- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-Papa Franġisku jaħtar lil Patri Giovanni Cefai MSSP Isqof tal-Prelatura ta’ Santiago Apostol de Huancané, fil-Perù

Posted By admin On April 3, 2019 @ 4:40 pm In Circulars | Comments Disabled

fr-giovanni-cefai-mssp.jpg66/2019

Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex


NIFIRĦU FIL-MULEJ

Għal darba oħra l-Mulej reġa’ xeħet il-ħarsa tiegħu kollha mħabba fuq il-Knisja tagħna u għażel wieħed minn uliedha, Patri Giovanni Cefai MSSP, u fdalu l-ministeru episkopali. Dalgħodu l-Papa Franġisku ħabbar li kien qed jaħtru l-ewwel Isqof Prelat ta’ Santiago Apostol de Huancané, fil-Perù.

Inħossni grat ħafna lejn dawk kollha li mal-medda tas-snin għenu lil dan il-patri missjunarju jissawwar biex il-Mulej sabu jixraqlu ħalli jgħoddu fil-Kulleġġ tal-Appostli. Insellem il-memorja tal-għeżież ġenituri tiegħu li fil-familja tawh l-ewwel trobbija Nisranija. Il-komunità parrokkjali taż-Żebbuġ, Għawdex, offriet dak il-qafas reliġjuż, spiritwali u kulturali fejn dan it-tfajjel trawwam u għamel l-ewwel esperjenza ta’ Knisja. Jekk il-familja u l-komunità ekkleżjali kienu “l-ewwel seminarju” għal Giovann, id-Dar Stella Maris, li l-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandhom f’din il-parroċċa, kienet “it-tieni seminarju” fejn dan iż-żagħżugħ, maħtuf mill-kariżma tal-Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi De Piro, beda n-namur tal-ħajja saċerdotali u missjunarja. Fil-fatt, ħames snin wara li rċieva l-Ordinazzjoni saċerdotali minn idejn il-predeċessur tiegħi l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, huwa mar il-Perù fejn għadu hemm sa issa. F’Novembru li għadda, meta kont fuq Żjara Pastorali fil-Perù, kelli l-grazzja li għaddejt ftit jiem miegħu u ma’ sħabu l-patrijiet f’Arequipa fejn Mons. Cefai kien Superjur Provinċjali; hemmhekk stajt nosserva kemm dawn il-patrijiet iħobbu lin-nies foqra u huma maħbuba u apprezzati.

Din in-nomina hija frott tal-imħabba ġeneruża li l-poplu Għawdxi għandu lejn il-missjoni; hija nomina li tħeġġiġna biex inkebbsu fina l-interess ġenwin fil-Knisja missjunarja u nibqgħu nkunu solidali ma’ ħutna missjunarji.

Insellem lis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li bil-ħatra ta’ Mons. Cefai għall-episkopat għandha l-ewwel isqof fl-istorja tagħha. Nifhem li meta l-Papa Franġisku qed jafda dan il-ministeru lil wieħed minn ulied De Piro, huwa qed jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma ta’ din is-Soċjetà. Intennilhom dak li dejjem ngħid lir-reliġużi li għandna fid-Djoċesi: aħna ngħożżu l-preżenza tagħkom fostna. L-għażla ta’ dan ir-reliġjuż, it-tielet patri Għawdxi li qed jinħatar isqof, hija konferma minn Alla li f’din id-Djoċesi hawn post speċjali riservat għalikom.

Filwaqt li nħeġġiġkom twieżnu lill-Isqof Cefai bit-talb tagħkom, f’din is-Sena Marjana, f’isem il-Knisja f’Għawdex, inqiegħed lil dan l-Isqof żagħżugħ taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu.

Illum, 3 ta’ April 2019.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2019/04/03/il-papa-frangisku-jahtar-lil-patri-giovanni-cefai-mssp-isqof-tal-prelatura-ta%e2%80%99-santiago-apostol-de-huancane-fil-peru/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.