XHIEDA LI KRISTU QAM MILL-MEWT
Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Alla, Bażilika Marija Bambina, Xagħra – 30 ta’April 2006
Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Alla, Bażilika Marija Bambina, Xagħra – 30 ta’April 2006
Ħadd il-Għid, Katidral – 16 ta’ April 2006
Continue reading >>
Meditazzjoni ta’ l-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni taċ-Ċelebrazzjoni Marjana “Is-Siegħa ta’ l-Omm” (Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu – Sibt il-Għid, 15 ta’ April 2006)
Il-mewt mhix l-aħħar kelma!
Nadurawk, Ġesù, u nberkuk, għax bis-salib u l-mewt tiegħek inti fdejtna!
Imma nadurawk, Ġesù, u nberkuk mhux biss għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna, imma wkoll għaliex fl-imħabba infinita tiegħek lejna, qabel ma għalaqt għajnejk għad-dinja, inti tajtna lill-omm tiegħek, Marija, bħala l-omm tagħna. U għal dan l-għan il-Knisja f’Għawdex dalgħodu nġabret f’dan is-santwarju ddedikat lil Marija: ma’ Marija, l-eżempju tal-mara illi emmnet li l-mewt m’hix l-aħħar kelma fuqek, li emmnet li inti għad tqum mill-mewt; ma’ Marija li, wieqfa, stenniet u qegħda tistenna li maż-żerniq ta’ għada filgħodu aħna nsibu l-qabar vojt. Għax inti tirbaħ fuq il-mewt.
Marija sinjal ta’ faraġ u tama
“Min hija din li riesqa bħaż-żerniq ta’ filgħodu, sabiħa bħall-qamar, tiddi bħax-xemx, tbeżża’ bħal eżerċtu mħejji għat-taqbida?” (Għan 6,10)
Hekk il-Knisja ssellem lil Marija. Mhix ix-xemx, għax ix-“xemx” tiddi għada filgħodu: Kristu rebbieħ fuq il-mewt! Imma Marija fiż-żerniq tixbaħ ix-xemx. Għaliex? Għaliex għalkemm Kristu huwa mejjet, hija għandha fiduċja illi l-Iben tagħha ħa jqum u miegħu jqajjem lill-umanità.
Għalhekk ħallini, verġni Marija, insejjaħlek, anzi nfissirlek l-imħabba u l-ammirazzjoni tagħna, għaliex int m’intix biss il-mara tad-duluri, il-mara illi għaraft taqsam il-piż tad-dnub li ġarr Kristu u l-konsegwenzi tiegħu, imma inti l-mara li kont l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Kristu!
Nitolbok, ieqaf ma’ kull wieħed u waħda minna għax aħna wkoll imtaqqlin bid-dnub tagħna. Aħna wkoll ngħixu fid-dlam, aħna wkoll imtaqqlin bid-dnubiet ta’ ħutna. U jkun hemm mumenti fejn ma jkollniex din il-viżjoni li kellek int, viżjoni kollha tama, u naħbtu naqtgħu qalbna, għinna biex ngħaddu minn din il-fażi mudlama ħalli ngħixu fid-dawl tax-xemx ta’ Kristu, li qaċċat l-irbit ta’ kull dnub, Kristu li huwa d-dawl li jkeċċi kull dlam.
Marija omm il-Knisja u omm l-umanità
Verġni Marija, fik nilmħu dik il-mara illi tirrappreżenta l-umanità. Din mhix l-immaġinazzjoni tagħna, imma huwa l-Mulej Ġesù illi fuq is-salib, waqt li ħares lejn Ġwanni, qallek: “Dan huwa ibnek”. Hemmhekk il-maternità tiegħek tinfirex fuq il-bnedmin kollha.
Din l-umanità wkoll hija mtaqqla bil-piż tal-ħażin. Din l-umanità wkoll qed tistenna l-jum tal-qawmien. Forsi ma tafx min jista’ jagħtiha l-ħajja tassew. Forsi għalhekk bħala bnedmin aħna nintilfu f’ħafna soluzzjonijiet, mingħalina biex nagħmlu ħajja aħjar, imma nindunaw li jkunu soluzzjonijiet illi jfixklu iktar milli jgħinu, soluzzjonijiet illi flok ma jgħinu lill-bniedem ikomplu jtaqqluh.
