Maħbubin uliedi,
Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna jispirani naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet, bit-tama li jgħinukom tapprezzaw aktar dan iż-żmien tar-Randan li l-Knisja toffrilna bi tħejjija għall-festa ta’ l-Għid il-Kbir.
Meta nisma l-kelmiet “l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù…”, qalbi timtela bil-ferħ, għax ninduna li Dak li mexxa lil Ġesù huwa l-istess Spirtu li qiegħed jimbotta lili u lilkom! Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li “joħroġna”. Dan ir-rakkont huwa provvidenzjali, għax kif Ġesù jagħmel din l-esperjenza ta’ l-Ispirtu eżattament fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, jien u intom ukoll ninsabu f’din l-istess ċirkustanza: fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Isqof tagħkom, kemm jien kif ukoll intom għandna l-grazzja li ngħixu f’din il-fażi ġdida tal-ħajja tal-Knisja f’Għawdex. Nemmen bis-sħiħ li jrid ikun l-Ispirtu ta’ Alla li “joħroġna” fid-diversi toroq tal-ħajja biex aħna nagħmlu din l- esperjenza ta’ Knisja.
Nistqarr li jien konvint li dan l-Ispirtu ta’ Alla, wara li strieħ fuqi u kkonsagrani, fil-ġimgħat li għaddew “ħariġni” fit-toroq ta’ gżiritna fiż-żjara fraterna li qed nagħmel fil-komunitajiet parrokkjali tagħna. F’dawn iż-żjarat l-Ispirtu qed ilaqqagħni mal-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex, u nista’ napprezza kemm dan l-istess Spirtu qed jaħdem f’ħafna minnkom, kemm fil-ħajja Għawdxija għandna sinjali li jixhdu li l-preżenza ta’ l-Ispirtu tħalli l-marka tagħha. Rajt saċerdoti mogħtija għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla; ltqajt ma’ reliġjuzi u lajċi kkonsagrati applikati fit-talb u f’ħajja sempliċi qrib tan-nies; ħassejt id-dedikazzjoni ta’ dawk il-lajċi impenjati fil-ħajja ekkleżjali, bħalma huma l-katekisti u operaturi pastorali oħra; ilmaħt tbissima u għajnejn jixegħlu bit-tama fuq il-kotra ta’ l-uċuħ; ħafna familji fetħuli beraħ mhux biss il-bieb ta’ djarhom imma wkoll il-bieb ta’ qalbhom; ġejt milqugħ b’entużjażmu miż-żgħażagħ tagħna impenjati f’ħidmiet diversi; it-tfal tagħna għaddewli l-fwieħa ta’ l-innoċenza u s-safa tagħhom!
L-istess sinjali tal-preżenza ħajja ta’ l-Ispirtu rajthom meta kont mistieden f’dawk l-istituzzjonijiet “lajċi”, bħalma huma l-Kunsilli Lokali, il-każini tal-baned u tal-futbol, kif ukoll fid-diversi skejjel. Deher ċar li f’dawn id-“djar” jiltaqgħu ukoll l-insara - jiġifieri dawk li jħallu lill-Ispirtu “joħroġhom” u jwassalhom f’dawn il-postijiet. Ma nsibx kliem biex inrodd ħajr lil Alla ta’ din l-esperjenza!
In-nisrani f’intimità ma’ Alla
Fil-Vanġelu tal-lum, San Mark jgħidilna li “l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert”. Fid-dawl ta’ dak li nsibu fl-Iskrittura, id-deżert jista’ jkun il-post fejn Alla juri lilu nnifsu lill-bniedem u hemm jerġa’ jiġġedded il-patt ta’ l-imħabba miegħu. Fid-deżert Alla jqanqal lill-bniedem għal warajh, kif Alla nnifsu jagħmel ma’ Israel: “Jien se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem… Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ġustizzja, fl-imħabba u l-ħniena, b’rabta fidila jien ngħarrsek miegħi u int tagħraf lill-Mulej.” (Ħos. 2,16-22)
Nistħajjel li din kienet l-esperjenza ta’ Ġesù fid-deżert: waqt importanti biex isaħħaħ ir-rabta tiegħu mal-Missier u jagħraf aktar il-ġmiel u l-missjoni tiegħu bħala Iben il-Missier. Din l-esperjenza fil-bidu tal-ministeru tiegħu toffri lil Ġesù motivazzjoni aktar sħiħa biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru, kif ukoll viżjoni dejjem ġdida u kreattiva: ix-xewqa tal-Missier, għani fil-ħniena, li jħaddan kull persuna.
