Archive for the 'Circulars' Category

Ċirkulari 445/2005 (22 ta’ Ġunju 2005)

Nru. 445/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Bħala wieħed mill-frott tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, huwa mistenni li tingħata iktar attenzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u li jkun hemm impenn ikbar sabiex jiġu evitati xi żbalji jew abbużi li forsi hemm periklu li jidħlu fiha. In-normi tal-Liturġija, bħal meta wieħed joqgħod għarkupptejh, bil-wieqfa jew bil-qegħda, għandhom jiġu osservati minn kulħadd ħlief dawk li saħħithom ma tippermettilhomx. Għalhekk ta min ifakkar li:

1. Meta wieħed imur fil-knisja biex jieħu sehem fil-Quddiesa, jixraq li jieħu l-ilma mbierek, u jrodd is-salib bil-qima, wara li jkun għamel ġenuflissjoni.

2. Il-qagħda tan-nisrani, fil-knisja għandha tkun dejjem waħda reverenti, u mhux bħal meta jkun f’xi post tad-divertiment.

3. Wara t-tqarbin, wieħed m’għandux joqgħod bil-qegħda mill-ewwel, jew joħroġ dritt mill-knisja, iżda għandu jinġabar jitlob għal xi ftit tal-ħin.

4. Meta jkun hemm is-Santissimu Sagrament espost, jew tkun għaddejja purċissjoni Ewkaristika, wieħed ma għandux jibqa’ bil-qegħda, iżda, għandu jagħmel ġenuflessjoni jew xi sinjal ieħor ta’ qima.

5. Fil-Quddiesa għandhom jitħallew mitfijin l-mobile phones, biex ma jiddisturbawx il-ġemgħa, x’ħin iċemplu.

6. Fl-okkażjoni ta’ funerali, tiġijiet, l-Ewwel Quddiesa, ċelebrazzjoni ta’ Ġublew tal-Fidda jew okkażjonijiet oħra ġie li jkun hemm min jixtieq, jaqra messaġġi, poeżiji, jew jagħmel diskorsi taċ-ċirkostanza. Fejn u meta ikun jaqbel li jsir dan, l-iskript tagħhom għandu jkun mressaq għall-approvazzjoni tal-Kappillan jew Rettur tal-knisja fejn isir, fi żmien xieraq minn qabel.

Barra minn hekk, dan il-qari jew diskorsi simili m’għandhomx isiru wara l-prietka jew l-omelija, u l-anqas matul iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, iżda biss wara li tintemm il-Quddiesa.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 22 ta’ Ġunju 2005.

Kan Edward Xuereb
Għall-Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Ċirkulari 444/2005 (3 t’April 2005)

Nru. 444/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Ma’ kull rokna tad-dinja, permezz tal-mass media ġiet mxandra b’ħeffa kbira, l-aħbar ta’ niket tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II li ġrat il-bierah bil-lejl, nhar is-Sibt, 2 t’April, lejliet il-festa tal-Ħniena Infinita ta’ Alla.

Nies minn kull nazzjon u ta’ diversi reliġjonijiet stqarrew publikament ir-rispett li kellhom lejn dan il-mexxej qalbieni tal-Knisja Kattolika. Wisq u wisq aktar aħna l-kattoliċi ta’ dawn il-għejjer, kif għamilna matul ħajjtu, hekk ukoll wara mewtu, nħossuħ bħala dmirna li nuru mħabbitna u l-qima tagħna lejn ir-Ragħaj u l-Missier Spiritwali tagħna u tal-Knisja Universali.

Barra milli nfissru s-sogħba tagħna għat-telfa hekk kbira, aħna li nemmnu għandna nfittxu wkoll li ngħinuh bit-talb tagħna u billi noffru s-suffraġi għar-ruħ għażiża tiegħu, biex il-Mulej jagħtih il-premju tal-hena ta’ dejjem.

