ITTRA PASTORALI
MILL-E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNA, Arċisqof ta’ Malta
L-E.T. MONS. MARIO GRECH, Isqof ta’ Għawdex
u
L-E.T. MONS. JOSEPH GALEA-CURMI,Isqof Awżiljarju ta’ Malta
FESTA TAT-TWELID AL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA
2018
NIBNU DJARNA FUQ IL-BLAT
Għeżież,
Fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-Vitorja, li aħna l-Maltin niċċelebraw it-8 ta’ Settembru, fil-festa liturġika tat-Twelid ta’ Marija Bambina nixtiequ naqsmu magħkom ftit riflessjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-housing f’pajjiżna. Qegħdin nirreferu għad-diffikultà li qed isibu wħud mill-familji tagħna, ħafna miż-żgħażagħ tagħna, u diversi barranin fostna, biex isibu dar li jistgħu jikru jew jixtru.
It-tagħlim tal-Papa Franġisku
Il-Papa Franġisku, fl-ittra enċiklika tiegħu dwar l-għożża tad-dar komuni, Laudato si’ (ippubblikata fl-2015), jitkellem dwar ekoloġija integrali u jispjega li: “L-ekoloġija tistudja r-relazzjonijiet bejn l-organiżmi ħajjin u l-ambjent li fih jikbru. Hi titlob ukoll li wieħed jieqaf jaħseb u jiddiskuti fuq il-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ għajxien ta’ soċjetà, u jkun onest biżżejjed li kapaċi jqiegħed fid-dubju mudelli ta’ żvilupp, produzzjoni u konsum. Mhux għalxejn inkomplu nisħqu fuq il-fatt li kollox hu marbut flimkien” (Laudato si’ par. 138). Fl-istess ittra enċiklika, il-Papa Franġisku jitkellem ukoll dwar il-problema tal-housing: “In-nuqqas ta’ djar li jservu ta’ saqaf hu kbir f’ħafna nħawi tad-dinja, kemm fiż-żoni rurali u kemm fl-ibliet il-kbar, anki għax l-baġits statali normalment ikopru biss parti żgħira mid-domanda. Mhux biss l-foqra, imma parti kbira mis-soċjetà tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet serji biex ikollha dar tagħha. Il-proprjetà tad-dar hi importanti ħafna għad-dinjità tal-persuna u għall-iżvilupp tal-familja. Qed nitkellmu dwar argument ċentrali tal-ekoloġija umana” (Laudato si’ par. 152).
Appell lis-soċjetà
L-ewwel appell tagħna jmur lis-soċjetà kollha Maltija. Fis-settur tal-housing għandna sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn familji u anzjani ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-għoli fil-kera u qed jiġu mkeċċija barra fit-triq; fejn żgħażagħ, ulied l-ħaddiema, ma jikkwalifikawx għas-self mill-banek għaliex il-pagi tagħhom ma jlaħħqux biex jiżguraw il-pagament ta’ kull xahar; fejn persuni li għaddejjin minn xi kriżi fil-ħajja tagħhom bħal separazzjoni, problema ta’ saħħa mentali jew vizzju, jiddependu mis-suq tal-kera għax m’għandhomx proprjetà tagħhom jew mhumiex f’housing soċjali. Dawn is-sitwazzjonijiet ġodda joħolqu tassew emerġenza soċjali li tirrikjedi u titlob soluzzjonijiet u impenn minn kulħadd, hu min hu. Allaħares, li bħala soċjetà, insiru indifferenti għal dawn is-sitwazzjonijiet drammatiċi li qed joħolqu faqar ġdid u qegħdin ixejnu t-tama f’ħafna nies, speċjalment fiż-żgħażagħ tagħna.
Appell lill-politiċi
It-tieni appell tagħna jmur lill-politiċi kollha tagħna, kemm dawk fil-Gvern u dawk fil-Parlament, u kif ukoll lil dawk fil-kunsilli lokali. Dan huwa l-mument u din hi l-kwistjoni li għandha ssibkom ilkoll magħqudin biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi u effettivi għall-mument immedjat, għaż-żmien medju u għall-futur. Ir-regolarizzazzjoni tas-suq tal-kera u l-housing sostenibbli jagħtu opportunità lil dawk il-persuni l-aktar milquta sabiex ikollhom id-dinjità ta’ saqaf fuq rashom. Ejjew naħdmu flimkien sabiex il-kwistjoni tal-housing, kemm jekk hi disponibbiltà ta’ housing soċjali u kemm jekk hi l-ippjanar u l-provvista ta’ housing affordabbli, ma tkunx ballun politiku partiġġjan li ngaraw lil xulxin. Il-kwistjoni tal-housing għandha tkun okkażjoni biex nuru li kapaċi u rridu naħdmu flimkien għall-ġid komuni.
