Iċċelebrati l-Kwaranturi Mqaddsa fil-Belt Victoria

Omelija fl-Għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-Belt Victoria
Il-Ħadd 6 ta’ Mejju 2018, is-Sitt Ħadd tal-Għid
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-EWKARISTIJA ĦOBŻ TAL-ĦAJJIN

31950225_10157433726584358_2947947895640293376_n.jpg

Meta nħares lejn is-soċjetà ta’ madwarna, ma nistax ma nħossx ma’ dawk il-persuni li tant huma mtaqqlin bit-tħassib u l-problemi tal-ħajja, li nsew meta tbissmu l-aħħar! Uħud (individwi, koppji u familji) huma konfużi għax ma jarawx soluzzjoni għall-isfidi eżistenzjali li għandhom; oħrajn jinsabu mħawda sew, għax għalkemm is-suq jidher li qed joffri s-soluzzjoni għad-dilemma li għandhom, mhumiex ċerti x’għażla għandhom jagħmlu! Oħrajn għandhom qalbhom tqila u moħħhom imdallam, għax ma jistgħux jegħlbu s-sens ta’ ħtija jew falliment. Imbagħad hemm oħrajn li qegħdin il-ħin kollu jissieltu mad-dubji tal-fidi u l-kunflitti wegħrin tal-kuxjenza!

Lil dawn kollha llum intennilhom dak li Ġesù jgħid lill-Appostli: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”.

Ġesù lissen dan il-kliem għax kien jaf lil min kellu miġbura madwar il-mejda tal-Aħħar Ikla: kellu lid-dixxipli li xejn ma kienu differenti minna li llejla ngħaqadna madwar din il-mejda tal-Ewkaristija. Ġesù kien jaf li madwaru kellu persuni dgħajfin, imperfetti, kollha difetti. Ġesù kien konxju li fost dawk it-tnax, kien hemm Ġuda li kien għaddej minn tensjoni kbira għax kien ser jittradih; kien hemm Pietru li tant kien instabbli li jiċħdu tliet darbiet; kien hemm dawk li xħin wasal l-iebes, lanqas felħu jishru siegħa waħda miegħu. Ġesù kien jaf li għalkemm kemm-il darba fetaħ qalbu magħhom u fdahom, ħafna minnhom kienu tant immaturi li ma kinux konvinti mill-veritajiet li għaddielhom! Ġesù kien jaf li madwaru kellu persuni li ma emmnux fih verament!

Proprju għax kien jaf kemm kienet profonda l-miżerja ta’ dawn l-irġiel, Ġesù ma jitlaqhomx għal riħom, ma jitkażax bihom u anqas jikkundannahom, imma jipprova jqawwilhom qalbhom u jgħidilhom: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”. Għax l-imħabba tiegħu tfejjaq, tfarraġ, tħeġġeġ u tagħti s-saħħa!

Ġesù ma jħobbhomx għax huma bravi, imma jħobbhom fiċ-ċkunija tagħhom għax jaf li l-imħabba tiegħu tgħinhom jikbru u jirbħu t-toqol li kien jifgahom! Ġesù ma jħobbhomx għax kienu għaġna tajba, imma proprju għax kienu dqiq maqtugħ, imma bil-ħmira ta’ mħabbtu anki d-dqiq maqtugħ jitla’ u jisbieħ. Għax iħobb, Ġesù ma jarmi lil ħadd, lanqas id-dqiq maqtugħ!

Matul dawn it-tlitt ijiem tal-Kwaranturi Mqaddsa f’beltna, diversi drabi smajt il-leħen ħlejju tal-qniepen isejħulna biex ninġabru madwar Ġesù Ewkaristija. L-Ewkaristija hija l-aqwa espressjoni tal-imħabba ta’ Ġesù għalina. Meta waqqaf l-Ewkaristija, Ġesù wriena kemm tassew iħobbna. Għalhekk, meta qed jgħidilna: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”, inħossu qed isejħilna biex ma nibqgħux lura milli nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Hija ħasra li ħafna jibqgħu lura milli jersqu għall-Ewkaristija għax jaħsbu li ma humiex denji! Min huwa denn? L-Ewkaristija hija l-ħobż tal-ħajjin u mhux il-ħobż ta’ dawk li huma puri; u ladarba hija ħobż tal-ħajjin, hija l-ħobż ta’ dawk li, proprju għax huma ħajjin, għandhom subgħajhom ta’ riġlejhom imtajrin u kollha ġerħat peress li t-triq tal-ħajja kollha stoffi!