Kemm nixtieq li f’dan iż-żmien tar-Randan il-Knisja f’Għawdex tixxennaq biex tagħmel din l-esperjenza li kellu Ġesù fid-deżert! Kemm nixtieq li f’dan ir-Randan nikbru fil-konvinzjoni li aħna wlied Alla, u ngħożżu din l-identità li magħha għandha missjoni! Kemm nixtieq li nniżżlu l-għeruq tagħna f’dan l-għarfien, għax minnu tiddependi l-viżjoni tagħna tal-Knisja u bħala Knisja!
Ir-Randan, kif kitbilna l-Papa Benedittu XVI fil-messaġġ tiegħu għal dan iż-żmien tas-sena, “huwa żmien privileġġjat fil-mixja interjuri lejn Dak li huwa għajn ta’ kull ħniena; huwa pellegrinaġġ li matulu Huwa nnifsu jakkumpanjana fid-deżert tal-faqar tagħna u jieqaf magħna fil-mixja lejn il-ferħ kbir tal-Għid.” Biex inġarrbu dan il-ferħ kbir tal-Għid huwa meħtieġ li nħallu lil Ġesù, l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, isaħħarna bil-gmiel tiegħu bħala l-Iben ta’ Alla li sar bniedem; inħalluh ikellem lil qalbna u jgħarrasna miegħu fis-sewwa u l-ġustizzja, fl-imħabba u fil-ħniena. Inħallu l-glorja jew il-ġmiel ta’ Kristu jsuqna!
L-emozzjoni li jqanqal fina Ġesù meta nikkontemplawh, speċjalment fil-waqt li qiegħed fuq is-salib, tixgħel fina ħeġġa akbar biex nagħmluh magħruf u maħbub aktar fostna; tgħinna nistinkaw biex inrawmu fina spiritwalità aktar awtentika, u nevitaw ir-riskju li r-reliġjon kristjana nirrenduha sistema ta’ moraliżmi, jiġifieri ta’ ubbidjenza lejn il-liġijiet mingħajr l-iċken sens ta’ mħabba; tqanqalna biex ikollna viżjoni aktar evanġelika li tħaddan l-esperjenzi umani kollha, speċjalment dawk il-mumenti fejn il-ħajja tidher qed titlef mill-ġmiel tagħha. Qed nifhem dawk ħutna li għandhom diffikultajiet spiritwali, dawk li għal xi raġuni jħossu l-Knisja ’l bogħod minnhom, dawk il-familji bi problema, u dawk il-persuni li s-soċjetà tagħtihom il-ġenb. In-namur ma’ Ġesù jistimulana biex inkomplu ninbnew bħala Knisja u npoġġu lura l-Vanġelu fit-tradizzjonijiet reliġjuzi tagħna.