Nirrikmanda għalhekk li:
1.    Fis kemm jista’ jkun, jekk ma ndaqqitx diġa, tindaqq bil-qniepen mota tal-mewt u oħra, fil-jum u fil-ħin li jkun qed isir il-funeral tiegħu ġewwa Ruma.
2.    Jiġi osservat il-vistu millum sa jum il-funeral u fit-tliet tijiem ta’ wara.
3.    Dawk li għandhom il-kura ta’ l-erwieħ, iħeġġu lill-insara biex jitolbu għar-ruħ il-Papa, li daħlet fl-eternità.
4.    Il-membri tal-Kleru huma mitlubin li jiftakru fih fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, li jqaddsu f’dawn il-ġranet.
5.    Fit-talba tal-Fidili fil-Quddies tingħad l-invokazzjoni: “Xierek fil-Liturġija tas-Sema lill-Qaddej tiegħek il-Papa Ġwanni Pawlu II, li inti għażiltu biex fuq l-art, ikun Kap tal-Knisja u l-Vigarju ta’ Ibnek il-Għażiż.”
6.    Fil-ġranet li ġejjin, meta l-Liturġija tippermetti, fil-knejjes parrokkjali, tiġi ċċelebrata Quddiesa b’suffraġju ta’ ruħ il-Papa, fil-jum u fil-ħin l-iktar adattati biex jattendu n-nies.
7.    Nhar is-Sibt 9 t’April, f’għeluq it-tmint ijiem minn mewtu, ser nikkonċelebra fil-Katidral Quddiesa għar-ruħ il-Papa Ġwanni Pawlu II.  Nistieden lis-saċerdoti tagħna biex jieħdu sehem f’din il-konċelebrazzjoni li l-ħin tagħha jiġi mħabbar iltar il-quddiem.  Anki l-lajċi mistiedna biex jieħdu sehem.
8.    Fl-aħħarnett inħeġġeġ lill-insara kollha sabiex noffru t-talb tagħna u l-atti ta’ karità li nagħmlu b’suffraġju għar-ruħ għażiża tal-Papa, biex bihom għal darba oħra, nistqarru imħabbitna u r-rispett tagħna lejh, kif inhu dmirna.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 3 t’April 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 444/2005 (18 ta’ Marzu 2005)

Nru. 443/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Alla Missierna tas-smewwiet dejjem u kull fejn inkunu jaħseb fina u bi ħniena bla tarf jmexxina bl-imħabba u bit-tjubija għall-ġid veru tagħna.

Alla huwa bla qies fil-perfezzjonijiet kollha Tiegħuġ hekk ukoll il-ħniena li huwa għandu għalina hija infinita, u hekk setgħana li tista’ tirbaħ kull tfixkil.

Aħna neħtieġu din il-ħniena ta’ Alla, għaliex kbira ħafna l-miżerja tagħna.  Bħala bnedmin aħna dgħajfa u neħtieġu min jitfa ħarsa ta’ ħniena fuqna u jgħinna fid-debolizzi tagħna.  Iżda wisq iktar, bħala midinbin, hija bħal toqol kbir għalina il-miżerja spiritwali tagħna, jiġifieri d-dnubiet li bihom tgħabbejna.  Kien dan il-pis enormi tad-dnubiet ta’ l-umanità, li Kristu ra quddiem għajnejh meta kien fil-ġnien tal-Ġetsemani u ħassu mbeżża u mdejjaq u qal: “Nħossni mnikket għall-mewt”(Mk. 14,33-34).

Imma jekk kbar u bla għadd huma d-dnubiet, hija wisq akbar il-ħniena infinita ta’ Alla, li dehret fi Kristu, u kif hu ħafer id-dnubiet dejjem lest li jaħfer lil min jindem minn ħtijietu.

F’dawn l-aħħar snin, bdiet issir fil-Knisja Kattolika l-festa tal-Ħniena Infinita ta’ Alla, fil-Ħadd ta’ wara l-Għid.  Jixraq li f’dan il-jum, nroddu ħajr lill-Ħniena infinita ta’ Alla, u nagħmlu wkoll proponiment li noffrulu tpattija għall-offiżi li jsirulu bi dnubietna.

