assigurata kwalità tajba ta’ ħajja għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Ġid Komuni

Solidarjetà globali bil-ħsieb li twaqqaf tip ta’ iggvernar mibni fuq il-verità, l-imħabba u l-komunjoni hija mod ta’ kif nistgħu nerġgħu lura għall-pjan t’Alla għall-ħolqien, fejn il-bnedmin jgħixu f’armonija bejniethom u mal-ambjent ta’ madwarhom.
“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (Att. 4:32).
Sfortunatament, f’dinja li tbegħdet mit-tagħlim ta’ Kristu, diskors bħal dan jista’ jidher inġenwu u mhux realistiku. F’ambjenti bħal dawn l-isforzi biex jitkattar it-tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox jieħdu preċedenza fuq ir-rispett lejn il-ġid komuni. Il-profitt isir l-għan ewlieni aktar milli l-mezz li bih jintlaħaq l-għan: jiġifieri dak li jitkattar il-ġid soċjali. Papa Benedittu jsostni l-bżonn għall-eżami profond u fit-tul tal-mudell tagħna ta’ żvilupp². Fil-pjanijiet tagħna għall-iżvilupp, huwa essenzjali li niżnu tajjeb ukoll il-prezz ambjentali u soċjali fl-istima tal-ispejjeż. Dan jgħodd speċjalment għal pajjiż żgħir bħal Malta bir-riżorsi limitati tagħha u komunità magħquda.

Relattiviżmu vs il-Valuri Nsara

Il-valuri nsara huma fiċ-ċentru tal-iżvilupp uman integrali. Il-kmandament “ħobbu ‘l xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw. 15:12) jispira u jsostni t-tagħlim u l-azzjoni soċjali tal-Knisja. Madankollu li tgħix dan il-kmandament mhux ħaġa faċli peress li jirrikjedi li tpoġġi il-ġid ta’ ħaddieħor qabel l-interess personali anki jekk dan ifisser li tiċċaħħad mid-drittijiet tiegħek. Is-sejħa hi biex inbiddlu d-drawwiet mhux sostenibbli tagħna fi stili ta’ ħajja li jirriflettu dan il-mandat bażiku Nisrani.
Dan imur kontra t-tendenza ta’ llum li nfittxu d-drittijiet tagħna filwaqt li nnaqsu l-importanza tal-obbligi tagħna lejn l-oħrajn. Il-gwadann personali tagħna mingħajr kunsiderazzjoni lejn l-oħrajn u lejn l-ambjent isir l-istil ta’ ħajja tagħna u r-riżultat inevitabbli jkun soċjetà ta’ min għandu ħafna u min m’għandu xejn. Kif semmejna qabel, l-antidotu għal din il-mentalità u din il-ħsara huwa t-tagħlim ta’ Kristu. Imma l-Kelma t’Alla hija bħal xafra li taqta’ minn żewġ naħat li tasal fil-fond tal-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tagħna (Lhud 4:12). Il-messaġġ ta’ din il-Kelma jħallina nirriflettu fuq l-istil ta’ ħajja tagħna sabiex nagħrfu l-attitudni, il-preferenzi u l-vizzji li qed iżżommuna milli nwettqu l-pjan t’Alla: dak ta’ familja waħda … ta’ Missier wieħed … li ngħixu f’dar waħda.

Rilevanza għax-xena lokali

Sa mit-twaqqif tagħha, il-KA dejjem ħadmet biex tqajjem diskussjoni pubblika bbażata fuq il-prinċipji li jsemmi Papa Benedittu fil-kitbiet tiegħu. Id-dikjarazzjonijiet tal-KA iffukaw fuq argument varji dwar is-sostenibbiltà tal-istil ta’ ħajja tagħna u l-użu tagħna tar-riżorsi, bħall-art, baħar, ambjenti naturali, annimali u pjanti selvaġġi, enerġija u ilma ħelu. Pereżempju, meta nħarsu lejn kif, bħala pajjiż, qed nimmaniġjaw ir-riżorsi tagħna tal-ilma ħelu, donna stenbaħna għar-realtà ħarxa li għal snin twal sfruttajna dawn ir-riżorsi tal-ilma ħelu bl-addoċċ tant li kważi spiċċaw fix-xejn. Minkejja din is-sitwazzjoni tal-biża’, pajjiżna għad m’għandux politika adegwata u għat-tul għall-immaniġjar tal-ilma ħelu. Mhux talli hekk, imma jidher li hemm nuqqas ta’ ħeġġa li jitwaqqaf darba għal dejjem is-serq tal-ilma permezz ta’ boreholes illegali. Faċli tinduna li d-degradazzjoni ambjentali hija spiss dovuta għan-nuqqas ta’ politika uffiċjali għat-tul jew għall-girja wara interessi ekonomiċi tal-mument, li mbagħad isiru theddida serja għall-ħolqien”².
Huwa evidenti għall-KA li l-immaniġġjar kif suppost tar-riżorsi tal-ilma ħelu (u riżorsi oħrajn) jirrikjedi aktar minn sempliċi soluzzjoni teknoloġika. Is-sejba ta’ soluzzjonijiet tiddependi minn iggvernar tajjeb, moralità, ġustizzja soċjali u ordni pubblika. Is-setturi kollha tas-soċjetà tagħna, inkluża l-Knisja lokali, għandhom jaħdmu bis-sħiħ biex jagħmlu l-parti tagħhom biex insolvu din (u problemi oħra ta’ sostenibbiltà ambjentali,) u b’hekk nippromwovu soċjetà ġusta li tippromwovi l-iżvilupp integrali uman.

Għeluq

Il-KA tixtieq tikkonkludi din ir-riflessjoni qasira billi tawgura li ż-żjara ta’ Papa Benedittu f’Malta tagħti bidu għal tiġdid fl-impenn nazzjonali biex ikun żgurat li l-iżvilupp integrali uman jkun il-bażi tal-pjanijiet u politika tagħna ta’ żvilupp. Il-KA tħoss li l-Knisja għandha tkun l-ewwel waħda li tingħaqad f’dan il-moviment ambjentali ġdid fi ħdanha u tippromwovih (qabel kollox bl-eżempju) bħala mod tanġibbli kif l-Insara jistgħu juru verament l-imħabba tagħhom għad-dgħajjef, il-marid, il-fqir u l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.