L-Isqfijiet Maltin jiktbu lill-Isqof tal-COMECE dwar il-każ tal-migranti maqbuda fuq il-baħar

Ittra mill-Konferenza Episkopali Maltija lis-Segretarju Ġenerali tal-COMECE

(il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-isqfijiet tal-Unjoni Ewropea)

 

Fr Olivier Poquillon OP
Commission of the Bishops’ Conferences of the European Union (COMECE)
Square de Meeûs, 19/1
B-1050 Brussels
Belgium

3 ta’ Jannar 2019

Għażiż Fr Poquillon,

Aħna, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, qed niktbu din l-ittra biex nuru t-tħassib serju tagħna u nitolbu għas-sapport ta’ ħutna l-isqfijiet fl-Ewropa, dwar is-sitwazzjoni ta’ 49 migranti li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma fil-Baħar Mediterran.

Ironikament, hekk kif aħna l-Kattoliċi konna qed niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa wkoll ma ngħatax kenn fit-twelid, grupp ta’ 32 migrant ġie mċaħħad milli jingħata kenn fl-Ewropa wara li ġie salvat ’il barra mil-Libja. Dawn il-persuni ilhom fuq il-baħar fuq bastiment ta’ salvataġġ għal mhux inqas minn 13-il jum, u tħallew jidħlu biss fl-ibħra territorjali Maltin ilbieraħ, l-Erbgħa 2 ta’ Jannar, biex jistkennu minn maltempata. 17-il migrant ieħor salvati minn bastiment ieħor ta’ għaqda mhux governattiva oħra ilu fuq il-baħar għal ħamest ijiem.

Wieħed jista’ biss jimmaġina t-tbatija żejda li qed iġarrbu dawn l-irġiel, nisa u tfal, li l-unika ‘tort’ tagħhom huwa li qed jaħarbu minn ambjent kiefer bit-tama għal ħajja aħjar li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u li aħna l-Kattoliċi u l-Ewropej tant nippromwovu bħala wieħed mill-valuri fundamentali tagħna.

Din is-sitwazzjoni, li issa għandha bżonn urġenti ta’ azzjoni, wasslet lilna l-Isqfijiet Maltin biex ripetutament nappellaw lill-mexxejja ta’ pajjiżna biex juru solidarjetà b’mod tanġibbli. Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha minħabba ċ-ċokon u d-densità għolja tal-popolazzjoni, Malta qed tilgħab rwol importanti fis-salvataġġ u meta hu possibli, fir-rilokazzjoni tal-migranti. Matul l-aħħar jiem, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw fuq il-baħar u niżżlu f’Malta 249 migrant li kienu fil-periklu. Il-Knisja f’Malta qed tikkopera b’mod attiv mal-Gvern Malti biex toffri akkomodazzjoni u ospitalità lil dawn il-migranti.

Aħna nifhmu li sitwazzjonijiet kumplessi bħal dawn jeħtieġu soluzzjoni Ewropea, u huwa għalhekk li qed inħeġġuk tistieden lill-Konferenzi Episkopali madwar l-Ewropa biex jieħdu azzjoni simili u jappellaw lill-mexxejja tal-pajjiżi rispettivi tagħhom. Fl-istess ħin, nistiednu lill-Kattoliċi madwar l-Ewropa biex jitolbu bil-qawwa sabiex dan il-kontinent missjunarju jgħożż il-valuri Nsara li ffurmaw l-identità tiegħu billi juri solidarjetà u jsalva lil ħutna fil-bżonn.

Fi Kristu,

Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta                                            
     President tal-Konferenza Episkopali Maltija

Mario Grech
    Isqof ta’ Għawdex

Joseph Galea-Curmi
    Isqof Awżiljarju ta’ Malta

 

Aqra l-Ittra bl-Ingliż:  bishops-letter-to-european-bishops-re-migrants.pdf