- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Żjara tal-Isqof Giovanni Cefai mssp fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Posted By admin On August 10, 2019 @ 10:43 am In Press Releases | Comments Disabled

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa [ST/12/2019]
9 ta’ Awwissu 2019

ŻJARA TAL-ISQOF GIOVANNI CEFAI MSSP FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX

1-ritratt-ufficjali.jpgL-E.T. Mons. Giovanni Cefai MSSP, li fit-22 ta’ Ġunju li għadda, Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu, ġie kkonsagrat Isqof fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Perù, jasal Malta llum il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu, għall-ewwel żjara tiegħu minn meta ġie maħtur mill-Papa Franġisku bħala lewwel Isqof tal-Prelatura Territorjali ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù.

Mons. Cefai, li hu l-ewwel Isqof Malti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, twieled iż-Żebbuġ, Għawdex fil-5 ta’ Awwissu 1967. Barra l-impenji mal-wasla tiegħu fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-programm uffiċjali taż-żjara tal-Isqof Giovann Cefai fid-Djoċesi ta’ Għawdex tikkonsisti f’dawn il-mumenti:

3-fl-ingress.jpg

• Nhar il-Ħadd 11 ta’ Awwissu, fl-9.45am, jitlaq korteo mid-Dar Stella Maris tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, fiż-Żebbuġ, raħal twelidu, fejn l-Isqof Cefai jiġi akkumpanjat mit-tfal tal-Ewwel Tqarbina u l-Konfirmazzjoni, il-Banda Santa Marija u l-poplu taż-Żebbuġ lejn il-Knisja arċipretali ta’ Marija Assunta, fejn imexxi Pontifikal solenni. Din il-quddiesa tixxandar diretta fuq TVM2.

• It-Tnejn 12 ta’ Awwissu, fil-11.00am, jagħmel żjara lil Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Kurja Veskovili, il-Belt Victoria.• It-Tnejn 12 ta’ Awwissu, fis-6.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Kappella tad-Dar Stella Maris, iż-Żebbuġ.

• It-Tlieta 13 ta’ Awwissu, fl-10.00am, jiċċelebra quddiesa privata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

• L-Erbgħa 14 ta’ Awwissu, fis-6.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

• L-Erbgħa 14 ta’ Awwissu, fit-8.00pm, immexxi l-ewwel parti tal-Velja tal-Għid tal-Assunta u mbagħad jikkonċelebra mal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Vġili, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu, fl-okkażjoni tal-għeluq tas-Sena Djoċesana Marjana. F’din l-okkażjoni hu jagħmel l-Att ta’ Affidament tal-ministeru episkopali tiegħu lill-Madonna.

• Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu, fl-10.30am, jiċċelebra l-quddiesa tas-Solennità tal-Assunta fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.

• Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu, fis-6.45pm, imexxi l-Purċissjoni titulari ta’ Santa Marija li toħroġ mill-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

• Il-Ħadd 18 ta’ Awwissu, fis-7.15pm, imexxi Pontifikal solenni fil-Katidral talAssunta, il-Belt Victoria, li fih l-Isqof Mario Grech jagħtih merħba uffiċjali f’isem il-Knisja f’Għawdex.

• It-Tnejn 19 ta’ Awwissu, filgħodu, jagħti t-tqarbin lill-morda fid-djar tagħhom fiż-Żebbuġ.

• It-Tnejn 19 ta’ Awwissu, fit-8.30pm, jippresiedi fuq Kunċert mużikali mill-Banda Santa Marija fil-Pjazza taż-Żebbuġ, u wara jagħmel żjara lill-Każin tal-istess Għaqda Mużikali.

• Is-Sibt 24 ta’ Awwissu, fil-5.30pm, imexxi t-Translazzjoni solenni u wara ċċelebrazzjoni tal-Ewwel Għasar tal-Festa titulari ta’ Santa Marija, fil-Knisja arċipretali taż-Żebbuġ.

• Il-Ħadd 25 ta’ Awwissu, fl-10.30am imexxi l-Pontifikal solenni u fis-7.00pm il-Purċissjoni titulari tal-Festa ta’ Santa Marija fiż-Żebbuġ.

• It-Tlieta 27 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.

• Il-Ħamis 29 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fir-Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

• Is-Sibt 31 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.

• Il-Ħadd 1 ta’ Settembru, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra.

Fil-parroċċi li ħa jżur l-Isqof Cefai, il-ġabra tal-quddiesa tmur b’risq il-missjoni tiegħu fil-Perù. Min jixtieq jagħti donazzjonijiet għal dan il-għan, jista’ wkoll jikkuntattja jew jibgħat l-għotja tiegħu lil Dar Stella Maris, Triq Mons. Ġużeppi De Piro, iż-Żebbuġ, Għawdex.

Fl-okkażjoni ta’ din l-ewwel żjara tal-Isqof Giovann Cefai f’raħal twelidu, nhar is-Sibt 10 ta’ Awwissu, il-Parroċċa taż-Żebbuġ se toħroġ kartolina kommemorattiva b’timbru speċjali mill-Maltapost.

2-l-istemma-episkopali.pngL-istemma uffiċjali tal-Isqof il-ġdid tinkorpora fiha n-Nome di Maria bil-kuruna; il-ktieb tal-Vanġelu u x-xabla tielgħa mill-ħuġġieġa tan-nar bil-lifgħa mdawra magħha li tirrappreżenta l-Appostlu Missierna San Pawl; l-arma tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl; iċ-ċerv u llama, annimali tal-kontinent Latin Amerikan, bil-muntanji Peruvjani fl-isfond; b’Salib ħamrani ta’ Malta mqabbeż fuq kollox fiċ-ċentru tal-erba’ armi. Il-motto magħżul hu “Misericordes sicut et Pater” – “Ħanina bħall-Missier” (ara Lq 6:36).


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2019/08/10/zjara-tal-isqof-giovanni-cefai-mssp-fid-djocesi-ta-ghawdex/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.