Archive for July, 2019

Titħabbar il-mewt tal-Kanoniku Dun Ġużepp Muscat

kan-guzepp-muscat.jpgIlbieraħ, l-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2019, tħabbret il-mewt tal-Kan. Ġużepp Muscat, mill-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Hu miet l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn kien ġie rikoverat f’dawn l-aħħar jiem.

Dun Ġużepp kellu 98 sena. Hu kien l-aktar saċerdot anzjan f’Għawdex. Kien ġie ordnat fit-22 ta’ Mejju 1948. Is-sena li għaddiet, il-parroċċa tan-Nadur iċċelebrat flimkien miegħu s-70 anniversarju mill-ordinazzjoni presbiterali tiegħu.

Il-funeral tiegħu se jsir nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju, fil-5.30pm.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħatra ta’ Kappillan ġdid għall-Fontana

Dun Simon Mario Cachia maħtur il-11-il Kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Fontanadun-simon-m-cachia.jpg

Nhar it-Tlieta 23 ta’ Lulju 2019, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex,  ħatar lil Dun Simon Mario Cachia, mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (il-Belt Victoria), bħala l-ħdax-il Kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana, wara li l-Kan. John Muscat temm il-ministeru li kien beda fl-2013.

Dun Simon twieled fil-Belt Victoria fis-7 ta’ Novembru 1985.  Wara l-formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, huwa ġie ordnat saċerdot fit-28 ta’ Mejju 2011.  Wara l-Ordinazzjoni, kompla l-istudji tiegħu fil-Pedagoġija u t-Teoloġija fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma, filwaqt li kien ukoll kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja fl-istess djoċesi.

Lura Għawdex f’Settembru 2015, ġie maħtur Delegat tal-Isqof għall-Katekeżi u kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.  Huwa wkoll lekċerer tal-Kateketika fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.

Sakemm jieħu l-pussess kanoniku tal-parroċċa, Dun Simon se jkun Amministratur Parrokkjali.

Għeluq tas-Sena Marjana

velja-tal-ghid-tal-assunta-santwarju-ta-pinu-2019.jpg