Fil-Ħadd 10 t’April 2005 ser jiġi ċċelebrat fil-parroċċa tal-Fontana t-42 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Alla, biex flimkien infaħħruħ u npattulu għad-dagħa li bih ħafna bnedmin joffenduh.  Is-suġġett ser ikun “Tpattija Ewkaristika għad-dnubiet ta’ l-umanità.”

Difatti, permezz tal-Ewkaristija, cioè fil-Quddiesa, aħna nistgħu mhux biss naduraw lil Alla, nroddulu ħajr, nitolbuh l-grazzi għalina u għall-oħrajn, iżda wkoll noffrulu tpattija xierqa għall-ħtijietna.

Nistedinkom, sabiex bħal fis-snin l-imgħoddija issegwu l-programm ta’ dan il-Kungress, u tieħdu sehem ukoll f’għadd sabiħ fil-konklużjoni tiegħu li ssir nhar il-Ħadd 10 t’April 2005 wara nofs in-nhar.

Il-Mulej ikollu ħniena minna u jberikna lkoll.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 18 ta’ Marzu 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 442/2005 (22 ta’ Jannar 2005)

Nru. 442/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-għanijiet li għalihom tiġi ċċelebrata l-Quddiesa, huma l-adorazzjoni, ir-radd il-ħajr, t-tpattija għad-dnubiet, u biex naqilgħu l-grazzi minn għand il-Mulej. Il-Knisja tixtieq li aħna li nieħdu sehem fis-Sagrifċċju Ewkaristiku, ningħaqda ma’ Kristu, is-Saċerdot Ewlieni sabiex flimkien miegħu naduraw lil Alla, nirringrazzjawh ta’ dak kollu li jagħmel magħna, nuru ndiema ta’ dnubietna u npattulu għalihom, nitolbuh dak li neħtiegu għar-ruħ u għall-ġisem. Matul din is-sena dedikata għall-Ewkaristija, jeħtieġ li b’ħeġġa akbar mis-soltu nwettqu dawn id-dmirijiet tagħna lejn Kristu fis-Sagrament ta’ mħabbtu u nirriflettu daqxejn iktar fit-tul dwar l-aspetti kollha tal-misteru Ewkaristiku.

Jixraq ukoll li bħala nsara li nemmnu fl-Ewkaristija, ikollna dawn is-sentimenti sbieħ li semmejna, mhux biss waqt il-Quddiesa, iżda wkoll qabel u wara, kif ukoll li nġedduhom u nesprimuhom ta’ spiss matul ħajjitna, speċjalment fil-ħin ta’ l-adorazzjoni Ewkaristika u fiż-żjariet li nagħmlu lil Ġesù Sagramentat.

Ta’ min ifakkar, li fost l-erba’ fehmiet jew intenzjonijiet li semmejna, hija ta’ ħtieġa speċjali l-espjazzjoni jew it-tpattija għad-dnubiet, peress li waqt li Alla huwa l-istess qdusija, aħna midinbin u midjunin miegħu. Tabilħaqq, id-devozzjoni Ewkaristika ma tistax tkun nieqsa mix-xewqa li noffru riparazzjoni jew tpattija għall-ħtijiet ta’ l-umanità. Jekk inħobbu ‘l Kristu verament, għandna nħossu d-dmir u l-ħtieġa li npattulu għad-dnubiet tagħna nfusna u tal-bnedmin l-oħra. Ġesù nnifsu, meta deher lil Santa Margerita Marija Alacoque, ilmenta mill-offiżi li jsirulu u talabha tirripara għalihom billi titlob għall-midinbin u tishar f’riġlejh, quddiem it-tabernaklu mqaddes. Kemm dagħa u ħalf falz, inġustizzi ta’ kull xorta, dnubiet taż-żina, delitti kontra l-ħajja u sagrileġġi jsiru ta’ kuljum joffendu l-Qalb ħanina tal-Feddej tagħna!