San Tumas ta’ Aquino, fl-innu Panis angelicus, jikteb li l-Ewkaristija hija l-ikel tal-fqir, tal-qaddej u tal-umli (“Manducat Dominum pauper, servus et humilis”). Meta t-trab u l-ħmieġ tad-dinja jaqbdu mal-bniedem li huwa maħluq fuq xbieha ta’ Alla, il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù huma l-ikel li l-bniedem jeħtieġ biex jista’ jqum u jkompli miexi.

Santu Wistin jgħid li darba sema’ lill-Mulej jgħidlu: “Jien il-ħobż tal-qawwija. Kul minni. Imma mhux int li tibdilni fik, kif tagħmel meta tiekol ikel normali, imma inti tinbidel fija”. Joseph Ratzinger jikkummenta hekk dwar dan il-passaġġ: dan ifisser li meta nieklu l-ikel normali, il-bniedem huwa aktar b’saħħtu mill-ikel; mentri fl-Ewkaristija huwa l-ħobż, Ġesù, li huwa aqwa mill-bniedem, u għalhekk l-Ewkaristija tgħinna ninqalgħu minn dawk is-sitwazzjonijiet li nkunu waqajna fihom!

Sant’Ambroġ jikteb: “Għandi nirċievi s-sagrament tal-Ewkaristija dejjem, biex dejjem jaħfirli dnubieti. Jien nidneb il-ħin kollu, dejjem għandi nsib rimedju”.

Il-Papa Pawlu VI fil-Missal Ruman jafferma li bis-saħħa tat-tqarbin aħna nirċievu l-indulġenza u l-maħfra tan-nuqqasijiet tagħna li huma “errores, vitia, peccata, crimina, vincula”.

Il-Kardinal Ratzinger jikteb: “It-tqarbin mhux premju għal min qed jgħix ħajja ta’ virtù, imma huwa l-ħobż tal-pellegrin li Alla jibgħat f’din id-dinja – dak l-ikel li Alla jpoġġi fid-dgħufija tagħna”.

Il-Papa Franġisku f’Il-ferħ tal-Vanġelu jgħidilna: “L-Ewkaristija, anki jekk hi l-milja tal-ħajja sagramentali, mhix xi premju tal-perfetti biss, imma hi duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin… Il-Knisja mhix dwana, hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” (47).

U fl-omelija fil-Festa tal-Corpus Domini f’Ruma fl-2015, il-Papa Franġisku jgħallimna li “l-Ewkaristija mhix premju għat-tajbin, imma l-qawwa tad-dgħajfin, tal-midinbin. Hija l-maħfra, il-vjatku li jgħinna nibqgħu għaddejjin”.

Għalhekk illum, festa tal-Ewkaristija, inħeġġiġkom ilkoll biex, minkejja l-iebes tal-ħajja, tfittxu li tibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù anki billi tikbru fl-għożża tal-Ewkaristija. Dan l-appell ta’ Ġesù importanti ntennuh lil xulxin meta ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jaħbtu jaqtgħulna qalbna. Ma nersqux għall-Ewkaristija għax aħna “safja”, imma proprju għax aħna dak li aħna li għandna nfittxu li nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù. Nagħmlu x’nagħmlu, aħna dejjem nibqgħu midinbin, imma d-demm ta’ Ġesù jeħlisna minn dnubietna u mit-taħsir. Il-grazzja ta’ Ġesù fl-Ewkaristija għandha l-qawwa li tgħinna ninbidlu u nimmaturaw fil-fidi. Ma nitqarbnux għax nemmnu, imma nitqarbnu biex nemmnu. L-Ewkaristija hija għal dawk li għadhom iterrqu, anki jekk izappu, u mhux għal dawk li diġà waslu. Għax kif jgħidilna Ġesù, it-tabib huwa għall-morda u mhux għal dawk li huma b’saħħithom.
Ritratt: Anthony Grech