ID-DULURI PREŻENTI FL-IMMIGRANTI IRREGOLARI
Omelija ta l-Isqof Mario Grech
Manifestazzjoni pubblika fl-okkażjoni tal-festa tal-Addolorata
Pjazza Indipendenza, Rabat – il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2009

Traġedja umana li ma tħalliniex indifferenti

Għada friska t-traġedja ta’ ’l fuq minn 300 ruħ li fil-ġranet li għaddew għerqu f’baħar qawwi ftit ’il barra mill-kosta tal-Libja, huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa b’mod irregolari. Kemm-il ħajja mitmuma ħesrem! Kemm tamiet ta’ ħelsien u ħajja ġdida spiċċaw f’qiegħ il-baħar! X’wied ta’ dmugħ iġelben ma’ ħaddejn dawk li tħallew jibku t-telfa! Bħalma darba ħarset lejn Binha fuq is-salib, hekk Omm Kristu, Omm il-bnedmin kollha tħares lejn it-traġedja umana ta’ dawk li qed jaħarbu l-persekuzzjoni, il-gwerra jew il-faqar insopportabbli f’pajjiżhom. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u li xi ftit eluf minnhom sabu ruħhom fuq xtutna, huma nies qed jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu l-protezzjoni ta’ pajjiżi oħra, proprju għax pajjiżhom jew il-pajjiż li jinsabu fih mhux biss ma jħarisx id-drittijiet u l-libertà tagħhom, imma saħansitra jiċħdilhom dawn id-drittijiet u forsi jhedded l-istess ħajja tagħhom. Jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza tar-rifuġjati fid-dinja llum ma jinsabux fil-pajjiżi sinjuri, imma f’uħud mill-ifqar pajjiżi tad-dinja.

Traġedja umana li ma tħalliniex indifferenti

Għada friska t-traġedja ta’ ’l fuq minn 300 ruħ li fil-ġranet li għaddew għerqu f’baħar qawwi ftit ’il barra mill-kosta tal-Libja, huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa b’mod irregolari. Kemm-il ħajja mitmuma ħesrem! Kemm tamiet ta’ ħelsien u ħajja ġdida spiċċaw f’qiegħ il-baħar! X’wied ta’ dmugħ iġelben ma’ ħaddejn dawk li tħallew jibku t-telfa! Bħalma darba ħarset lejn Binha fuq is-salib, hekk Omm Kristu, Omm il-bnedmin kollha tħares lejn it-traġedja umana ta’ dawk li qed jaħarbu l-persekuzzjoni, il-gwerra jew il-faqar insopportabbli f’pajjiżhom. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u li xi ftit eluf minnhom sabu ruħhom fuq xtutna, huma nies qed jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu l-protezzjoni ta’ pajjiżi oħra, proprju għax pajjiżhom jew il-pajjiż li jinsabu fih mhux biss ma jħarisx id-drittijiet u l-libertà tagħhom, imma saħansitra jiċħdilhom dawn id-drittijiet u forsi jhedded l-istess ħajja tagħhom. Jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza tar-rifuġjati fid-dinja llum ma jinsabux fil-pajjiżi sinjuri, imma f’uħud mill-ifqar pajjiżi tad-dinja.

B’dak li qed jiġri tant qrib ta’ Malta u kif dan qiegħed joloqtna f’pajjiżna stess, aħna xhieda ta’ traġedja umana ħafna usa’ li qiegħda tħarbat il-ħajjiet ta’ miljuni ta’ bnedmin madwar id-dinja u fil-kontinent Afrikan. Quddiem l-għawġ u n-niket li qed jolqot tant bnedmin oħra, x’qed nagħmlu sewwasew? Indawru wiċċna n-naħa l-oħra biex ma narawx, niftħu għajnejna u nxammru l-kmiem biex ngħinu ’l min jeħtieġ l-għajnuna, jew nagħtu bis-sieq lil min ġa bata ħafna fil-ħajja?

Is-sitwazzjoni f’Pajjiżna

Skont il-proċeduri fis-seħħ, f’Malta l-immigrazzjoni irregolari lqajnielha bis-sistema tad-detenzjoni tal-immigranti mal-wasla f’Malta. Dak li qed jiġri llum u f’dawn l-aħħar snin jitlob riflessjoni onesta, sinċiera u bilanċjata. Irridu nżommu quddiem għajnejna li iktar minn nofs dawk li ddaħlu jew waslu Malta ngħataw xi forma ta’ protezzjoni. Dawn huma maqfula f’kundizzjonijiet li ma jixirqux lill-bnedmin, lil tant u tant nies li ġa għaddew minn ħafna tbatija qabel ma waslu hawn. Din it-tbatija ma tikkonsistix biss fil-vjaġġ skabruż biex jaqsmu d-deżert tas-Sahara jew il-periklu kbir biex qasmu l-Mediterran fuq dgħajjes iffullati. It-tbatija li għaddew minnha dawn ħutna bnedmin ħadet il-forma ta’ ħabs, swat, abbuż, tortura, stupri, ġrieħi fil-gwerra, rikatti u theddid, biża’ kostanti, il-qerda tad-djar, u f’ħafna każi l-mewt vjolenti jew traġika tal-qraba tagħhom. Nemmnu li d-detenzjoni fit-tul kif imħaddma f’pajjiżna tkisser in-nies mentalment u ma tħejjihomx biex jaraw b’għajnejn tajba lis-soċjetà Maltija li fiha jridu jgħixu sakemm jiġi ż-żmien li jkunu jista’ jerġgħu lura lejn pajjiżhom jew imorru pajjiż ieħor.

Wasal iż-żmien li nistaqsu lilna nfusna bis-serjetà: possibbli li pajjiż ċivilizzat bħal tagħna, bil-valuri li nemmnu li għandna, ma jara xejn ħażin filli nżommu maqfula fid-detenzjoni lil nies li ma wettqu l-ebda reat u li jinsabu hawn biss għax qed ifittxu l-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor?

X’soċjetà qed nibnu issa u fil-ġejjieni meta ma nibqgħux naraw lill-bnedmin oħra bħala bnedmin, meta l-preġudizzju jagħmina u f’moħħna nagħmlu għedewwa min-nies li għadhom bżonn jingħataw il-protezzjoni? X’effett iħallu fina l-Insara l-kliem ta’ Sidna Ġesù: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”? X’qiegħed iżommilna għajnejna milli naraw lil Sidna Ġesù jbati f’dawn il-bnedmin ibatu? L-immigrazzjoni irregolari u t-tweġiba li bħala poplu u bħala Nsara qed nagħtu għaliha saret l-ikbar test tal-fidi tagħna llum, ta’ jekk hemmx qbil profond bejn dak li ngħidu li nemmnu u l-għemil li joħroġ minn din il-fidi. Jekk irridu nkunu onesti, dan it-test qed neħlu fih.

Il-ħidma tal-Knisja favur min ibati

Il-Knisja f’pajjiżna, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, partikularment permezz tal-Kummissjoni Emigranti u l-Jesuit Refugees Centre, tat kontribut validu ħafna b’din il kawża. Imma qatt ma hu biżżejjed. Il-komunitajiet Insara, il-parroċċi u l-istituzzjonijiet tal-Knisja jridu jkunu minn ta’ quddiem biex nistmaw lir-rifuġjati u l-immigranti bir-rispett li jixraqlu kull bniedem. Hemm wisgħa fil-knejjes tagħna għal dawk li huma Nsara fosthom? X’messaġġ qed jieħdu minn għandna dawk li mhumiex Insara? Kliemna u għemilna qed iħabbru l-Aħbar it-Tajba ta’ Sidna Ġesù Kristu?

Pajjiżna għandu tradizzjoni missjunarja twila. Tant saċerdoti, patrijiet, sorijiet u lajċi taw u għadhom jagħtu l-aħjar ta’ ħajjithom biex ikunu sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla fl-Asja, l-Amerika Latina u l-Afrika. Tant żgħażagħ ta’ kull sena jwettqu ħidma volontarja mal-fqar f’kull kontinent u jsibu nies, għaqdiet u ditti li jappoġġjawhom. Issa li bosta Afrikani jinsabu fostna, huwa l-waqt li nkunu Evanġelju – l-aħbar it-tajba tal-imħabba ta’ Alla – li tinqara fl-aċċettazzjoni bir-rispett ta’ dawn in-nies fostna.

Għax qegħdin eqreb lejn l-Afrika mill-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa, għandna nifhmu aħjar. Għandna raġun nitolbu l-għajnuna mill-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa. Sena ilu, ahna l-isqfijiet Maltin konna tlabna lill-Kunsill tal-Isqfijiet Ewropej (COMECE) biex peremzz tal-Konferenzi Episkopali rispettivi tagħhom ikunu eku tal-karba li ħierġa minn pajjiżna. Sfortunatament dan l-appell ftit sab widnejn miftuħa. Xorta waħda b’leħen għoli għandna nkomplu nispjegaw lill-bqija tal-Ewropa li s-soluzzjoni ma tinstabx filli nreġġgħu lura bilfors f’ħalq il-periklu lil min jeħtieġ il-protezzjoni, ma tinsabx f’li nagħmluha impossibbli lil min jeħtieġ l-asil li jkun jista’ jagħmel it-talba tiegħu.

Fostna jibqgħu nies li għalkemm it-talba tagħhom għall-asil kienet miċħuda ma jistgħux jintbagħtu jew imorru lura f’pajjiżhom. Dawn xorta waħda huma u jibqgħu bnedmin ħutna u rridu nistmawhom bid-dinjità li tixirqilhom. L-identità tagħna bħala Maltin tissaħħaħ skont kemm aħna kapaċi nieħdu ħsieb ta’ min hu l-iktar dgħajjef fostna.

L-immigrazzjoni irregolari hi sfida

L-immigrazzjoni irregolari hija sfida għalina u għall-Ewropa kollha kemm hi. Hemm obbligu uman li t-tbatija tal-ieħor, ta’ tant u tant oħrajn, nagħtu kasha u ntaffuha. Hemm obbligu uman li nibnu dinja ta’ solidarjetà, li nfejqu l-ġrieħi tal-umanità ta’ żmienna, li niżirgħu l-ftehim u l-paċi. Fuqna l-Insara, dan huwa l-kmand li tana Sidna Ġesù waqt l-Aħħar Ċena: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (Ġw. 15,12)

IIlum inġbarna biex nagħmlu festa lid-Duluri. Pajjiżna llum ser jimxi magħha, hi li biex tehles lil binha mill-qilla ta’ Erodi kellha taħrab u ssib refuġju fl-Eġittu! Biex l-imħabba tagħna lejn Marija Addolorata tkun awtentika hemm bżonn li nakkumpanjaw ukoll lil dawk l-immigranti irregolari li biex jiddefendu ħajjithom qed ikollhom jaħarbu u jfittxu refuġju f’destinazzjoni oħra.