Jekk din it-tpattija hija meħtieġa matul is-sena kollha, wisq u wisq iktar hemm postha fil-ġranet tal-Karnival li għal xi wħud huma ġranet ta tbaħrid bla rażan, ikel u xorb żejjed u ħafna abbużi oħra.

Huwa veru li l-bniedem għandu bżonn il-mistrieħ wara l-ħin tax-xogħol tiegħu u bla dubbju ta’ xejn, id-divertiment onest huwa leċitu u l-insara jistgħu joffruh ukoll lil Alla, u jiksbu mertu tiegħu. Difatti San Pawl jgħidilna: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor., 10,31).

Iżda, mill-banda l-oħra, meta l-bniedem ma jżommx il-qies f’dak li jagħmel ikun jiżbalja, jagħmel ħsara f’ruħu u f’ġismu u joffendi l’Alla.  Għalhekk San Pawl wissiena “Ngħixu kif jixraq, mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbaħrid, mhux bil-ġlied u l-għira.  Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallikom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu” (Rom.13,12).

Ħafna drabi meta jsiru l-abbużi li semmejna, jidħlu wkoll l-iskandlu u l-koperazzjoni fid-dnub ta’ l-oħrajn, u min jagħmel hekk irid jagħti kont l-iktar serju lil Alla. Għadhom jgħoddu wkoll għaż-żminijiet moderni tagħna il-kelmiet ta’ Kristu: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar. Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieg li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt., 18,6-7).  Min huwa fid-dmir li ma jippermettix li jsiru abbużi fil-pubbliku għandu jieħu l-prekawzjonijiet u l-passi kollha meħtieġa, biex dawk jiġu evitati. Nixtieq infakkar ukoll lill-ġenituri, li ma għandhomx iħallu lill-uliedhom jmorru f’dawk il-postijiet fejn ikun hemm il-periklu li jistgħu jiskandalizzaw ruħhom.

Waqt li nistieden lill-insara tad-djoċesi tagħna, sabiex isaħħu fihom id-devozzjoni għall-Ewkaristija, fost l-oħrajn billi jagħmlu t-Tqarbina ta’ riparazzjoni ta’ l-ewwel Ġimgħa u l-ewwl Sibt tax-xahar kif ukoll biex jagħmlu talb u għemil ieħor ta’ tpattija, nixtieq li matul il-jiem tal-Karnival fil-knejjes ikun hemm xi ħin għall-adorazzjoni.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej, u l-assistenza tiegħu fil-mumenti kollha ta’ ħajjitkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 22 ta’ Jannar 2005

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 440/2004 (29 ta’ Novembru 2004)

Nru. 440/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-innu tat-“Te Deum” l-Knisja tkanta l-glorja t’Alla u tgħidilna: “Lilek ifaħħru l-qtajja tal-martri rebbieħa kollhom bjuda”.  Dawn il-kelmiet insibuhom ukoll fil-ktieb ta’ l-Apokalissiġ “l-ilbies tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf”(7,14), huma l-martri, li msieħba fis-sagrifiċċju tal-Ħaruf Immakulat, ċarċru demmhom biex jistqarru l-fidi tagħhom u mħabbithom lejn Kristu.

Il-martri tal-Knisja insibuhom f’kull żmien sa mill-bidu u anki fi żminijietna. Imma speċjalment fil-persekuzzjonijiet li għaddiet minnhom il-Knisja fl-ewwel tliet sekli, l-għadd tagħhom kien kotran. Waħda minn dawn il-vitmi tal-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kienet Santa Luċija, li s-sena qiegħed jiġi ċċelebrat is-sbatax il-ċentenarju tal-mewt glorjuża tagħha.

