In-service training għall-Għalliema fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

in-service-training-2018-gozo-church-schools.jpg

Mons. Isqof Mario Grech ikellem lill-Għalliema tal-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

“Biex il-modernità terġa tiġi ċivilizzata, il-bniedem għandu bżonn ir-reliġjon: meta r-reliġjon hija tradotta poltikament f’lingwaġġ lajk, hija tgħin lis-soċjetà Ewropeja tħares ir-riżorsi morali tagħha”.  Mhux xi ħassieb Kattoliku li qed jinsisti dan, imma Jurgen Habermas, wieħed mill-aktar filosfi influwenti kontemporanji, u li hu wkoll jinzerta li hu ateju.

Kien dan id-diskors li beda bih Mons Isqof meta llum ta bidu għal tlett ijiem in-service training għall-edukaturi tal-primarja Għawdxin fl-iskejjel tal-knisja. Mons. Isqof saħaq fuq il-fatt li kull edukatur huwa edukatur tar-reliġjon, mhux ir-reliġjon tal-istejjer, imma r-reliġjon tal-valuri li kull edukatur Nisrani hu mistenni li jħaddan u jgħix bħala xhieda għall-oħrajn. L-edukatur Nisrani mhux biss dak li huwa espert fis-suġġett partikulari tiegħu, imma li dak is-suġġett jgħallmu b’imħabba, u qabel dan iħobb anke lill-istudent, u jifhem minn fejn dan ikun ġej, bil-problemi u sfidi kollha li kull student iġib miegħu.

Bħal ħafna okkażjonijiet oħra, Mons. Isqof saħaq fuq il-bżonn fejn l-iskejjel tal-Knisja jkunu dak il-post fejn kull min imiss magħhom, ġenituri, tfal u edukaturi, jiltaqa mat-traxxendent. Għan-Nisrani din il-laqgħa sseħħ fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Fi kliem l-Isqof, hija ħasra li llum il-bniedem mhux konxju li l-ispirtu tiegħu jista jogħla l fuq u hekk joħroġ mit-tajn tal-ħajja. Kull skola għandha tkun dak il-post fejn din il-laqgħa ssir fattwali u possibbli aktar minn postijiet oħra.

Matul dawn it-tlett ijiem, l-għalliema se jirċievu taħriġ dwar x’ifisser tkun edukatur fi skola tal-Knisja; jifhmu aktar l-importanza tas-safeguarding; u kemm il-Knisja għandha għal qalbha l-istudenti; waqt li l-aħħar jum se jkun iddedikat għall-aħħar żviluppi fil-litteriżmu.