- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Pellegrinaġġ bil-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu - Stedina mill-Isqof Mario Grech

Posted By admin On January 19, 2019 @ 10:28 am In Circulars | Comments Disabled

65/2019

 Ittra lill-Poplu ta’ Alla

 tal-E.T. Mons. Mario Grech

 

Isqof ta’ Għawdex

il-madonna-ta-pinu-fil-parrocci-tar-rabat.jpg

PELLEGRINAĠĠ DJOĊESAN

BIL-KWADRU TAL-MADONNA TA’ PINU


Għeżież ħuti,

Fil-jiem li għaddew għexna mumenti sbieħ ħafna meta l-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu wasal f’xi wħud mill-parroċċi tagħna u rajna żgħar u kbar jifirħu madwar Ommna Marija. Għalkemm it-temp xitwi u kienu ġranet ferjali, il-poplu ma beżax jilqa lil Marija għandu.

F’dan il-mument storiku għad-Djoċesi tagħna, ħafna semgħu għall-ewwel darba tagħrif dwar l-istorja tas-Santwarju Ta’ Pinu u l-esperjenza li Karmni Grima u Franġisk Portelli kellhom tal-Verġni Mbierka fl-1883. Fl-istess waqt, ħafna approfittaw mill-fatt li l-Madonna Ta’ Pinu kienet daqshekk qrib tagħhom, resqu lejha u fetħu qalbhom magħha. Min jista jgħid x’għadda f’dawn il-jiem bejn id-devoti u Marija, xi ntqal f’widnejha, xi tqiegħed taħt ħarsitha kollha mħabba, u liema sigrieti ġew imqiegħda fil-qalb materna tagħha! Kien ta’ faraġ kbir għalina nosservaw li l-preżenza ta’ Marija qanqlet ħafna biex isibu ħin jitolbu quddiem Ġesù Ewkaristija, jieħdu sehem fil-quddiesa, jgħidu r-Rużarju, jippreżentaw it-trabi lill-Madonna, jersqu għas-sagramenti tal-Qrar u tad-Dilka tal-Morda, u jagħmlu karità. Il-waqfa qasira tal-Kwadru fl-Isptar Ġenerali kellha tifsira qawwija għal dawk li bħalissa għaddejjin mill-prova tal-mard.

Filwaqt li nirringrazzja mill-qalb lil dawk il-Komunitajiet Parrokkjali li diġà laqgħuha u lill-Amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, inħeġġeġ lill-parroċċi li fadal biex huma wkoll ma jibżgħux jieħdu lil Marija għandhom.

Din l-esperjenza tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd li ġej, 27 ta’ Jannar 2019, b’pellegrinaġġ bil-Kwadru, li jitlaq fl-4.30pm minn fejn il-Monument tal-Pellegrin sal-Bażilika Ta’ Pinu, fejn niċċelebraw flimkien is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Għalhekk nistieden lill-Poplu ta Alla kollu – saċerdoti, reliġjużi, persuni kkonsagrati u lajċi – biex nhar il-Ħadd ninġabru flimkien ħalli nakkumpanjaw lil Ommna Marija fi triqtha lura lejn is-Santwarju, li hu darha u darna. Nagħmel sejħa speċjali lill-familji tagħna kollha, partikularment lil dawk li, bħall-għarajjes ta’ Kana tal-Vanġelu tal-lum, naqashom l-inbid, biex dakinhar nagħmlu flimkien l-affidament tal-familja Għawdxija lil Ommna Marija.

Irrodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom biex il-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu għadda mit-toroq tagħna u għamel din iż-Żjara lill-poplu tagħna; partikularment nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija u lil dawk responsabbli mit-trasport tal-Kwadru.

Bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, nitlob fuqkom il-barka ta Alla.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, nhar l-Erbgħa 17 ta’ Jannar 2019, Tifkira liturġika ta’ Sant’Anton Abbati.


                                                                                               + Mario Grech

                                                                                                   Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2019/01/19/pellegrinagg-bil-kwadru-tal-madonna-ta-pinu-stedina-mill-isqof-mario-grech/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.