Skond it-tradizzjoni antika, S. Luċija kienet ġejja minn familja nobbli twieledt u għexet f’Sirakuża fi Sqallija, u ġiet imrobbija bħala nisranija minn ommha. Luċija marret ma’ ommha li kienet marida sa Katania biex iżuru l-qabar ta’ Sant Agata Verġni u martri u jitolbu flimkien għall-fejqan ta’ l-omm. Sant Agata tat l-fejqan lill-ommha u qalet lil Luċija li hija wkoll kienet ser tirċievi l-martirju. Wara l-fejqan mirakuluż ta’ ommha, Luċija, qalgħet il-permess tagħha biex tistà tagħmel il-wegħda tal-verġinità u tqassam ġidha lill-foqra.  Din id-deċiżjoni mliet bl-għadab lil dak li miegħu kienet ġiet mgħarrsa kontra qalbha u għalhekk dan xlieha lil Konslu Paskasju, li hi kienet nisranija.  Luċija baqgħet sħiħa fid-deċisjoni tagħha u fi twemminha anke meta ġiet imressqa quddiem it-tribunal u pprovaw iġelgħuha  tbiddel fehemitha. Hija ħabbret il-mewt ta’ l-imperatur u l-paċi li kellha tgawdi l-Knisja. Mietet martri meta rasha ġiet maqtugħa b’daqqa ta’ xabla fis-sena 304, wara Kristu. Hija qaddisa popolari ħafna f’diversi pajjiżi ta’ l-Ewropa.

B’interċessjoni tagħha jitolbu l-fejqan dawk li jbatu b’għajnejhom, telf tad-demm u mard epidemiku, u qalgħu ħafna minnhom il-grazzji li xtaqu. S. Girgor il-Kbir jagħti ħjiel dwarha fil-ktieb tiegħu “Id-Djologi”. Diversi qaddisin fosthom S. Tumas d’Aquino kienu devoti tagħha.

S. Luċija Verġni u Martri li qassmet ġidha lill-foqra, ħarset is-safa tagħha mit-theddid, u ma beżgħetx tistqarr il-fidi tagħha sal-martirju hija xempju mill-isbaħ għall-insara ta’ żminijietna speċjalment iż-żgħażagħ.  Dan għaliex forsi qatt fl-imgħoddi daqs kemm illum ma kienu qawwija l-mewġiet ta’ l-immoralità, u ma kienet tinħass il-vjolenza tat-tentazzjonijiet, bħal ma huma r-rebgħa għall-ġid tad-dinja, il-għatx għall-pjaċiri tal-ġisem bla rażan, iċ-ċaħda tal-fidi u tal-valuri tal-Vanġelu.

Is-sena li qegħdin niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-martirju ta’ S. Luċija, nirrikorru għall-patroċinju tagħha sabiex tagħtina d-dawl li neħtieġu ħalli ngħarfu ngħixu kif imiss l-ħajja nisranija u noħorġu rebbieħa fit-taqbidiet spiritwali tagħna.

Alla l-Missier, bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija, Verġni u Martri, jħeġġeġ  f’qalbkom imħabba kbira lejn Ibnu Ġesù.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 29 ta’ Novembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 439/2004 (25 t’Ottubru 2004)

Nru. 439/2004

 

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-ittra Appostolika “Mane Nobiscum, Domine” li bagħat il-Papa Ġwanni Pawlu II fis-7 t’Ottubru dwar is-Sena Ewkaristika, qal: “ma nitlobx li jsiru affarijiet straordinarji iżda li l-inizjattivi kollha jkollhom il-marka tal-ħajja profondament interjuri.  Din is-Sena ta’ Grazzja tkun kisbet riżultat tajjeb, anke jekk l-frott tagħha jkun jikkonsisti biss li fil-komunitajiet insara kollha terġà tingħata ħajja liċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd u li toktor l-Adorazzjoni Ewkaristika barra mill-Quddiesa. Madanakollu jkun sewwa li nħarsu fil-għoli u ma nikkuntentawx b’mezzi medjokri, għaliex nafu li fuq l-għajnuna t’Alla aħna għandna nafdaw dejjem.”