Appell lis-sidien tal-proprjetà u lill-iżviluppaturi
It-tielet appell tagħna jmur lis-sidien tal-proprjetà u lill-iżviluppaturi. Ilkoll għandna d-dritt inħaddmu l-kapital u nużaw il-proprjetà biex jikber il-ġid. Iżda dan m’għandux isir bla rażan ta’ xejn. Bħalma l-Papa Franġisku jħeġġiġna f’Laudato si’, jeħtieġ li bħala pajjiż nirriflettu iżjed bis-serjetà fuq l-aspetti etiċi u soċjali dwar il-mudelli ta’ żvilupp, produzzjoni u konsum li qed inħaddmu f’pajjiżna. Jekk xi drabi l-liġijiet ekonomiċi huma liġijiet għomja li jaħdmu bla skruplu fuq il-kriterju ta’ demand and supply (id-domanda u l-provvista), aħna l-Insara, li għandna kuxjenza soċjali, għandna wkoll il-moħħ u l-qalb biex inrażżnu l-għoli fil-prezzijiet biex tixtri u tikri l-proprjetà skont kriterju ġust u ekwu, skont kriterju ta’ responsabbiltà u ta’ solidarjetà. X’jiswa li tkun ksibt id-dinja jekk min ser jiġġudikak fil-ġustizzja u l-verità, meta jasal il-mument tiegħek, jgħidlek: ‘Kont f’darek inħallsek b’mod ġust u int keċċejtni barra t-triq għar-rebgħa ta’ qalbek?’ X’jiswa li tħaddem il-barranin bi ftit ewro fis-siegħa u mingħajr ma tagħtihom drittijiet? X’jiswa li tkeċċi l-familji Maltin mill-kirjiet tiegħek biex iddaħħal l-eluf fix-xahar u mbagħad tkun benefattur kbir tal-parroċċa tiegħek? Taħseb li Kristu jieħu pjaċir b’offerti bħal dawn? Jew iżjed jogħġbuh il-ħniena u s-solidarjetà ma’ min jaħdem u jistinka għall-familja u ma jistax jaffordja li tgħollilu l-kera minn €400 fix-xahar għal €900?
Appell lill-inkwilini
Ir-raba’ appell tagħna jmur lill-inkwilini. Id-dover ta’ min qiegħed b’kera fil-proprjetà ta’ ħaddieħor huwa li jieħu ħsieb il-proprjetà mill-aħjar li jista’; iħallas il-kera fil-ħin; iħallas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma; u jekk ikollu jitlaq mill-post ma jagħmilx ħsara b’vendikazzjoni. Il-ġustizzja soċjali titlob ukoll li wieħed jirrikorri għall-housing soċjali meta verament għandu bżonn għajnuna soċjali urġenti mingħajr ma jtellef iċ-ċans lill-każijiet li verament għandhom bżonn. Min jabbuża mis-sistema ta’ għajnuna soċjali billi jaħbi jew iqarraq, ikun qed jisraq u jitfa’ piż inġust fuq s-sistema nazzjonali.
Appell lill-komunitajiet ekkleżjali
Il-ħames u l-aħħar appell tagħna jmur lill-komunitajiet ekkleżjali. Aħna nistednuhom biex jaħdmu id f’id mas-soċjetà ċivili biex jinstabu risposti għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u jintgħażlu u jitħaddmu policies adegwati għall-ġejjieni. Huwa ta’ faraġ tinnota li kemm parroċċi u ordnijiet reliġjużi qegħdin jużaw il-proprjetajiet disponibbli tagħhom biex joffru xelters ta’ matul il-lejl u hostels għall-istudenti, u djar għal nies fil-bżonn. Permezz tal-Kummissjoni Emigranti, il-Knisja f’Malta ilha, għal ħafna snin, toffri akkomodazzjoni lil madwar 400 minn ħutna l-migranti. Caritas Malta qiegħda tikkopera mal-Gvern Malti u mas-settur privat biex esperjenzi bħal Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores ikomplu, u jiżdiedu fin-numru skont il-ħtieġa. Fost l-għaqdiet soċjali u ta’ karità li nsibu fi ħdan il-Knisja f’Malta hemm ukoll l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem u Dar Osanna Pia li joffru akkomodazzjoni lill-persuni fil-bżonn. Huwa wkoll ta’ inkoraġġiment li lajċi Nsara qed joffru l-proprjetajiet tagħhom għal dan l-għan soċjali. Minna jeħtieġ iżda li jsir sforz akbar biex nevitaw li ninħakmu mill-kultura li tfittex il-profitt, u nkunu lesti nagħmlu għażliet anqas profittabbli biex ngħinu iktar lil min qiegħed f’diffikultà. Illum aktar minn qatt qabel il-Knisja jeħtieġ li tmexxi bl-eżempju tagħha.
Konklużjoni
Is-sitwazzjoni tal-housing f’pajjiżna titlob risposta ta’ għaqda u solidarjetà minn kulħadd, ibda minna l-Insara. Marija Bambina, li matul is-sekli dejjem daħlet għall-poplu Malti fis-sitwazzjonijiet iebsa u ta’ sfida, tinterċedi għalina biex insaħħu r-ruħ soċjali ta’ pajjiżna. B’hekk nibnu d-dar tagħna fuq il-blat samm tal-Kelma u l-eżempju tal-Mulej li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet li f’pajjiżna ma jħallu lil ħadd mingħajr kenn adegwat u dinjituż.
Nagħtukom mill-qalb il-barka pastorali tagħna.
Illum, it-3 ta’ Settembru 2018, tifkira ta’ San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur tal-Knisja.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta
English Version: pastoral-letter-september-2018.pdf
Ritratt: http://reddinghomeless.blogspot.com/2013/12/redding-coalition-for-homeless-gimmie.html