“Ġesù jħares b’mod ġdid lejn il-bniedem” - l-Isqof Grech

pellegrinagg-facilita-korrettiva-ta-kordin.jpgMinn ġol-Kappella tas-Santwarju Ta’ Pinu, fejn is-Sibt li għadda (6 ta’ April 2019) iltaqa’ u talab ma’ grupp ta’ ħabsin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-Isqof Mario Grech stieden lis-soċjetà tagħna tibdel in-nuċċali li bih tħares lejn dawk li jkunu jiskontaw piena l-ħabs.

Fl-omelija tal-quddiesa, li għaliha kien preżenti grupp ta’ tletin priġunier, akkumpanjati minn tnax-il uffiċċjal tal-Faċilità, l-Isqof ta’ Għawdex saħaq li “l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jedukana biex naraw aħjar”.

B’riferenza għal-Lhud li fil-vanġelu tal-Ħadd li għadda ħadu adultera quddiem Ġesù biex jistaqsuh għandhomx iħaġġruha, l-Isqof innota li waqt li huma “kienu qed jaraw prostituta, adultera li nqabdet fil-fatt u għalhekk kien ħaqqha mhux biss il-kundanna imma l-piena kapitali”, “Kristu għandu ħarsa differenti” u jsejħilha “mara”, kif kien sejjaħ lil Ommu fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib.

Waqt li għal-Lhud “il-liġi kienet hemm biex toħnoq, tgħakkes u tweġġa’”, għax kienu jimxu mal-ittra tagħha – “kienu jħobbu l-liġi imma mbagħad jinsew l-imħabba”, Ġesù “ma jidentifikax lill-persuna mal-iżball”, u għalih il-bniedem jibqa’ dejjem bniedem bid-dinjità tiegħu.

L-Isqof Grech jinnota kif “Ġesù biddel il-perspettiva”, meta quddiem dik il-midinba tbaxxa fl-art, biex ma jħarisx lejha minn fuq għal isfel, jiġifieri bħala “persuna b’sentenza ta’ kundanna”, imma minn isfel għal fuq, “persuna li, għalkemm żbaljat, għandha potenzjal u enerġija pożittiva biex timtela b’fiduċja, tħalli l-imgħoddi warajha u tibda triq ġdida fil-ħajja”.

Fid-dawl ta’ din il-“liġi ġdida tal-imħabba” li kiteb Ġesù, l-Isqof talab lill-Madonna “tgħinna nibdlu n-nuċċali tagħna biex inkunu nistgħu naraw aħjar”. Hi tista’ tifhem lil min qiegħed il-ħabs “għax hija Omm li kellha Binha fil-ħabs, kien ikkundannat u ngħata l-piena tal-mewt”.

Lill-priġunieri preżenti stedinhom jemmnu fihom infushom, minkejja l-iżbalji li għamlu. Saħaq li tinbidel ukoll il-perspettiva ta’ kif is-soċjetà tħares lejn il-ħabs u r-regolamenti tiegħu. Hawn hu stieden lis-soċjetà tagħna “tikkontempla l-imġiba ta’ Kristu mal-mara li żbaljat. Kristu jinżel fejn riġlejha. Huwa jmil quddiem dawk li huma umiljati, żarmati, iġġudikati u kkundannati. Huwa jinżel f’qagħda ibxax minnhom biex ikun jista’ jgħinhom jintrefgħu ’l fuq”.

Din kienet l-ewwel żjara li grupp ta’ priġunieri qatt għamel lis-Santwarju Ta’ Pinu kemm ilha mwaqqfa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u saret fl-okkażjoni tas-Sena Djoċesana Marjana f’Għawdex. Mal-Isqof ikkonċelebraw fost l-oħrajn Patri Hayden Williams u Patri Martin Mamo, żewġ patrijiet Kapuċċini li jservu bħala Kappillani tal-Faċilità.

F’din l-okkażjoni, is-Santwarju għamel donazzjoni ta’ xbieha kbira tal-Kwadru Ta’ Pinu għall-Kappella tal-Faċilità, kif ukoll kwadru żgħir tal-istess xbieha biex jingħata lil kull resident fil-ħabs. Min-naħa tagħhom, il-ħabsin irregalaw lill-Isqof l-arma tiegħu maħduma fil-ġebla Maltija minn wieħed minnhom u ħobż moħmi minnhom stess biex jingħata lil min hu fil-bżonn.

Għall-quddiesa kienu preżenti wkoll Michael Farrugia, Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, flimkien mad-Direttur Ġenerali u mas-Chief Operations Officer tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ritratti bil-ħajr tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Hawn taħt tista’ taqra tal-omelija tal-Isqof Grech.