In-nisrani jiġġarrab biex ikun isħaħ
Imma l-esperjenza ta’ Ġesù fid-deżert kellha dimensjoni oħra: turi li Ġesù kien imfixkel mix-Xitan. Kif jgħid l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, Ġesù “kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub” (4,15). It-tentatur ipprova joħloq dubju f’Ġesù dwar l-istess identità tiegħu: “Jekk inti Bin Alla…”! (Mt 4,3.6) Il-gravità ta’ din il-prova tidher aktar meta niftakru li ftit qabel din l-esperjenza tad-deżert, Ġesù rċieva l-magħmudija fil-Ġordan u l-Missier stqarr fuqu: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1,11). Il-fatt li dakinhar tad-deżert ix-Xitan “telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt” (Lq 4,13), juri li Ġesù baqa’ jiġi ppruvat ħajtu kollha, anke meta kien qed jagħmel l-offerta tiegħu nnifsu lill-Missier fuq is-salib, tant li lil Ġesù jgħidulu: “Jekk int l-Iben ta’ Alla, inżel minn fuq is-salib”! (Mt 27,40)
Dak li għadda minnu l-Imgħallem tagħna ngħaddu minnu aħna lkoll. It-taqbida li ġarrab Ġesù kontra Satana hija t-taqbida tagħna kontra l-ispirtu ħażin u kontra l-istrutturi tad-dnub li għandna fis-soċjetà tagħna. Fil-ħajja tagħna ikun hemm waqtiet fejn jiġina dubju, jew xi ħadd idaħħlilna dubju dwar l-identità tagħna bħala wlied Alla, aħwa f’Ġesù Kristu u membri fil-Knisja! F’ħajjitna hemm mumenti fejn issir pressjoni fuqna biex nagħżlu bejn stil ta’ ħajja li jirrifletti li aħna ta’ Alla, u stil ta’ ħajja skond l-ispirtu tad-dinja.
Kif semmejtilkom fil-bidu, fiż-żjara fraterna li qed nagħmel rajt u messejt b’idejja l-għadd ta’ barkiet li Alla qed isawwab fuq il-poplu Għawdxi. Fl-istess ħin, konxju mill-preżenza ta’ l-ispirtu ħażin fid-dinja, ma nistax naħbi t-tħassib tiegħi li dawn ir-riżorsi kbar jistgħu jintilfu.
Iltqajt ma’ miżżewġin ippruvati biex jibqgħu jgħożżu l-fedeltà fiż-żwieġ.
Farrġuni dawk il-ġenituri ppruvati fil-moħbi għax huma mogħtija b’sagrifiċċju għal uliedhom.
Mhix prova żgħira għal dawk li jinsabu bla xogħol, imma xorta jibqgħu ifittxu kif jipprovdu għall-familja.
Iltqajt ukoll ma’ min jipprovdi x-xogħol, u ma ħbilix kemm huwa ppruvat għax jixtieq jibqa’ jipprovdi l-għixien lil tant familji.
Rajt id-dmugħ f’għajnejn dawk il-ġenituri li baqgħu jħobbu lil uliedhom bi bżonnijiet speċjali jew li jinsabu miġbura għax żbaljaw.
Rajt familji sħaħ jikkuraw u jħobbu b’dedikazzjoni personali lill-anzjani tagħhom fi djarhom.
Iltqajt ma’ żgħażagħ li qegħdin ifittxu l-verità bis-serjetà u qed jagħmlu għażliet kuraġġjuzi li jiswewlhom prezz soċjali.
Rajt għalliema ppruvati, għax għalkemm imnibbxin mill-mentalità tas-suq jibqgħu jiddedikaw ruħhom għat-tagħlim ta’ wliedna.
Rajt persuni li b’riskju personali u familjari rebħu l-omerta’ u ddenunzjaw il-ħażin.
Skoprejt saċerdoti u reliġjużi ferħana minkejja t-taħbit u t-toqol tal-ħajja pastorali tagħhom.
Fiż-żjajjar fl-isptar, rajt morda jġorru b’sens nisrani t-tbatija u joffruha għall-vokazzjonijiet u għall-missjunarji; innutajt tobba u infermiera li jemmnu bis-sħiħ li l-professjoni tagħhom mhix sempliċement “xogħol”, imma servizz lill-bniedem dgħajjef u batut.
Mill-kuntatti li kelli mal-forzi ta’ l-ordni ndunajt kemm għandna min tassew iħobb u jrid iħares il-ġid komuni.
Dawn huma ftit eżempji ta’ persuni minn tagħna li qed jagħmlu l-ġid, u li kif jistqarru huma stess isibu l-motivazzjoni tagħhom fil-fidi f’Alla. Fl-istess ħin dawn huma persuni ppruvati.
