ĦATRA TA’ ARĊIPRIET GĦALL-PARROĊĊA TAŻ-ŻEBBUĠ

rev-john-sultana.jpgWara li laqa’ r-riżenja tal-Kan. Reuben Micallef mill-uffiċċju ta’ Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, iż-Żebbuġ, Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, qed jaħtar bħala Arċipriet tal-imsemmija Parroċċa lill-KANONKU ĠWANN SULTANA SThB, mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, u sakemm jieħu l-pussess kanoniku, b’effett mil-lum qed jaħtru Amministratur Parrokkjali.
***
Dun ĠWANN SULTANA twieled ix-Xagħra, Għawdex nhar is-26 ta’ Mejju 1971. Wara li temm l-istudji fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, ġie ordnat saċerdot fil-21 ta’ Ġunju 1996. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija f’Ruma, u studja fl-Università Pontifiċja Salesjana.

Sa mill-1998 kellu l-kura pastorali tal-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra. Fis-sena 2000 ġie maħtur Direttur tal-Istamperija djoċesana Gozo Press, kariga li dam jokkupa sal-2013. Ġie maħtur Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fix-Xagħra fis-sena 2000. Għallem fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof u preżentement hu għalliem fis-Seminarju Minuri ta’ Għawdex.