Kultura li tagħti valur lill-ġisem uman

Nhar is-Sibt, 27 ta’ Frar, l-Isqof Mario Grech kien preżenti għall-ftuh u l-tberik tal-gym ġdid fl-iSports Complex tar-Rabat. F’messaġġ li għamel f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grech qal:

“Id-domanda għal aktar faċilitajiet li joffru eżerċizzi fiżiċi hija pożittiva għax ifisser li qed tikber il-kultura li tagħti valur lill-ġisem uman! Għax jekk il-ġisem huwa b’saħħtu, il-bniedem ikun b’saħħtu. Imma l-bniedem m’hux ġisem biss, imma huwa ġisem u spirtu; u jekk l-ispirtu jkun għajjien jew marid, fiżikament il-bniedem lanqas ikun f’postu. Il-‘jien’ m’hux il-ġisem biss, imma l-ġisem huwa meħtieġ biex il-‘jien’ jesprimi lilu nnifsu u jikkomunika mal-ohrajn! Għalhekk huwa dmir morali tal-bniedem jieħu ħsieb tal-fiżiku tiegħu.

Il-ġisem tal-bniedem huwa dejjem ġisem: kemm meta wieħed ikun ta’ mezz’età, kemm jekk ikun anzjan, kif ukoll jekk ikun għadu kif tnissel fil-ġuf! Importanti l-konsistenza: jekk qed ninvestu f’aktar gyms għax inħossu l-bżonn li nikkuraw il-ġisem, imbagħad ma nistgħux niddeċiedu li neqirdu l-ġisem, la bl-abort u anqas bl-ewtanasja.

Aspett importanti tal-ġisem hija s-sesswalità, li permezz tagħha r-ragel u l-mara, li huma kumplimentari, jirrelataw ma’ xulxin f’kuntest ta’ mħabba. Sfortunatament, minħabba nuqqas ta’ għarfien tal-valur veru tal-ġisem, kif ukoll għax il-bniedem fl-egoiżmu tiegħu kapaċi jabbuża mill-ġisem tiegħu u ta’ ħaddiehor, is-sesswalità tbattlet mit-tifsira tagħha bħala espressjoni nobbli u qaddisa tal-imhabba vera! Il-persuna li tħobb m’hix dik li taf it-teknika tal-att sesswali jew li tfittex is-sodisfazzjon tagħha ’l barra mill-kuntest interpersonali u d-disponibilità għad-don tal-hajja! Imma raġel iħobb tassew lil martu jekk permezz tal-fiżiku tiegħu hu jingħata lilha.

Nawgura li f’pajjiżna din l-kultura favur il-ġisem tqanqal interess biex infittxu għarfien aktar dwar il-bniedem. It-“teoloġija tal-ġisem” tista’ tgħin ħafna fl-edukazzjoni għat-tifsira vera kemm tal-ġisem tal-bniedem kif ukoll tas-sesswalità”.