“Intom sinjal qawwi u elokwenti tal-preżenza ta’ Alla fostna” - L-Isqof Grech lill-Persuni Kkonsagrati

 jum-il-haja-kkonsagrata-gandlora-2019.jpg

Omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Is-Sibt 2 ta’ Frar 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-ĦAJJA KKONSAGRATA STIMOLU TA’ PURIFIKAZZJONI EKKLEŻJALI

Dakinhar li Marija u Ġużeppi għamlu l-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, biex ngħid hekk kienet l-ewwel darba li Ġesù “rifes” fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Dakinhar Alla daħal f’dar li, għalkemm kienet mibnija għalih, fiha ma kienx hemm lok għalih: ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx (Ġw 1:11). Għalhekk dakinhar tal-Preżentazzjoni, Ġesù inawgura proċess ta’ restawrazzjoni spiritwali tat-Tempju.

Din il-ġrajja tissejjaħ ukoll il-Festa tal-Purifikazzjoni, għax kif kienet tgħid il-liġi ta’ Mosè, erbgħin jum wara t-twelid tat-tarbija, l-omm kellha tagħmel dan ir-ritwal tat-tisfija.

Jien u nirrifletti dwar dan il-Vanġelu (Lq 2:22-40) ħassejt li nista’ ngħaqqad flimkien dawn iż-żewġ aspetti: Ġesù jmur fit-Tempju (bħal donnu kellu seba’ mitt sena biex jirfes fit-Tempju!) mhux biex tissaffa ommu, imma biex jibda l-proċess tal-purifikazzjoni tat-Tempju – proċess li għadu għaddej anki llum fil-Knisja.

It-Tempju ta’ Ġerusalemm kellu jkun il-post tal-laqgħa ta’ Alla mal-bniedem. Meta Alla jitlob lil Mosè biex iwaqqaflu t-Tinda, huwa jgħidlu: “Jien ngħammar f’nofs ulied Iżrael u jien inkun Alla tagħhom. Quddiem il-bieb tat-Tinda tal-Laqgħa, hemm niltaqa’ mal-poplu ta’ Iżrael. Jien nikkonsagra t-Tinda tal-Laqgħa” (Eż 29:45). Għall-ewwel it-Tinda kienet tkun magħmula mid-drapp (li kien bqajna hekk!), imma mbagħad ġie Salamun li ried jibni monument, forsi mhux tant biex tidher il-glorja ta’ Alla imma għall-glorja tal-bniedem. Huwa fatt li Alla qal lil Salamun: “Mhux inti ser tibnili d-dar biex noqgħod fiha” (2 Sam 7:5). Minn Salamun ’l hawn, twaqqaf it-Tieni Tempju, dak li fih saret il-Preżentazzjoni tal-Mulej.

Maż-żmien it-Tempju ma baqax il-post tal-laqgħa. L-istess tifsila strutturali li tawh, flok ma kien spazju tal-komunjoni, kien maħsub biex jifred: kien hemm post riservat għall-pagani, post ieħor għan-nisa, imkien ieħor għall-irġiel, u mbagħad post speċjali fejn joqogħdu s-saċerdoti. Iċ-ċentru tat-Tempju kien is-Sanctum Sanctorum; imma Alla tant kienu jikkunsidrawh ’il bogħod mill-bnedmin, li lanqas xbieha tiegħu ma kien hemm. Taċitu jikteb li meta fis-sena 63 WK ir-Rumani waslu Ġerusalemm u l-Ġeneral Pompej daħal fis-Sanctum Sanctorum, sab il-kamra vojta – “nulla intus deum effige” (Historia, V, 9).

It-Tempju kellu jkun il-post tal-kult, imma maż-żmien il-Lhud tant ħolqu riti u ritwali li fit-Tempju aktar kien hemm irwejjaħ tal-ħruq milli riħa ta’ Alla! Veru li Alla huwa ħanin, imma kienu konvinti li biex il-bniedem jirriskatta d-dnubiet tiegħu, kellu jaħraq l-annimali: il-bniedem li jifdi lilu nnifsu. Għaldaqstant aktar saret ir-reliġjon tal-bnedmin milli ta’ Alla.

Dak li kellu jkun post ta’ armonija sar bejta ta’ tensjonijiet u konfoffi bejn il-gruppi reliġjużi – il-Fariżej, is-Sadduċej u l-Esseni. Dawn tal-aħħar tant iddejqu bit-tħassir li kien hemm fit-Tempju li qabdu u telqu fid-deżert. (Mhux diffiċli li aħna nifhmu dan kollu, għax għandna minnu fit-tempju tal-lum!).

Hu fatt li matul l-istorja diversi drabi Alla ħass li kellu jsaffi t-Tempju. Meta t-Tinda tal-Laqgħa twaqqfet f’Silo, id-dnubiet tant kotru li Alla ppermetta li l-Filistej jeqirdu s-Santwarju (1 Sam 4). Kif jgħid is-Salmista, “il-Mulej telaq is-santwarju ta’ Silo, l-għarix fejn kien jgħammar mal-bnedmin” (Salm 78:60).

