Archive for February, 2019

“Inwasslu t-tama ta’ Kristu” - Papa Franġisku

ta-pinu-mosaic.jpgMESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦAR-RANDAN 2019

“Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana
r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 8:19)

Għeżież ħuti,

Kull sena, permezz ta’ Ommna l-Knisja, Alla “lill-fidili tiegħu jogħġbu jagħtihom li jitnaddfu f’ruħhom, u jistennew bil-ferħ il-Misteru tal-Għid, biex […] jitwasslu għall-milja tal-grazzja ta’ wliedu” (ara Prefazju I tar-Randan). B’dan il-mod nistgħu nimxu, minn Għid għall-ieħor, lejn il-milja ta’ dik il-fidwa li diġà rċivejna grazzi għall-Misteru tal-Għid ta’ Kristu: “Aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Dan il-misteru ta’ salvazzjoni, li diġà jaħdem fina fil-ħajja fuq din l-art, hu proċess dinamiku li jinkludi fih ukoll l-istorja u l-ħolqien kollu. San Pawl jasal biex jgħid: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 8:19). F’din il-perspettiva nixtieq noffri xi spunti għar-riflessjoni, li jistgħu jgħinuna fil-mixja tagħna ta’ konverżjoni fir-Randan li ġej. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 24 ta’ Frar 2019

bullettin-2019-frar-24.jpg

Il-Ministeru ta’ “Parrinu”

Kelmtejn mill-qalb lill-adoloxxenti
li fix-xhur li ġejjin ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof

Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019, Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 prezentazzjoni-tal-kandidati-ghall-grizma-tal-isqof-munxar-100220192.jpg

Nieħu gost narakom, għaliex l-“iva” tagħkom tfisser ħafna: intom qegħdin tistqarru quddiem din il-ġemgħa li tridu tkunu ħbieb ta’ Ġesù. Dan lilna jimliena bil-ferħ.

Nieħu gost narakom, għax f’kull wieħed u waħda minnkom qed nara l-familja. Intom wasaltu s’hawn għax warajkom hemm is-sapport tal-familja li timbuttakom (f’sens tajjeb) biex tkomplu l-mixja tagħkom wara Ġesù. Għeżież familji, grazzi talli tressqu lil uliedkom għas-sagramenti. Continue reading >>

Iċċelebrat in-Nawfraġju ta’ San Pawl

 prezentazzjoni-tal-kandidati-ghall-grizma-tal-isqof-munxar-10022019.jpg

Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

META D-DLAM HUWA DAWL

Kemm hu ikrah il-lejl! Xi drabi l-lejl jaf ikun itwal minn dak li hu, għax ġieli barra titla’ x-xemx imma ġewwa fina jibqa’ l-lejl. Dwar dan nistaqsu lil min hu marid f’qiegħ ta’ sodda u forsi għandu l-kundanna maqtugħa fuq rasu. Dwar dan nisimgħu lil min għandu xi problema tagħfas fuq moħħu u fuq qalbu tant li, minkejja li jkun għajjien, ma jagħlaqx għajn ma’ għajn. Jinsab fid-dlam dak li għandu l-inkwiet serju fiż-żwieġ jew fil-familja. Ma jistax jara xaqq ta’ dawl min hu finanzjarjament mgħaffeġ u mimli xeba’ djun! Dawn huma ftit eżempji ta’ esperjenzi tal-lejl fil-ħajja. Imbagħad hemm iljieli mudlama qatigħ bħal meta nħossu li Alla jkun għeb mix-xefaq ta’ ħajjitna – inħossuna mitlufa! Ma humiex sitwazzjonijiet sbieħ meta wieħed jitlef il-gost ta’ Alla għax jinħakem minn dubji serji tal-fidi jew meta l-istess fidi u l-pakkett reliġjuż ma jibqgħux jagħmlu sens għalih.

