- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

MESSAĠĠ LILL-E.T. MONS. ISQOF GIOVANNI CEFAI MSSP FL-OKKAŻJONI TAL-ORDINAZZJONI EPISKOPALI TIEGĦU

Posted By admin On June 24, 2019 @ 11:37 am In Press Releases | Comments Disabled

 bishop-giovanni-cefai.jpg

Fl-okkażjoni tal-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Isqof Għawdxi Mons. Giovanni Cefai MSSP illum 22 ta’ Ġunju 2019 fl-10.00am (5.00pm, ħin ta’ Malta) fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Perù, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, bagħatlu dan il-Messaġġ ta’ Awguri biex jinqara waqt il-Quddiesa tal-Ordinazzjoni:

Bħal kull 22 ta’ Ġunju, dalgħodu l-qniepen tal-knejjes f’Għawdex daqqew għalenija biex ifakkru li 136 sena ilu, mill-Kappella Ta’ Pinu, il-Verġni Mbierka fetħet djalogu ta’ mħabba ma’ Karmni Grima u Franġisk Portelli, liema djalogu għadu għaddej illum mal-eluf ta’ pellegrini li jterrqu lejn dan is-Santwarju.

Imma dalgħodu l-qniepen tal-knejjes ta’ din id-djoċesi għannew ukoll għax illum wieħed minn uliedha, int, għażiż Patri Giovann, ser tirċievi l-Ordinazzjoni Episkopali u hekk tingħaqad mal-Kulleġġ tal-Appostli. Għalina dan huwa motiv ta’ ferħ kbir; imma aħna konxji wkoll li din il-ġrajja lilna tgħabbina bir-responsabbiltà li nkomplu nweżnuk kif nistgħu, speċjalment bit-talb tagħna, iktar u iktar meta inti isqof-missjunarju li l-Knisja sejħitlek biex tqiegħed il-pedament ta’ djoċesi ġdida.

L-isfidi li għandek ma humiex żgħar, imma niżgurak mill-esperjenza tiegħi: Alla ser jagħtik il-“grazzja tal-istat” ġdid li inti għandek; din il-verità jien fhimtha biss meta ġarrabtha, u hekk nawgura lilek.

F’isem il-poplu ta’ Alla f’Għawdex nifraħlek tassew, u filwaqt li llum nafdak f’dirgħajn il-Madonna Ta’ Pinu, nitolbok tagħtina l-barka episkopali tiegħek mill-Perù.

Insellem lil ħija fl-episkopat l-E.T. Mons. Javier del Río Alba, Arċisqof ta’ Arequipa, lil Patri Mark Grima MSSP, is-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, u lill-foqra kollha li ħejjewk għal din l-għażla.

bishop-cefai.jpg

Ritratti: [1] https://www.facebook.com/missionarysocietyofstpaul


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2019/06/24/messagg-lill-et-mons-isqof-giovanni-cefai-mssp-fl-okkazjoni-tal-ordinazzjoni-episkopali-tieghu/

URLs in this post:
[1] https://www.facebook.com/missionarysocietyofstpaul: https://www.facebook.com/missionarysocietyofstpaul

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.