Il-profeta Ġeremija għandu passaġġ inkwetanti mhux ftit meta jgħid li Alla qallu: “Mur oqgħod fil-bieb tat-Tempju tal-Mulej u xandar din il-kelma u għid: ‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej… intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej… Tejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom u jien inħallikom tgħixu f’dan il-post. Isserrħux raskom bi kliem qarrieq u tgħidu: Hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej. Għax jekk tassew ittejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn il-bniedem u sieħbu, jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma xxerrdux demm bla ħtija f’dan il-post [u d-demm jista’ jixxerred mhux biss bis-sejf imma anki biz-zekzik!], u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara għalikom stess, jien inħallikom tgħixu f’dan il-post’” (7:1-7).

Imbagħad wasal Ġesù Kristu. Meta mar fit-Tempju u qabad ikeċċi ’l barra lill-bejjiegħa u x-xerrejja mit-Tempju, Ġesù akkużahom li “dar it-talb għamluha għar tal-ħallelin” (Mt 21:12-13). U meta s-Samaritana qaltlu li missirijietha kienu jaduraw lil Alla fuq il-muntanja, “imma intom [il-Lhud] tgħidu li l-post fen wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”, Ġesù fissrilha li għad “jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm… imma dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4:19-21,24). Meta l-Vanġeli jgħidu li waqt li Ġesù kien qed imut fuq is-salib, “il-velu tat-Tempju ċċarrat min-nofs” (Lq 23:45; Mt 27:51), huma riedu jfissru li mal-mewt ta’ Ġesù t-Tempju ta’ Ġerusalemm tilef l-għan tiegħu, għax issa l-kuntatt mal-Missier isir dirett permezz ta’ Kristu. Hawnhekk ħareġ bid-dieher li t-Tempju veru huwa Ġesù – dak li kien qal li kien ser iħott it-Tempju u jerġa’ jibnih fi tlett ijiem (ara Ġw 2:19).

San Pawl ikompli jiżviluppa din l-ekkleżjoloġija meta jgħid li t-Tempju ta’ Alla huwa aħna u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fina (1 Kor 3:16-17). San Pietru wkoll jikteb li aħna l-ġebel ħaj ta’ dar spiritwali (1 Piet 2:5). Frott il-fidwa li wettaq Kristu, Alla ma jgħammarx fit-Tinda jew fit-Tempju, imma fil-bniedem, partikularment f’dawk li rċevew il-Magħmudija. Naturalment anki dan it-tempju l-ġdid jeħtieġ il-purifikazzjoni personali u kollettiva.

Jekk dan kollu jgħodd għall-imgħammdin kollha, jgħodd ukoll għalikom, membri tal-ħajja kkonsagrata (reliġjużi, membri ta’ istituti sekulari, u membri fl-Ordo Virginum). Jekk it-Tempju ta’ Ġerusalemm kien sinjal tal-preżenza ta’ Alla, sinjal li jwassal għal-laqgħa ta’ Alla mal-bniedem, hekk intom, ħuti kkonsagrati, intom sinjal qawwi u elokwenti tal-preżenza ta’ Alla fostna. Bil-konsagrazzjoni tagħkom intom sirtu ta’ Alla b’mod sħiħ u esklussiv. Għalhekk kull fejn tkunu intom tfakkruna f’Alla. Fil-ħarsa ta’ għajnejkom naraw il-ħarsa ta’ Alla fuq l-umanità; fil-kelma tagħkom nisimgħu l-leħen kollu ħlewwa tal-Missier; f’dirgħajkom inħossu lil Alla jħaddanna; f’riġlejkom naraw lil Alla miexi quddiemna, magħna u warajna; f’qalbkom inħossu t-taħbita tal-qalb ta’ Alla tħabbat għalina; fil-komunjoni ta’ bejnietkom għandna ħjiel tal-komunjoni Trinitarja. Fuq kollox, bil-kunsilli evanġeliċi li tħaddnu (il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza) intom tfakkruna fil-wegħdiet futuri li għamlilna Alla fil-mixja tagħna lejn is-Sema minn fejn għad naraw “il-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida…, nieżla mis-Sema mingħand Alla, imħejjija bħall-għarusa mżejna għall-għarus tagħha. U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: ‘Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin u hu jgħammar magħhom u huma jkunu l-poplu tiegħu u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom’” (Apok 21:2-3).

Ma nehda qatt nirrakkomandalkom li tkunu devoti tal-Madonna; imma fl-okkażjoni tas-Sena Marjana npoġġikom taħt il-ħarsa materna tal-Verġni Mbierka. Nagħtikom lil Marija bħala t-tinda li laqgħet fiha l-Kelma u hekk seħħet il-laqgħa bejn Alla u l-bnedmin. San Ġwann Damaxxenu jsejħilha “arka tal-Patt”. Żommu lil Marija qrib tagħkom. Sejħulha bil-qalb. Imitaw il-virtujiet tagħha, partikularment il-virtù tas-safa tal-qalb u tal-moħħ. Għax jekk illum hija tmur it-Tempju ta’ Ġerusalemm biex tissaffa u hekk issebbaħ l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin, ħa tkun ta’ ispirazzjoni għalikom f’dan il-proċess ta’ tisfija-konverżjoni kemm tagħkom personali u kemm tagħkom bħala istituti. Hekk intom tkunu għalina sejħa għall-purifikazzjoni individwali tagħna, kif ukoll tkunu preżenza fil-Knisja li tistimula t-tisfija ekkleżjali.