Imma aħna nħarsu lejk, verġni Marija, u nitolbuk ħalli anke lilna f’dan is-Sibt tal-ħajja ħajjitna tkun orjentata biex tgħix il-qawmien. Kun int għalina dik il-mara illi tispirana fejn għandna nistennew, fejn għandna nkunu b’għajnejna miftuħa biex proprju bħala soċjetà, bħala umanità, aħna nagħrfu nagħmlu għażliet illi tassew jixirqu lill-bniedem, illi tassew iġibu nifs ġdid, ħajja ġdida, bħal dak in-nifs u l-ħajja ġdida li emmint illi Kristu jista’ jagħtina u tana tassew.
Verġni Marija, aħna nilmħu fik omm il-Knisja, u anki f’dan is-Sibt qaddis inpoġġulek għall-attenzjoni tiegħek il-Knisja ta’ Kristu li niffurmaw parti minnha aħna, anzi l-Knisja lokali, li aħna nirrakkomandaw lilek f’dan il-mument. Għaliex anki fil-Knisja jkun hemm mumenti tad-dlam, ikun hemm mumenti ta’ qtigħ il-qalb, ikun hemm mumenti fejn flok il-fwieħa ta’ Kristu Rxoxt ikun hemm ir-riħa tad-dnub.
Oasi ta’ spiritwalità
U kif appellajt lilkom il-Ħamis li għadda fil-quddiesa tal-Griżma, ħalluni ntennilkom, għad-dell ta’ Marija u f’talba lil Marija: ejjew flimkien nitolbu lil Alla jdawwalna kif nistgħu nagħmlu mill-Knisja tagħna oasi spiritwali, kif nistgħu nagħmlu mill-komunitajiet ekkleżjali tagħna ambjent fejn il-bniedem jieħu nifs ġdid. U jekk inhu nifs ġdid u tajjeb, dan m’hemmx għalfejn inżommuh għalina, imma nistgħu niftħuh għall-oħrajn, għall-ħafna illi jiġu jżuruna, għall-ħafna li joqogħdu lil hinn minn xtutna. Hemm bżonn illi nimpenjaw irwieħna biex dan il-ġid, din il-barka, dan id-dawl, jekk aħna tassew kuntenti bih, naqsmuh ma’ l-oħrajn, noffruh lill-oħrajn.
Aħna noffru lit-turisti x-xemx sabiħa, u allaħares ma jkunx hekk, anki għall-ekonomija ta’ gżiritna. Imma wkoll għandna noffru x-Xemx tal-ġustizzja, Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Dak jiswa mhux biss għall-progress ekonomiku, imma wkoll għat-tiġdid ta’ l-umanità, għall-progress veru ta’ l-umanità. U ladarba qegħdin f’dan is-santwarju tant għażiż għalina l-Għawdxin u l-Maltin, għandna nixxenqu u għandna nappoġġjaw dak kollu li jsir f’dan is-santwarju biex proprju jkun wieħed minn dawk il-lokalitajiet, dawk l-ambjenti illi joffri dan in-nifs spiritwali, din l-oasi ta’ spiritwalità – anki b’marka marjana – lill-poplu ta’ Alla llum.
Marija sinjal ta’ kuraġġ
“Min hija din li riesqa maż-żerniq ta’ filgħodu, sabiħa bħall-qamar, tiddi bħax-xemx, tbeżża’ bil-qawwa tagħha lill-eżerċtu ta’ l-għedewwa?”.
Iva, Marija, il-preżenza tiegħek tagħmlilna kuraġġ għax tirbaħ l-ikbar għadu tagħna li huwa l-mewt, bir-rebħa li għamel Kristu fl-Għid tiegħu. Imma aħna rridu l-għajnuna tiegħek, il-patroċinju tiegħek biex nirbħu l-mewt fil-ħajja tagħna. Imma mhux fil-ħajja tagħna biss: fil-ħajja tas-soċjetà tagħna, fil-ħajja tal-Knisja tagħna, fil-ħajja li aħna rridu noffru f’isem Ibnek lill-bnedmin ħutna li jiġu jżuruna. Amen.
Żjara fil-Parroċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp, Qala – 18 ta’ Marzu 2006
Żjara Fraterna fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur – 14 ta’ Marzu 2006
Continue reading >>
Żjara fraterna fil-parroċċa ta’ San Ġwann Battista, Xewkija – 9 ta’ Marzu 2006
Continue reading >>
Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan, Għajnsielem – 3 ta’ Marzu 2006 (Silta mill-omelija)
Continue reading >>