Ħadd ma huwa meħlus minn dawn il-fażijiet tal-lejl. Ngħaddu minnhom individwalment, ras għal ras, bħala familji, bħala Knisja, kif ukoll bħala soċjetà. Continue reading >>

Public Lecture: Owners or Guardians?

public-invitation-de-miranda-lecture-16-february-2019.jpg

“Ix-xiħ huwa skular tal-esperjenza li hija l-aqwa għalliema” - L-Isqof Grech

 dar-guzepp-debono-2019.jpg

Messaġġ fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono
Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem
Il-Ġimgħa 8 ta’ Frar 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ANZJANI FAVUR IL-ĦAJJA

Biex fis-soċjetà tagħna tissaħħaħ il-kultura favur il-ħajja umana, nipproponi li jkun hemm aktar impenn li jġib ’il quddiem id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija dik li toħlom, filwaqt li l-anzjani huma dawk li ħadmu biex raw il-ħolm tagħhom; fosthom, imma, hemm dawk li jgħallmuna biex fil-ħajja ma noħolmux bil-ftajjar! Għax xi drabi, frott l-entużjażmu u n-nuqqas ta’ esperjenza, il-ħolm taż-żgħożija jaf ikun frott l-idealiżmi!

Kif jgħid il-Malti, kliem ix-xiħ żomm fih! Għax ix-xiħ huwa skular tal-esperjenza li hija l-aqwa għalliema. Ix-xjuħ huma dawk li rnexxielhom jgħumu l-baħar tal-ħajja, u għax kienu jafu jaqdfu anki kontra l-kurrent, wasslu l-familja tagħhom fil-kenn tal-port. Ix-xiħ huwa mogħni bl-għerf li l-ħajja taf tikkomunika. Min jista’ jqis l-għerf li għandhom l-anzjani fil-konfront tal-ħajja?

Żgur li hemm anzjani li quddiem ix-xewqa li jnisslu ħajja, qalbhom imtliet bil-beżgħat imma rnexxielhom jirbħuhom. Hemm anzjani li minkejja l-faqar li kellhom, xorta kienu ġenerużi mal-ħajja, u għax ittamaw, messew b’idejhom il-Providenza. Hemm anzjani li għandhom memorji sbieħ tal-ferħ li tnissel familja numeruża. Hemm anzjani li ġarrbu t-tbatija ta’ min tilef it-tarbija fil-ġuf kemm b’mod naturali jew b’għażla. Hemm anzjani li maż-żmien irnexxielhom ifiqu mill-ġerħa tal-abort u llum tgħallmu mill-iżbalji tal-ħajja. Hemm anzjani li bkew ma’ wliedhom u għal uliedhom, imma għax ipperseveraw f’dak li huwa tajjeb, in-niket tagħhom inbidel f’ferħ.

Tajjeb li ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tiskopri din ir-riżorsa prezzjuża li għandna fl-anzjani tagħna. Jekk nagħrfu nakkumpanjaw liż-żgħażagħ jagħmlu l-patt mal-anzjani, l-esperti fil-ħajja, indirettament inkunu qegħdin ngħinu biex fil-ġenerazzjonijiet li telgħin ikun hawn aktar reverenza quddiem il-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil. L-anzjani tagħna huma konfessuri tal-għaġeb tal-ħajja. Billi jafu x’inhi l-ħajja u stinkaw biex jgħixu, huma difensuri tal-ħajja. Ħafna minnhom ħallsu prezz għoli biex għexu, u għalhekk jafu kemm tiswa l-ħajja. Jekk huwa ż-żmien li jsajjar il-bajtar, huwa ż-żmien li jimmatura l-bniedem anki fl-apprezzament u l-għożża tal-ħajja.

Dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet mhux biss jgħin biex fostna jikber il-ħarsien tal-ħajja, imma jnissel fina wkoll ir-rispett lejn il-ħajja tal-anzjani. Għax jekk il-qtil tat-tarbija fil-ġuf huwa ikrah, daqshekk ieħor hija mneżżgħa minn kull dinjità umana t-temma volontarja tal-ħajja tal-marid u tal-anzjani.

Filwaqt li nirringrazzja lil Dar Ġużeppa Debono u l-Komunità Anawim għall-ħidma tagħhom favur il-ħajja kemm fid-Djoċesi tagħna u kemm ’il barra minn xtutna, nistedinkom biex tirriflettu dwar x’jista’ jsir biex inqarrbu liż-żgħażagħ lejn din l-għajn sapjenzjali li għandna fl-anzjani.

Fra Baskal Farrugia OFMCap - 150 Sena minn twelidu (10 ta’ Frar)

fra-baskal.jpg

https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com/2018/11/26/fra-baskal-farrugia/?fbclid=IwAR3S6T79rdFm8WaR063wNPpesLmqy4hORqA9kgUWrAzpL89Ysnb5Ly798NQ

Bullettin tal-Ħadd - 10 ta’ Frar 2019

bull-2018-10frar2019.jpg