Archive for the '2011' Category

IL-KURAĠĠ LI NIĠĠEDDU
ITTRA PASTORALI GĦALL-AVVENT 2011

 Ittra Pastorali - Avvent 2011 (PDF)

Pastoral Letter - Advent 2011 (PDF)

Ħutna,
Din l-ittra qed tasal għandkom fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, iż-żmien li jwassalna għall-Milied. Il-Milied, fl-aspett uman, huwa r-rakkont ta’ kif żewġ ħajjiet – ta’ Marija u ta’ Ġużeppi – inbiddlu biex jidħol Ġesu` f’ħajjithom. It-tnejn ġew imnebbħin minn Alla. It-tweġiba ta’ Marija kienet “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. It-tweġiba ta’ Ġużeppi kienet li jieħu lil Marija bħala martu. Anke fina trid issir bidla biex jidħol Ġesù.
Il-Kuraġġ li ninbidlu
L-esperjenza tixhdilna kemm huwa minnu dak li jgħidu x-xjuħ tagħna li “min ma jiġġeddidx, jitqadded”. L-eżempji ta’ dan għandna kemm irridu, kemm fil-ħajja individwali, kif ukoll fil-ħajja ekkleżjali u soċjali. Hemm min jirraġuna li aħjar ma tħarrikx l-ilma qiegħed għax jagħmel ir-riħa! Imma propju għax ikun qiegħed, l-ilma jinten. L-ilma ġieri huwa safi!
Min-natura tiegħu l-bniedem ifittex li jiġġedded hu u jġedded madwaru. Il-ħajja hi proċess fejn ngħaddu minn fażi għall-oħra. Fl-istess ħin, il-bniedem kapaċi jagħmel reżistenza għat-tibdil. Għandu ħila li jxekkel dan il-proċess u jagħżel li jibqa’ mwaħħal mal-imgħoddi. Għax xi drabi, li tibdel jew tbiddel jista’ jiswielna prezz. Mhux biss huwa skomdu li noħorġu barra mir-rutina ta’ dak li s-soltu jsir, imma jaf ikun hemm ir-riskji. Infatti hemm min jagħmel l-argument li: kif aħna nafu, kif ser inkunu ma nafux, allura nibqgħu kif aħna! Huwa minnu li mhux kull tibdil huwa għall-aħjar, imma huwa veru wkoll li mhux sew li l-bniedem jibqa’ staġnat. Għalkemm f’xi aspetti tal-ħajja tajjeb li wieħed jidra jgħix f’ċerti sitwazzjonijiet li ma hemmx soluzzjoni għalihom, bħal fil-każ ta’ mard li ma jitfejjaqx, f`aspetti oħra, li wieħed jidra jgħix ċertu stil ta’ ħajja jaf ikun gwaj mhux żgħir. Għax meta jidra żżejjed, il-bniedem imewwet fih ix-xewqa li jtejjeb il-ħajja tiegħu u tal-oħrajn. Hemm periklu li meta taħkimna l-abitudni, fis-sens negattiv tagħha, ma nibqgħux ngħixu! L-abitudni kapaċi twassal għal-laxkezza, għall-abbużi u l-medjokrità.

Continue reading >>

PDF Version

ITTRA PASTORALI

MILL-E.T. MONS. PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

 

IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA
Ħutna,

Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja Nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà tal-lum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.

Ir-Realtà tal-lum
Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-Nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri Nsara bħalma huma: ir-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn Kristjan fis-soċjetà.

It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jfieri kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.

It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda. Continue reading >>

Pastoral Letter by Bishop Grech on the feast of the Assumption

18/2011

PASTORAL LETTER

OF H.E. MGR MARIO GRECH
BISHOP OF GOZO

ON THE OCCASION OF THE FEAST OF
THE ASSUMPTION OF OUR LADY
2011

 

A FOUNTAIN OF RUNNING WATER

My Dear Brethren,

Some time ago I met a man who intimated to me his great wish to meet someone who would talk to him about God. At the same time, with a sad facial expression he told me how difficult it has become nowadays to find someone who marvels at the beauty, the goodness and the holiness of God! Have we become so detached from God? Is it not a matter for concern that God’s absence from our minds and hearts deadened our need to refer to Him? Have we so much lost our thirst for God that we have become unable to refer to Him? Continue reading >>

Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija

18/2011

ITTRA PASTORALI

TAL-E.T. MONS MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX

 

FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TA’
MARIJA MTELLGĦA S-SEMA
2011

GĦAJN TA’ ILMA ĠIERI

Għeżież uliedi,

Ftit ilu ltqajt ma’ raġel li fissirli x-xewqa kbira tiegħu li jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jista’ jitkellem miegħu dwar Alla.  Imma fl-istess waqt b’dieqa fuq wiċċu qalli kemm sar diffiċli li llum issib min jitkellem dwar il-ġmiel, it-tjubija u l-qdusija ta’ Alla!  Huwa minnu li sirna daqshekk xotti dwar Alla?  Mhuwiex ta’ tħassib il-fatt li f’moħħna u f’qalbna hemm dan il-vojt ta’ Alla illi ma nħossux il-ħtieġa li nirreferu għalih?  Huwa nuqqas ta’ aptit li nitkellmu dwar Alla, jew għax sirna ma nafux niftħu fommna dwaru?