L-esperjenza tal-prova tgħaddi minnha wkoll il-Knisja fid-dinja tal-lum. Matul din iż-żjara fraterna kienet grazzja għalija niċċelebra l-liturġija magħkom il-komunitajiet parrokkjali, niddjaloga mad-diversi gruppi parrokkjali, bħalma huma s-saċerdoti - fosthom uħud li jinsabu fil-missjoni -, mar-reliġjużi, mal-kunsilli parrokkjali, mal-katekisti u l-Għaqdiet ta’ l-Apostolat. Flimkien bħala Knisja rridu nagħmlu dixxerniment kontinwu u eżami tal-kuxjenza biex fl-għażliet pastorali tagħna ma nimxux skond ix-xejriet tad-dinja, imma l-Knisja tkun dak li hi u toffri dak li għandha toffri.
Ir-Randan: żmien ta’ tama
Għalkemm din it-taqbida-sfida tad-deżert bħala ragħaj spiritwali tagħkom tħassibni, nemmen li dan ir-Randan huwa “iż-żmien it-tajjeb” biex nimtlew bit-tama. Fi Kristu għandna min jifhimna, għax “billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lhud 2,18). Kif fid-deżert Ġesù ma kienx biss qrib l-annimali selvaġġi imma kienu wkoll jaqduh l-anġli, anke aħna rridu nkunu aktar konvinti li madwarna ma hawnx biss il- “bhima”, li fl-Apokalissi jingħad li “ingħatalha li tagħmel gwerra lill-qaddisin” (13,7), imma hemm l-“anġli” ta’ Alla li jaqduna. Dawn l-“anġli” m’humiex biss is-saċerdoti mogħtija għal ħuthom, speċjalment il-konfessuri u d-diretturi spiritwali, imma huma intom ġenituri nsara, intom żgħażagħ ġenerużi fl-imħabba u l-ħniena lejn l-oħrajn, intom lajċi li tħobbu s-sewwa u l-ġustizzja, intom morda li bl-offerta tat-tbatija tagħkom tagħtu sens aħħari għal dak li jista’ jfarrakna, intom tfal li kapaċi tferrħu d-dinja ta’ madwarkom!
Imbagħad, l-istess arma li jinqeda biha Ġesù kontra t-tentatur għandha tkun ukoll l-arma tagħna: kull darba, Ġesù kien jirreferi għal “dak li hemm miktub” fil-Kelma ta’ Alla. Huwa ta’ konsolazzjoni għalija li fil-Knisja tagħna għandna ħafna li qed juru interess fil-Kelma ta’ Alla. Huwa urġenti li dan il-bżonn tal-poplu tagħna nissodisfawh. Dawk l-inizjattivi pastorali mibnija fuq il-meditazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla huma ta’ min jirrikmandahom. Anke l-priedki ta’ l-Eżerċizzi huma mument ta’ grazzja biex, b’riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla, nikbru fl-għarfien tagħna bħala wlied Alla. Il-liturġija tar-Randan, speċjalment dik tal-Ġimgħa Mqaddsa u tat-Tridu tal-Għid, meta ċċelebrata tajjeb toffri oasi spiritwali, għax iddaħħalna fil-qalba tal-misteru ċċelebrat. Imbagħad it-talb u ċ-ċaħda li twassal għall-karità huma l-ġwienaħ li jgħinuna nħaffu ż-żmien tar-rebbiegħa spiritwali tal-Knisja.
F’din l-esperjenza tad-deżert Ġesù għex dan il-mument intens mgħejjun mill-Ispirtu. L-Ispirtu baqa’ miegħu sa l-aħħar. Meta mbagħad kien fuq is-salib, Ġesù radd dan l-Ispirtu fuq il-Knisja (Ġw 19,30). Huwa dan l-Ispirtu li nitolbuh joħroġna fid-deżert biex idewwaqna l-intimità ta’ Alla u jgħaddina mill-prova li ssaħħaħna bħala bnedmin ta’ Alla.
Din il-preżenza ta’ l-Ispirtu lili toffrili motiv ta’ tama. Nitlob għalikom, bl-interċessjoni ta’ Marija Ommna, biex din l-istess preżenza timla lilkom ukoll bit-tama.
Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi, illum, Ras ir-Randan 2006, il-Kurja, Victoria, Għawdex.
+ Mario Grech
Isqof għall-qadi tagħkom
Mons. Salv Debrincat
Kanċellier