Fi tmiem l-ittra tiegħu l-Papa għamel sejħat lil diversi kategoriji u lill-insara kattoliċi kitbilhom: “Intom insara, skopru mill-ġdid id-don ta’ l-Ewkaristija bħala dawl u qawwa għall-ħajja tagħkom ta’ kuljum fid-dinja, fit-twettieq tal-ħidmiet rispettivi tagħkom u f’kuntatt mas-sitwazjonijiet diversi.  Fuq kollox, agħrfu mill-ġdid dan id-don biex tgħixu s-sbuħija u l-missjoni tal-familja.”

Għad-djoċesi u għall-parroċċi tagħna, aħna qegħdin nipproponu xi attivitajiet għal matul is-Sena Ewkaristika, u nixtieq li jsiru u jagħtu l-frott tagħhomġ rigward dawn l-inizjattivi nixtieq insemmi l-punti li ġejjin:

(i)    L-importanza li għandha tingħata lil-laqgħa tal-komunità nisranija għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd.

(ii)    Iktar tagħlim dwar it-tifsira profonda tal-Quddiesa u tal-Liturġija tagħha, u insistenza biex ikun hemm parteċipazzjoni attiva ta’ dawk li jkunu preżenti.

(iii)    Biex it-tqarbin ikun iktar ta’ spiss, l-insara għandhom jitħeġġu għall-attendenza fil-Quddiesa tal-ġranet ta’ matul il-ġimgħa ħalli jitqarbnu wkoll fiha, jekk ikunu disposti.

(iv)    L-importanza tal-festi u proċessjonijiet ewkaristiċi bħal ma huma dawk tal-Corpus Domini  u tal-Ġimgħa Ewkaristiku-Liturġika.

(v)    It-Tqarbina Spiritwali jew Tqarbina tax-Xewqa, meta wieħed, għal xi raġuni jew oħra, ma jistax jersaq għas-sagrament ta’ l-Ewkaristija.

(vi)    L-Adorazzjoni Ewkaristika, taħt l-għamliet kollha tagħha, anki l-Adorazzjoni ta’ bil-lejl.

(vii)    L-insara jiġi mħeġġin li jagħmlu żjara ta’ kuljum lil Ġesù Ewkaristija u l-meditazzjoni mill-inqas ta’ għaxar minuti, li ssir privatament, l-aħjar quddiem it-tabernaklu.

(viii)    It-tfal, l-adolexxenti, ż-żgħażagħ u l-membri kollha tal-familja jiġu mħeġġin biex jgħixu iktar fil-qrib f’għaqda ma’ Kristu, bis-sehem fil-Quddiesa, bil-Qrar u t-Tqarbin, u bit-talb quddiem l-Ewkaristija.

(ix)    Tisħiħ ta’ l-ispirtu missjunarju u ta’ l-impenn għall-għajnuna tal-foqra, permezz ta’ l-Ewkaristija, li hija l-għajn ta’ kull ħidma ta’ appostolat.

(x)    Tiġdid permezz ta’ l-Ewkaristija, fil-fidi, fl-ispirtu ta’ sagrifiċċju, u fid-disponibbiltà għall-komunjoni u qadi ta’ l-oħrajn.

Il-Feddej tagħna Ġesù` Kristu, mill-Ewkaristija, isawwab fuqkom il-grazzji tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 25 t’Ottubru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 438/2004 (27 ta’ Settembru 2004)

Nru. 438/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għalina l-kattoliċi, Ottubru huwa dejjem xahar għażiż għaliex ifakkarna fir-rebħiet tal-Knisja bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, u jħajjarna biex innisslu u nsaħħu fina d-drawwa għażiża tar-Rużarju Mqaddes, li fih nikkontemplaw lil Kristu u l-misteri Tiegħu taħt il-ħarsa kollha ħlewwa ta’ l-Omm Tiegħu u tagħna.

Din is-sena, dan ix-xahar ser joffrilna okkażjoni oħra li għandha tqanqal l-interess tagħna bħala kattoliċi u wlied il-Knisja.  Difatti mit-18 sat-22 tax-xahar għandu jinżamm f’pajjiżna l-Kungress Internazzjonali tas-Saċerdoti, li għandu bħala suġġett “Qassisin għall-formazzjoni tal-Qaddisin għall-Millennju l-Ġdid.”