___________________

Omelija fil-Quddiesa għall-Ħabsin tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Is-Sibt 6 ta’ April 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦANDNA BŻONN NUĊĊALI ĠDID

Kif jgħidu fl-Ingliż, to the pure eye everything is pure. Min għandu għajnejh ċari jara ċar; imma min għandu viżjoni mċajpra jara ċ-ċpar, u min għandu għajnejh biż-żlieġa jara mżelleġ. F’dan il-Vanġelu li tħabbrilna (Ġw 8:1-11) inħoss li Ġesù qed jgħidilna biex nibdlu n-nuċċali ħalli nkunu nistgħu naraw aħjar l-affarijiet ta’ madwarna. Ġesù qed jgħidilna biex innaddfu għajnejna – biex inneħħu ż-żlieġa ħalli naraw b’mod ċar. Il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jedukana biex naraw aħjar. Ikoll kemm aħna, jien inkluż, għandna bżonn nieħdu bis-serjetà dan il-parir ta’ Ġesù!

Fil-ġrajja li jirrakkonta l-Vanġelu għandna lil-Lhud u lil Kristu: it-tnejn b’għajnejhom fuq mara. Imma kemm għandhom viżjoni differenti!

Il-Lhud kienu qed jaraw prostituta, adultera li nqabdet fil-fatt u għalhekk kien ħaqqha mhux biss il-kundanna imma l-piena kapitali, għax il-liġi ta’ Mosè kienet tgħid li kellhom iħaġġruha. F’għajnejhom din kienet oġġett skadut, bla ebda valur u għar-rimi. Anki l-viżjoni li huma kellhom tal-liġi kienet waħda mżellġa. Kellhom interpretazzjoni wisq dejqa, formali u riġida tal-liġi. Fil-fehma tagħhom il-liġi kienet hemm biex toħnoq, tgħakkes u tweġġa’. Kienu jimxu mal-ittra tal-liġi u ma kienx jimpurtahom mill-bniedem. Fil-każ tagħhom nistgħu napplikaw l-espressjoni ta’ Ċicerun: Summum ius summa inuria – liġi applikata b’mod strett toħloq inġustizzja. Il-Lhud kienu nies li aktar kienu jgħożżu l-liġi milli l-ġustizzja; kienu jħobbu l-liġi imma mbagħad jinsew l-imħabba.

Kristu għandu ħarsa differenti minn dik tal-Lhud. Lil dik li kellu quddiemu, Ġesù la jsejħilha adultera u lanqas prostituta, imma “mara”. Huwa jinqeda bl-istess kelma li juża meta jindirizza lil ommu kemm fit-tieġ ta’ Kana u kemm meta kien fuq is-salib. Ġesù ma jidentifikax lill-persuna mal-iżball. Minkejja l-kumplessità kollha tagħna, għal Ġesù l-bniedem jibqa’ dejjem bniedem bid-dinjità tiegħu. Anki l-mod kif Ġesù jħares lejn il-liġi huwa differenti. Ġesù jistieden lill-bniedem biex iħobb. Misjuq mill-imħabba, il-bniedem sinċier ifittex kif fil-possibbiltajiet li jkollu jipprova jħobb tassew. F’dan il-proċess il-liġi hija gwida meħtieġa li tgħinu biex ikun ħieles.

Qabel ma beda jitkellem, Ġesù kien bilqiegħda jgħallem (v. 8). Il-fatt li kien fuq is-siġġu (katedra) juri li Ġesù mhux biss kien mgħallem imma wkoll dak li jiġġudika. L-Evanġelista darbtejn jgħid li Ġesù tbaxxa fl-art. Huwa niżel minn fuq il-katedra u tbaxxa fl-art biex ma jħarisx lejn din il-mara minn fuq għal isfel (attitudni ta’ superjorità u ta’ awtorità), imma jħares lejha minn isfel għal fuq (attitudni ta’ rispett). Ġesù biddel il-perspettiva. Minn fuq wieħed jara mod, imma minn isfel wieħed jara differenti. Baxxut fl-art, Ġesù ma jilmaħx persuna b’sentenza ta’ kundanna jew persuna li għamlet żball li jħassrilha ħajjitha; imma jara persuna li, għalkemm żbaljat, għandha potenzjal u enerġija pożittiva biex timtela b’fiduċja, tħalli l-imgħoddi warajha u tibda triq ġdida fil-ħajja.

Ġesù beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Xi wħud jaraw xebh bejn din l-azzjoni u dakinhar li Alla kiteb b’sebgħu l-liġi li ta lil Mosè (Eż 31:18). Kif dakinhar fuq is-Sinaj kienu darbtejn li Alla kiteb il-liġi fuq it-twavel (Eż 32:15; 34:1), anki f’dan il-każ għal darbtejn Ġesù jikteb b’sebgħu fit-trab. B’dan il-ġest Ġesù qed jistieden lil-Lhud iħarsu b’mod ġdid lejn il-liġi. Fi żmien Mosè din kienet miktuba fuq twavel tal-blat, imma issa miktuba fuq it-trab li minnu huwa msawwar il-bniedem – għalhekk hija liġi miktuba fil-qalb tal-bniedem. Il-fatt li Ġesù jikteb f’riġlejn dik il-mara juri li mhux il-bniedem huwa maħluq għal-liġi imma l-liġi għall-bniedem: “Is-Sibt huwa magħmul għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt” (Mk 2:27).

