Published on June 5, 2009
in 2009.
L-Arċisqof Pawlu Cremona, O.P., u l-Vigarju Ġenerali, Monsinjur Annetto Depasquale esprimew is-solidarjetà tagħhom ma’ ħuhom Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.
Huma talbu lill-Mulej biex ikompli jieqaf miegħu u jbierku bid-doni tal-għerf u l-qawwa biex jibqa’ jkun xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb qrib il-merħla tiegħu.
Published on June 5, 2009
in 2009.
Fid-dawl tal-ġrajjiet tal-lejl li għadda, meta persuna jew persuni mhux magħrufa kitbu kliem offensiv fil-konfront tal-ministeru pastorali tal-Isqof t’Għawdex, Mons Mario Grech, il-Kappillani ta’ Għawdex, f’laqgħa li saret illum, il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2009, iddeċidew li jesprimu dan li ġej:
1. Jiddeploraw dan l-attakk fuq l-integrità personali ta’ Mons Isqof;
2. Jirriaffermaw il-fiduċja tagħhom fit-tmexxija tiegħu u fil-ħeġġa tiegħu li jiddefendi dak kollu li huwa ta’ ġid għall-ħajja tal-Knisja f’Għawdex;
3. Jinkoraġġuh li jibqa’ jżomm leali lejn l-impenji li assuma quddiem il-Knisja kollha f’Għawdex dak in-nhar li ġie msejjaħ għall-ministeru ta’ Isqof;
4. Waqt li jirringrazzjawh għad-dedikazzjoni ġeneruża fil-ministeru tiegħu, jitolbu lill-Insara tad-djoċesi biex juru s-solidarjetà tagħhom speċjalment bit-talb għal Mons Isqof.
Dun Tarcisio Camilleri
Segretarju Kulleġġ tal-Kappillani
Published on June 5, 2009
in 2009.
Matul dan il-lejl saret kitba mal-ħajt tal-Kurja b’allegazzjonijiet malafamanti fuq il-ħidma tiegħi bħala Ragħaj Spiritwali marbuta ma’ deċiżjonijiet li stajt ħadt biex, kif huwa dmir tiegħi, inħares l-interessi tal-Knisja kollha f’Għawdex.
Filwaqt li niċħad dawn l-allegazzjonijiet għax huma bla fundament, nassigura lill-poplu ta’Alla afdat fil-kura tiegħi li l-għażliet li jkolli nagħmel, wara li nkun ikkonsultajt ruħi, inwettaqhom b’kuxjenza u responsabilità quddiem Alla u l-Knisja, anke jekk dan jiswieli prezz.
Sodisfatt li ħafna jħobbu l-Knisja, imma jiddispjacini li kultant nara sinjali ta’ nuqqas ta’ komprensjoni u kollaborazzjoni. Nitlob is-solidarjeta fit-talb.
Illum, il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2009.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Published on May 26, 2009
in 2009.
Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, illum, it-Tlieta, 26 ta’ Mejju, jagħlaq 25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Huwa ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex mill-isqof Nikol Ġ Cauchi. Flimkien miegħu ġie ordnat saċerdot ukoll Mons Alfred Xuereb, illum assistent segretarju tal-QT il-Papa Benedittu XVI.
Dritt wara l-ordinazzjoni tiegħu Mons Grech intbagħat ikompli l-istudji tiegħu fl-Università Pontifiċja Lateranensi u sussegwentement fl-Università Pontifiċja Angelicum. Hu għandu d-dottorat fid-Drittu Kanoniku. Lura Għawdex wara l-istudji tiegħu, Mons Grech ħadem fl-uffiċċji tat-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex u tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Kien inħatar ukoll Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal f’Għawdex. Bħala saċerdot, il-ħidma pastorali tiegħu kienet marbuta mal-parroċċa ta’ Kerċem u mas-Santwarju tal-Madonnata’ Pinu. Qabel ġie maħtur isqof, Mons Grech kien kappillan tal-parroċċa ta’ Kerċem.
F’din l-okkażjoni tal-Ġublew Saċerdotali tiegħu l-Papa Benedittu stieden lill-isqof Mario Grech biex flimkien ma’ Mons Alfred Xuereb jikkonċelebraw miegħu quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-kappella privata tal-Papa. Wara l-isqof Grech se jkun il-mistieden tal-Papa flimkien ma’ Mons Xuereb għall-pranzu.
Id-djoċesi ta’ Għawdex se tfakkar il-Ġublew saċerdotali tal-isqof Grech b’konċelebrazzjoni fil-Katidral ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2009.
Matul din il-Ġimgħa Mons Isqof Mario Grech qed jieħu sehem fid-59 Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Taljana f’Ruma, fejn mistenni jagħmel intervent f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija.
Published on May 6, 2009
in 2009.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza Pellegrinaġġ Nazzjonali għal Fatima fil-Portugal bejn il-25 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru, 2009. Il-pellegrinaġġ se jkun taħt it-tmexxija spiritwali Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.
Il-pellegrini se jgħaddu jiem f’riġlejn Ommna Marija ġo Fatima fil-Portugal fejn fl-1917 deheret u kellmet lit-tliet itfal Lucia, Francesco u Giacinta. Mons. Isqof Grech se jmexxi konċelebrazzjoni bil-malti fil-Kappella tad-Dehriet fejn issir il-Konsagrazzjoni tal-Familji lill-Madonna u jmexxi Purċissjoni Ewkaristika madwar il-pjazza tas-Santwarju ta’ Fatima.
Continue reading >>
Published on May 5, 2009
in 2009.
The diocese of Gozo celebrated the fourth anniversary of the beginning of the pontificate of Pope Benedict xvi and prayed for the Pope in a solemn pontifical mass at the Gozo Cathedral presided over by H.E. Mgr Tommaso Caputo, Apostolic Nuncio to Malta, on Sunday 26th April 2009.
In his homily, the Nuncio emphasised that this was a thanksgiving mass with profound significance. The gathering of priests and people in the Cathedral Church to pray for the pope showed that even the Church in Gozo was fully united with the Pope and was always prepared to harbour his teachings.
The Nuncio, assisted by the bishop of Gozo Mgr Mario Grech and the Bishop Emeritus Mgr Nikol Cauchi, concelebrated mass with the Cathedral Chapter, most of the parish priests of Gozo, and a number of priests. At the end, Mgr John Bosco Gauci, presented the nuncio with a new skullcap, who obliged by presenting his own skullcap to the archdeacon.
Published on May 5, 2009
in 2009.
Fl-okkażjoni tal-festa tas-Sinjura tagħna tal-Qalb ta’ Ġesù, titular tal-Knisja tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex, ilbieraħ, il-Ħadd 3 ta’ mejju 2009 Mons Isqof Mario Grech żar il-Casa Madre Għawdex u qaddes għall-komunità miġbura. F’din l-okkażjoni, Mons Isqof ingħaqad mal-Knisja Universali fit-talb għall-Vokazzjonijiet.
Published on April 29, 2009
in 2009.
Illum, it-Tlieta, 28 ta’ April 2008 l-E.T. Dr George Abela, President ta’ Malta għamel żjara ta’ kortesija lill-Isqof ta’ Għawdex, Mons Mario Grech fl-uffiċċju tiegħu fil-Kurja. Fl-istess żjara, il-President iltaqa’ wkoll mal-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi, Mons Giovanni B. Gauci, mal-Isqof Emeritus Mons Nikol Cauchi, u ma’ diversi kollaboraturi tal-isqof Grech li jaħdmu l-Kurja.