Kif konna għidnielkom fil-Pastorali tagħna l-Isqfijiet ta’ l-10 t’Awissu ta’ din is-sena: “Huwa ġieħ kbir għal pajjiżna li l-Awtoritajiet tal-Knisja Universali għażlu l-għejjer Maltin, il-Għejjer ta’ Pawlu, biex ilaqqgħu mijiet ta’ saċerdoti mid-dinja kollha.  Imma dan mhux biss unur.  Din hija esperjenza speċjali mill-isbaħ li tfisser ukoll responsabbiltà.  Inħeġġukom, għalhekk, mhux biss biex nilqgħu s-saċerdoti fostna bl-akbar ferħ u ġentilezza, li għalihom aħna magħrufin u mfaħħrin ukoll fl-Iskrittura, imma wkoll biex nagħmlu minn kollox ħalli din  l-okkażjoni tassew straordinarja tħalli f’dawn is-saċerdoti u f’pajjiżna frott spiritwali qawwi.”

Is-saċerdoti li ser jieħdu sehem fil-Kungress ser iżuru wkoll Għawdex, nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru, u fost l-oħrajn, skond il-programm, għandhom jieħdu sehem f’konċelebrazzjoni internazzjonali li ser issir dakinhar fil-għaxija, fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ Pinu`u tkun ippreseduta mill-Kardinal Angelo Sodano, Segretarju ta’ l-Istat tal-Vatikan.  Jekk ikun temp ħażin, il-konċelebrazzjoni tinżamm fl-Sports Complex ta’  Triq l’Ewropa, Victoria.  Nhar il-Ġimgħa, fit-22 t’Ottubru, fil-għodu, permezz tal-RTK u ta’ radjijiet komunitarji, jingħata tagħrif fejn tkun ser tinżamm il-konċelebrazzjoni.

Nistedinkom biex tieħdu sehem f’din il-konċelebrazzjoni ħalli flimkien nitolbu għall-qdusija tal-Kleru.  Nirrikmandalkom ukoll li tgħidu t-talba li ġiet imqassma lilkom mal-Bullettin tal-Ħadd u li toffru t-talb tar-Rużarju Mqaddes matul dan ix-xahar għall-istess skop.

Sidna Ġesù Kristu, is-Saċerdot Etern tal-Liġi l-Ġdida jsawwab fuqkom il-grazzja tiegħu u kull ġid tas-sema.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 27 ta’ Settembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 437/2004 (9 ta’ Settembru 2004)

Nru. 437/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-edukazzjoni reliġjuża hija qabel xejn u fuq kollox, ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu “l-Imgħallem interjuri” li jdawwal il-moħħ u jqanqal ir-rieda ta’ l-iskulari tiegħu, biex jagħrfu l-verità li tista’ ssalvahom u jgħixu ħajja tajba skond it-tagħlim ta’ Kristu. F’jum l-Għid il-Ħamsin, Hu beda jwettaq fil-beraħ din il-ħidma tiegħu u jibqa’ jwettaqha sa l-aħħar taż-żminijiet.

Il-ħidma bla waqfien ta’ l-Ispirtu s-Santu tilħaq b’mod sħiħ il-għan tagħha meta jkun hemm il-koperazzjoni tal-bniedem, u fil-kas ta’ l-edukazzjoni reliġjuża dawn huma sewwa l-katekisti kif ukoll it-tfal jew l-adolexxenti li jirċievu t-tagħlim mill-ħidma kateketika.