Għalhekk hawnhekk Ġesù kiteb liġi ġdida li hija l-liġi tal-imħabba – hija liġi li mhix ġejja minn fuq biex tisħaq, imma hija liġi li sservi ta’ għodda għall-bniedem biex jikber fil-maturazzjoni u jkun tassew ħieles. Hija liġi għall-qadi tal-bniedem. F’din il-perspettiva l-liġi mhix madmad imma strument li jgħin lill-bniedem jiddixxerni x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih.

Fid-dawl ta’ dan kollu nixtieq nitlob lill-Madonna tgħinna nibdlu n-nuċċali tagħna biex inkunu nistgħu naraw aħjar.

L-ewwel nett tajjeb li nibdlu l-mod kif inħarsu lejna nfusna. Jekk hemm bżonn, nikkoreġu l-mod kif aħna niġġudikaw lilna nfusna. Ħafna drabi mhux biss is-soċjetà ma taħfrilniex, imma aħna stess ma naħfruhiex lilna nfusna u nibqgħu xhur u snin inġorru fina piżijiet tqal. Nibdlu ftit il-perspettiva u nemmnu li minkejja d-dgħufja tagħna, Alla li jħobbna żejjinna b’ħafna riżorsi – żejjinna b’ħafna kwalitajiet u talenti li xi drabi jibqgħu midfunin fina.

Tajjeb ukoll li nibdlu ftit il-perspettiva ta’ kif inħarsu lejn id-dar fejn tgħixu intom (il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin). Aktar milli hija istituzzjoni ta’ kastig, din il-Faċilità hija dar ta’ formazzjoni u riabilitazzjoni. F’ċerti każi din id-dar hija s-sehem li tagħti s-soċjetà biex tpatti għal dak li tkun naqset li tagħmel meta kontu titrabbew biex tkunu ċittadini onesti; biex tikkumpensa għall-eżempji koroh li tkunu ħadtu fl-adolexxenza tagħkom.

Jagħmel tajjeb jekk nibdlu ftit il-perspettiva ta’ kif inħarsu lejn ir-regolamenti tad-dar tagħkom. Ir-regoli mhumiex hemm biex jumiljawna u jkissruna, imma biex jgħinuna nitgħallmu napprezzaw il-ħajja tagħna nfusna u tal-oħrajn; mhux biex inaqqsulna l-libertà, imma biex nitgħallmu nużaw il-libertà aħjar.

Kemm nixtieq li s-soċjetà tagħna tibdel il-perspettiva tagħha kemm dwar id-dar tagħkom u kemm dwarkom infuskom! Xi drabi intom ittemmu l-programm, imma d-dinja tibqa’ tħares lejkom b’għajnejn imċajpra. Huwa minnu li l-ħsara li wieħed ikun wettaq trid tiġi riparata, imma hemm min qatt ma huwa sodisfatt u jibqa’ għatxan għad-demm ta’ min ikun żbalja. Nistieden lis-soċjetà tikkontempla l-imġiba ta’ Kristu mal-mara li żbaljat. Kristu jinżel fejn riġlejha. Huwa jmil quddiem dawk li huma umiljati, żarmati, iġġudikati u kkundannati. Huwa jinżel f’qagħda ibxax minnhom biex ikun jista’ jgħinhom jintrefgħu ’l fuq. Din għandha tkun l-attitudni tas-soċjetà ma’ persuni bħalkom.

Naf li mhux qed nipproponi ħwejjeġ ħfief; imma dan kollu npoġġih taħt il-ħarsa tal-Madonna Ta’ Pinu. Marija tifhimna għax hija Omm li kellha Binha fil-ħabs, kien ikkundannat u ngħata l-piena tal-mewt. Anki Ġwanni, dak li wara li minn fuq is-salib Ġesù fdahielhu bħala ommu u ħadha d-dar miegħu, kellu esperjenza tal-ħabs (Atti 4:3). Jekk Ġesù jħares b’mod ġdid lejn il-bniedem, Marija wkoll għandha ħarsa materna kollha mħabba u bħal kull omm hija attenta u sensibbli ħafna għall-bżonnijiet ta’ wliedha. Jien konvint li, bħal Ġesù, Marija qed tgħidilna: Qumu fuq riġlejkom, imtlew bit-tama, għax quddiemkom għandkom futur.