Faqar spiritwali
Inħoss li bl-osservazzjoni li għamilli, dan ir-raġel laqat il-musmar fuq rasu.  Il-faqar spiritwali jinħass sewwa.  L-injoranza dwar Alla saret grassa.  Il-vojt ta’ Alla f’ħajjitna kkaġuna għadd ta’ ħofor oħra: fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem – bħalma huwa d-dritt għall-ħajja –, fil-familja, fid-dinja tax-xogħol, u fl-ekonomija.  L-indifferenza għal Alla hija r-raġuni għaliex il-bniedem tal-lum, għalkemm jaf ħafna, ma ntebaħx li mhux jara ’l bogħod!  Is-soċjetà, għalkemm qed toffri għadd ta’ soluzzjonijiet, qiegħda wkoll tfaqqas problemi aktar serji propju għax qed twarrab lil Alla.  Nafu b’ħafna persuni mweġġgħa għax sabu ruħhom imwarrba u maqbuża.  Warrabna lil Alla, warrabna lill-bniedem!  Ħassarna x-xbieha ta’ Alla u b’konsegwenza t’hekk ħassarna l-bniedem!  Il-fatt li qed ninsew min hu Alla qed isuqna f’direzzjoni li ninsew kemm jiswa l-bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem.  Illum mhux biss tlifna lil Alla, imma tlifna lill-bniedem.  Illum mhux biss ma nsibux ma’ min tista’ titkellem bis-sens dwar Alla, imma sar ukoll diffiċli titkellem dwar dak li huwa veru, tajjeb u ġust!

In-nixfa spiritwali tinħass ukoll fil-Knisja tagħna.  Xi drabi nħoss li hemm reżistenza biex il-Knisja tiġġedded.  Min jixtieq li l-Knisja tibqa’ vetrina tat-tradizzjonijiet reliġjużi mhux veru li jħobb il-Knisja.  Għandna wisq familjarità żejda mal-Knisja u fil-Knisja – kif niċċelebraw is-sagramenti, ir-rispett lejn it-tagħlim tal-Knisja…  Il-kunfidenza żejda ġġib magħha l-abbużi, anki fi ħwejjeġ qaddisa!

Hemm diversi raġunijiet għaliex sirna sajmin minn Alla.  L-esperjenza tixhdilna li l-“għeja” spiritwali fost l-Insara qed tinfirex.  Oħrajn huma pastoralment mitfijin.  Għal ħafna t-twemmin Nisrani kien tiċpisa ħafifa – għamlet ix-xita u ħaslitu!  Oħrajn qed jissaħħru wara twemmin ieħor bir-riskju li joħorġu mill-Knisja Kattolika u jixxierku ma’ xi knisja oħra, reliġjon oħra jew setta.  Hemm ukoll dawk li tilfu l-fidi u nnamraw mat-twemmin tad-dinja li ħafna drabi jbarri lil Alla – għax is-sekulariżmu u l-lajċiżmu huma “reliġjonijiet ċivili” ġodda. Continue reading >>

GĦAŻLA FAVUR ŻWIEĠ DEJJIEMI
ITTRA PASTORALI

Maltese Version - PDF

English Version - PDF

ITTRA
PASTORALI

MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

 

u

 

MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

 

u

 

MILL-E.T. MONS. ANNETTO DEPASQUALE
Isqof Titulari ta’ Aradi

 

Mejju 2011

 

ITTRA PASTORALI  -  GĦAŻLA FAVUR ŻWIEĠ DEJJIEMI

Għeżież, f’dan il-Ħames Ħadd tal-Għid, il-Mulej irregalalna Kelma tiegħu li trid iddawwalna fl-għażla tagħna għal Sidna Ġesù Kristu, fi ħdan il-Knisja Kattolika: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier, jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6).

Il-Mulej qiegħed jgħidilna li dak li lkoll nixtiequ - li mmorru għand Alla l-Missier - irridu norbtuh ma’ Persuna, li hu Sidna Ġesù Kristu. Għal min hu Kristjan, m’hemmx triq oħra li twasslu għand il-Missier. Kull wieħed u waħda minna rridu nagħżlu lil Ġesù bħala l-Verita’: dak li jgħid hu huwa l-veru valur tal-affarijiet li hemm madwarna. Irridu narawhom mill-għajnejn tiegħu. Irridu nagħżlu lil Ġesu’ bħala t-Triq biex naslu għal din il-Verita’. Toroq oħra ma jwasslux! Meta nagħmlu dawn l-għażliet, imbagħad, nindunaw u nduqu l-Ħajja vera għalina l-bnedmin.

Continue reading >>