UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa [ST/14/2019]
10 ta’ Novembru 2019
Fl-1 ta’ Novembru 2019, l-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal
Għawdex, ħatar lil DUN JOSEPH ATTARD, mill-Parroċċa ta’ Santa Marija Inkurunata, iż-Żebbuġ, bħala:
• Arkivista tal-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria;
• Librar tal-Librerija Teoloġika tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù;
• Kollaboratur Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.
Dun Joseph, li twieled fl-1989 u ġie ordnat saċerdot fl-2016, għadu kemm kiseb il-Liċenzja fil-Beni Kulturali tal-Knisja mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma, fejn studja l-Istorja tal-Knisja. Bejn l-2016 u l-2019 hu wettaq ukoll ħidma pastorali bħala saċerdot kollaboratur fil-Parroċċi ta’ San Albertu l-Kbir u ta’ San Girgor il-Kbir, Ruma.
TALBA GĦALL-ISQOF
O Alla ta’ kobor u ħniena bla tarf,
li f’Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb,
tajtna xbieha ħajja tal-imħabba tiegħek għalina,
tkun imbierek fl-isqfijiet kollha
li sejjaħt biex imexxu din il-Knisja.
Isma’ t-talba tagħna
għar-Ragħaj il-ġdid li l-ħniena infinita tiegħek se toffrilna:
itfa’ fuqu l-Ispirtu Qaddis tiegħek
biex jista’ jħobb u jmexxi l-Knisja f’Għawdex
skont il-qalb tiegħek ta’ Missier
u jagħraf jisma’ u jifhem ix-xewqat u l-ħtiġijiet
tal-ulied tiegħu kollha.
Agħtih ħlewwa, determinazzjoni u xewqa mħeġġa
li joffri kuljum il-ħajja tiegħu
għall-ġid tal-merħla fdata lilu.
Agħmel li jkun qaddis fl-intenzjonijiet u fl-opri,
bla ma jieqaf mit-talb,
u għaref fid-dixxerniment.
Għin lis-saċerdoti, id-djakni, l-ikkonsagrati
u l-Insara fidili kollha fil-vokazzjoni speċifika tagħhom,
biex jagħrfu fih lil Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb
u jobdu bil-ferħ u b’fiduċja sħiħa
l-kliem u l-linji pastorali li int trid tnebbħu bihom.
Dan nitolbuhulek għall-interċessjoni tal-Omm tagħna l-Madonna Ta’ Pinu,
tal-qaddisin Patruni tad-Djoċesi ta’ Għawdex,
u għall-merti ta’ Ġesù Kristu, Ibnek u l-Mulej tagħna.
Ammen.