Għażla favur il-ħajja

Waqt manifestazzjoni li saret fir-Rabat, Għawdex, ilbieraħ il-Ħadd, 7 ta’ Frar 2010 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech għamel dan il-messaġġ:

Inħossni kburi li flimkien ma’ din il-ġemgħa sabiħa nislef il-vuċi tiegħi biex is-soċjetà tagħna ma tkomplix titlef il-kuxjenza favur il-ħajja! Inħossni kuntent li din il-ġemgħa illum b’vuċi għolja qed tistqarr pubblikament l-għażla favur il-ħajja.

Anke jekk ikun hemm każ ta’ abort wieħed biss, xorta aħna fid-dmir li ma nisktux biex inqajmu kuxjenza favur il-ħajja.

Tajjeb li naraw x’nistgħu nagħmlu biex inbegħdu t-tiġrib li bniedem jista’ jkollu biex itemm il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.


Hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar it-tifsira vera tal-imhabba u dwar il-ġmiel tas-sesswalità, partikularment kif spjegat tajjeb ħafna mit-“teoloġija tal-ġisem” tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Edukazzjoni dwar il-valur assolut tal-ħajja hija urġenti.

Riċerki soċjali juru li hemm rabta bejn familji instabbli u l-prattika tal-abort. Fejn il-familja hija sħiħa, x’aktarx it-tqala hija aċċettata u ċċelebrata; imma fejn il-familja hija mkissra, bħal fil-każ ta’ ġenituri divorzjati, hemm probabilità ogħla li l-ħajja tkun rifjutata u mhedda. Kieku mara tqila jkollha familja li tħobbha, twiżinha u takkumpanjaha matul it-tqala, kieku jiġu evitati ġafna delitti.

Hemm bżonn naħdmu biex jonqos il-faqar. Xi drabi jiġri li jekk titnissel ħajja m’hux ippjanata lil koppja li ma għandhiex mezzi, faċli li din tikkontempla kif tista’ teħles mit-tarbija għax ma tkunx tiflaħ terfa’ l-piż finanzjarju li ġġib it-trobbija. Fejn hemm il-faqar, il-bniedem isir xħiħ mal-ħajja. Jekk verament nemmnu fil-ħajja tal-bniedem, irid isir impenn akbar biex nikkumbattu l-faqar.

X’għajnuna ta counselling tingħata lil dawk l-ommijiet li jkunu bejn ħaltejn jekk ikomplux bit-tqala jew le? F’każ li titwieled persuna b’diżabilità, x’servizzi ta counselling jeżistu fis-sistema tas-saħħa tagħna biex dik il-koppja jew l-omm m’hix miżżewġa m’hux biss biex tagħraf tilqa’ l-ħajja, imma wkoll biex tirbaħ il-biża’ li jaf jifxilha waħda sew jekk terġa’ ssib ruħha li trid tagħmel għażla favur il-ħajja ?

Idrodd ħajr lid-Dar Ġużeppa Debono li għal dawn l-aħħar 25 sena kienet ir-risposta tal-Knisja f’Għawdex biex tgħin “ommijiet m’hux miżżewġa” tqal u biex issaħħaħ mentalità kontra l-abort u favur il-ħajja.