“Aħna nippretendu li l-għażliet tas-soċjetà tagħna jkunu skont ir-rieda ta’ Alla; imma dan ma jistax ikun, għax l-għerq ta’ kollox hija l-ħajja interjuri, u jekk din hija nieqsa, allura r-riskju huwa li bħala soċjetà nieħdu deċiżjonijiet li jikkuntrastaw mar-rieda ta’ Alla u għalhekk ma jkunux jixirqu lill-bniedem”.
Hekk ikkummenta l-Isqof Mario Grech fl-1 ta’ Mejju, meta kien qed jiċċelebra mas-Sorijiet Agostinjani l-125 anniversarju tal-preżenza tal-Kongregazzjoni tagħhom f’Malta. Hu qal li bil-ħajja komunitarja huma qed ifakkru lill-Knisja u lill-bniedem fil-“primat tal-ħajja interjuri”.
L-Isqof tenna dak li diġà smajnieh jgħid f’omeliji oħra li ħafna drabi l-Insara ma jirnexxilhomx idaħħlu fi kriżi pożittiva lill-bniedem ta’ żminijietna u ma jagħmlux differenza fid-dinja, għax birdu spiritwalment. “F’kollox infittxu l-coaching, imma f’dik li hija spiritwalità nassumu li kulħadd jitgħallem waħdu u jfendi għal rasu”.
Dan “l-analfabetiżmu spiritwali”, kif sejjaħlu Mons. Grech, tista’ tagħmel tajjeb għalih biss il-“laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu” li hi l-qalba tal-ħajja Nisranija.
Ikkwota lil Santu Wistin, li minnu tieħu l-ispirazzjoni l-familja Agostinjana, u qal li biex il-bniedem jidħol f’għaqda profonda ma’ Alla jeħtieġlu jikber fil-ħajja interjuri.
“Ħafna jaqtgħu qalbhom minn dan il-vjaġġ interjuri għax huwa twil u iebes”, qal l-Isqof, u għalhekk “nixtieq nerġa’ nipproponi lil Marija, is-santwarju riservat għal Alla, għar-riflessjoni”. Fakkar li “l-għan prinċipali għaliex ħassejt li għandi nniedi s-Sena Marjana huwa proprju biex Marija tgħinna nikbru fil-ħajja interjuri tagħna”.
Marija hija l-mudell per eċċellenza tal-bniedem spiritwali, saħaq l-Isqof, għax “ħajjitha kienet dik l-għotja bħala tweġiba ta’ mħabba lil Alla li jħobbha”.
Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, hu żied jgħid ukoll li l-preżenza ta’ dan il-qaddis maġenb Marija tnebbaħna b’dik li tissejjaħ “il-mistika tal-komunjoni” bejn dawk li qegħdin iterrqu l-mixja tal-fidi. “Kieku Ġużeppi ma kellux ħajja interjuri, ma kienx ser jingħata kollu kemm hu biex ikun spalla tajba għal Marija u ħarries tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem”.
Hawn l-Isqof dar fuq is-Sorijiet u fakkarhom li karatteristika tas-sejħa reliġjuża tagħhom hija proprju l-ħajja komunitarja li fiha jagħtu kas tal-ħajja interjuri ta’ xulxin u jikkurawha. “Il-kwalità tal-attività umana tiddependi minn kemm aħna kontemplattivi”, temm jgħid l-Isqof.
Il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija daħlet Malta fl-1894, fuq stedina tal-Isqof Pietru Pace, u sa mis-snin għoxrin fetħet skejjel f’bosta lokalitajiet Maltin. Mill-1946 huma preżenti wkoll b’kunvent u dar tal-irtiri f’Għajnsielem, Għawdex. Jinsabu wkoll l-Awstralja, l-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Brażil, iż-Zaire, l-Indja u l-Filippini.
Il-quddiesa ta’ radd il-ħajr nhar l-Erbgħa li għadda saret fis-Santwarju Ta’ Pinu, fejn kien qed jiġi ċċelebrat ukoll l-ewwel Erbgħa tal-Assunta.
Aqra l-omelija tal-Isqof minn hawn: 2019-05-01-ir-ruh-tas-socjeta.pdf