Meta nitkellmu dwar katekisti f’pajjiżna, jixraq li qabel xejn nroddu ħajr lil Alla li ipprovdilna eżerċtu ta’ rġiel u nisa dedikati għal din l-ħidma fejjieda ta’ evanġelizzazzjoni.  Ta’ min isemmi qabel xejn il-membri tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., imwaqqfa mill-Beatu Dun Ġorġ Preca, kif ukoll membri ta’ Għaqdiet kattoliċi oħra u l-voluntari kollha li jagħmlu dan ix-xogħol, anke dawk li ma huma f’ebda għaqda.  Lil dawn kollha, għandna nuruhom rikonoxxenza għaliex qegħdin jagħtu kontribut prezzjuż għall-edukazzjoni reliġjuża tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Iżda meta nitkellmu dwar it-tfal u l-oħrajn li huma mistiedna biex jirċievu l-messaġġ nisrani, ma nistgħux ngħidu li aħna kuntenti bir-rispons tagħhom.

Xi wħud mit-tfal u mill-adolexxenti ma humiex qegħdin jieħdu l-profitt kollu li jistgħu mil-lezzjonijiet u l-laqgħat li jsiru għalihom. Fid-dinja ta’ llum t-tfal għandhom ħafna distrazzjonijiet li jfixkluhom milli jiffrekwentaw iċ-ċirkoli u d-djar tad-duttrina u milli joqogħdu attenti għat-tagħlim. Jiddispjaċini wkoll illi f’xi każijiet, forsi mhux ħafna, jkunu l-ġenituri stess li ma japprezzawx biżżejjed l-edukazzjoni reliġjuża ta’ wliedhom u t-tagħlim kateketiku li jingħatalhom, u itellfuhom l-attenzjoni tagħhom waqt it-tagħlim u ma jinsistux biżżejjed magħhom biex jattendu għal-lezzjonijiet tad-duttrina bla ma jfallu ebda waħda u biex joqogħdu attenti ħalli jagħmlu progress.

Barra minn hekk inkunu nagħmlu żball jekk nikkonkludu li t-tagħlim kateketiku għandhom jieħduh biss it-tfal li jkunu ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina jew li ser jieħdu l-Konfirmazzjoni.  L-anqas ma nistgħu nillimitaw  jew naħsbu li t-tagħlim kateketiku jista jieqaf meta t-tfal jieħdu l-Griżma ta’ l-Isqof,  jew li ż-żgħażagħ u l-kbar ma għandhomx dmir li jirċievuh huma wkoll. Għalhekk irridu nosservaw ir-riżoluzzjoni numru 4 tas-VII Kungress Pastorali Djoċesan li tgħid: “Il-Katekeżi f’kull età mhux biss liż-żgħar imma wkoll lill-kbar hija bżonn urġenti fiż-żminijietna u f’pajjiżna. Il-Knisja lokali toffri is-servizz tagħha għal dan l-iskop, speċjalment bil-klassijiet tad-duttrina u l-laqgħat ta’ tagħlim.”

Sabiex insaħħu dan l-appostolat tat-tagħlim tal-katekiżmu u nħejju għalih mill-aħjar li nistgħu, bħas-snin l-imgħoddija ser tinżamm il-Ġimgħa Kateketika mis-19  sas-26  ta’ Settembru li ser ikollha bħala tema ġenerali:  “Formazzjoni tal-Qalb: Ħidma essenzjali ta’ l-attività Kateketika.”

Nixtieq nixtieden u inħeġġeġ lill-kattoliċi kollha tad-djoċesi, sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet li ser isiru matul din il-ġimgħa, kemm fuq bażi djoċesana, kif ukoll fuq bażi parrokkjali.

B’mod partikolari nixtieq nagħmel appell lill-ġenituri, li għandhom tant għożża ta’ uliedhom u imħabba sinċiera lejhom, sabiex ma jċaħħduhomx minn din l-għajnuna ta’ l-edukazzjoni reliġjuża li hija tant meħtieġa sabiex it-trobbija tagħhom tilħaq il-għan tagħha u meta jikbru jkunu ċittadini li jagħmlu ġieħ lill-art twelidhom, u ulied kif tixtieqhom l-Knisja, l-Omm tagħna lkoll.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, l-Imgħallem Divin tagħna, Sidna Ġesù Kristu, jagħtikom is-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 9 ta’ Settembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex