Nagħti ħajti biex Kristu jissawwar fikom!
Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 22 ta’ Jannar 2006)

Messaġġ ta’ l-E.T. l-Isqof Mario Grech fi tmiem il-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex (Katidral – 22 ta’ Jannar 2006)

Jiena qatt ma għaddieli dubju mill-fatt illi Kristu għandu qawwa jiġbed id-dinja warajh. Hija l-kelma tiegħu fl-aħħar mill-aħħar: “Għad niġbed lil kulħadd warajja”. U dalgħodu, Poplu t’Alla f’Għawdex, tajtu prova kemm tħobbu lill-Mulej Ġesù. Hija l-fidi tagħna fi Kristu illi ħarġitna minn djarna, laqqgħetna flimkien f’din iċ-ċirkustanza, u wrietna li hemm mumenti fejn aħna poplu wieħed, poplu magħqud. Inrodd ħajr lil Alla talli tani din il-grazzja li nara din ix-xhieda, u nitolbu jgħinni biex ngħinkom titqawwew fil-fidi tagħkom fi Kristu. M’hemmx skop tal-ministeru tiegħi jew ta’ ħuti s-saċerdoti jekk mhux biex ngħinu lil xulxin ħalli nagħrfu l-ġmiel ta’ Kristu. Jekk aħna nikbru fl-għarfien tagħna ta’ Kristu, tikber l-għaqda bejnietna.

Huwa ta’ sodisfazzjon tara l-Knisja, il-Poplu t’Alla, in cammino, miexi flimkien mar-rgħajja spiritwali tiegħu. Min-naħa tiegħi, nwiegħdkom kif wegħidt lil Alla illi nagħti ħajti għaliH u  għalikom. Naf li din mhix sentenza ħafifa; naf ukoll illi forsi jien stess m’hiniex nifhem l-implikazzjonijiet kollha ta’ dan l-impenn, imma lest li nagħti ħajti biex Kristu jissawwar fikom. Jekk Kristu jissawwar fina, għandna forza biex insalvaw lil kull wieħed u waħda minna, insalvaw il-familja tagħna, insalvaw is-soċjetà tagħna. U meta ngħid “insalvaw”, m’hiniex nifhem is-salvazzjoni eterna biss, imma s-salvazzjoni minn din id-dinja.

Jiena għażilt bħala sentenza li tmexxini personalment f’dan il-ministeru ġdid tiegħi dik il-frażi mill-esperjenza ta’ Għemmaws: “Fil-qsim tal-ħobż”. Nistqarr magħkom illi inizjalment kienet sentenza oħra, dik is-sentenza li aħna ngħidu fil-mument tal-konsagrazzjoni: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom”, sentenza li aħna s-saċerdoti ngħidu kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, li mhix biss l-azzjoni ta’ Kristu illi jagħtina ġismu, illi jaqsam il-ħobż, lilu nnifsu magħna, imma jien irrid nagħmilha sentenza tiegħi. Nawguralkom, għeżież ħuti fis-saċerdozzju, biex tgħinuni u jiena ngħinkom, proprju biex inkunu ħobż li jingħata – ġisem li jingħata. Għax jekk aħna nagħmlu mill-Ewkaristija l-programm tal-ħajja personali tagħna, tal-ħajja tal-familja tagħna, tal-ħajja saċerdotali tagħna, tal-ħajja reliġjuża, tal-ħajja pubblika tagħna, il-ħajja ssir realtà ġdida msejsa fuq l-imħabba. Naf li din mhix ħaġa ħafifa, imma l-Ispirtu ta’ Alla jgħinna biex nissagrifikaw lilna nfusna, dak li għandna, għal xulxin, ħalli tikber l-unjoni ta’ bejnietna, l-unjoni fil-familja, l-unjoni fil-ħajja ekkleżjali, l-unjoni fis-soċjetà.

Din hija t-talba li jiena nagħmel lil Alla f’din il-ġurnata importanti. Mhux biss għalija personalment, imma għall-Knisja kollha kemm hi.

Grazzi, pa u ma.

Grazzi, poplu t’Alla f’Għawdex, għax il-preżenza tagħkom timlieni b’kuraġġ.

Grazzi lilek, Eċċellenza Nunzju Apostoliku. Meta qed nirringrazzja lilek, qed nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI

Grazie per la sua presenza in mezzo a noi, ieri e oggi, e per la sua presenza permanente in mezzo a noi. Accogliendo Lei noi stamattina abbiamo accolto il nostro Santo Padre. Mentre la banda dei carabinieri suonava l’inno pontificio, mi sono raccolto in preghiera, e nella mia mente e nel mio cuore c’era la presenza del nostro pastore, Papa Benedetto! Le chiedo di rivolgere al Santo Padre questa preghiera che abbiamo fatto stamattina. Il nostro animo è pieno d’amore, di rispetto per Lui. Perché noi, amando e rispettando il Santo Padre, amiamo il nostro Signore Gesù Cristo.

Jiena għidt li rrid ngħix is-sentenza “Ħobż li jingħata”. Għandi mudelli li jgħinuni f’dan: hemm mudelli ta’ qaddisin, imma hemm ukoll mudelli ta’ nies li naħbat wiċċi magħhom kuljum fl-esperjenza tal-familja, imma anke fl-esperjenza li għamilt miegħek, Eċċellenza Nikol Cauchi. Fiż-żmien li għamilt miegħek, int, li forsi mingħajr ma taf, bl-eżempju tiegħek għallimtni kif għandi ningħata lil Alla u lill-bnedmin. U mhux lili biss għint, imma għint lill-poplu u lil dawn is-saċerdoti kollha.

Grazzi.