Omelija fil-Festa liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
It-Tnejn 23 ta’ April 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
MINGĦAJR MARTRI M’HEMMX KNISJA
“Gaudete et exsultate – ‘Ifirħu u thennew’, jgħid Ġesù lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati minħabba f’ismu” (GE, 1). Dawn huma l-ewwel kelmiet tal-Eżortazzjoni appostolika li l-Papa Franġisku tana xahar ilu!
“Ifraħ u tenna” jgħid Ġesù lill-Patrun tagħna San Ġorġ Martri, illum fis-Solennità tal-Festa tiegħu.
“Ifirħu thennew” itenni llum lil dawk fostna li huma mgħajra, ikkalunnjati, issuttati, imżebilħa u mwarrba sempliċiment għax huma konvinti li dak li jgħid il-Vanġelu jeħlisna mill-jasar u jwassalna biex nagħrfu d-dinjità umana tagħna – għax jgħollu leħinhom biex il-verità tal-Vanġelu dwar il-bniedem tiġi mħarsa! “Il-Mulej jitlobna kollox, u dak li joffrilna hu l-ħajja vera, il-ferħ li għalih ġejna maħluqin. Hu jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, ikonsistenti” (GE, 1).
Il-Papa Franġisku jfakkarna li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud isemmi bosta xhieda li jagħmlulna l-qalb biex “nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna” (12:1). Huwa jsemmi lil Abraham, Sara, Mosè, Gidgħon u oħrajn (ara 11:1-12:3). “Aħna mistednin nagħrfu li ‘għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda’ (12:1) li jixprunawna biex ma niqfux f’nofs ta’ triq, iħeġġuna nissoktaw mexjin lejn id-destinazzjoni” (GE, 3).
Jilma fost dawk li “jixprunawna biex ma niqfux fin-nofs u jħeġġuna nissoktaw mexjin lejn id-destinazzjoni”, hemm il-Qaddis ta’ Lidda li ħa l-martirju għax-xhieda tiegħu fil-Kappadoċja. Quddiem it-theddida ta’ Djoklezjanu li kien qed joħloq diżordni soċjali sħiħ, it-Tribun, iben Ġeronzju u Polikronja, għolla leħnu favur is-sewwa. Imma billi kliemu kien skomdu għax niggeż il-kuxjenzi, “Ġorġi tagħna” ngħata l-martirju.
B’ċertezza ngħoddu lil San Ġorġ ma’ dawk il-martri li jsemmi l-awtur tal-Apokalissi meta jgħid: “Rajt taħt l-altar l-erwieħ ta’ dawk li kienu qatluhom minħabba l-Kelma ta’ Alla, u minħabba x-xhieda li kienu taw; u għollew leħenhom u qalu: ‘Sid Qaddis u Veru, kemm se ddum ma tagħmel ħaqq u titħallas ta’ demmna minn dawk li jgħammru fl-art?’” (6:9-1). Nistgħu ngħidu li aħna “mseħbin, immexxija u ggwidati mill-ħbieb ta’ Alla. […] M’għandix għalfejn inġorr waħdi dak li, fil-verità, qatt ma stajt inġorr waħdi. Il-qaddisin kollha ta’ Alla qegħdin hemm iħarsuni, jgħinuni u jerfgħuni” (GE, 4).
Għalhekk il-Papa jgħidilna biex “inħallu jħeġġuna s-sinjali ta’ qdusija li l-Mulej iqegħdilna quddiemna fl-iżjed membri ċkejkna ta’ dak il-poplu li għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta’ Kristu meta jxandar ix-xhieda ħajja tiegħu, l-aktar billi jgħix tassew il-fidi u l-karità” (GE 1) – inħallu jħeġġuna s-sinjali ta’ qdusija li l-Mulej qed iqegħdilna quddiemna fil-persuna ta’ San Ġorġ. “Ejja naħsbu, kif tissuġġerilna Santa Tereża Benedetta tas-Salib, li permezz ta’ ħafna minnhom qed tinbena l-istorja vera: ‘Fl-iktar lejl mudlam iqumu l-ikbar profeti u qaddisin. Madankollu, il-kurrent tal-ħajja mistika li tagħti l-ħajja jibqa’ moħbi. Bla dubju, il-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tad-dinja ġew essenzjalment influwenzati minn erwieħ li dwarhom xejn ma jingħad fil-kotba tal-istorja’. U liema huma l-erwieħ li għad irridu nirringrazzjaw għall-ġrajjiet deċiżivi tal-ħajja personali tagħna, hi ħaġa li għad insiru nafu biss dakinhar li dak kollu li hu moħbi għad jinkixef” (GE, 8).
Huma l-martri li jagħmlu l-Knisja. Mingħajr il-martri, il-Knisja mhix Knisja! Dan jgħodd ukoll għall-Knisja lokali. Il-martri huma dawk li “ġejjin mit-taqbid il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apok 7:14). Huma kellhom il-grazzja li jieħdu l-mewt għaliex stqarrew quddiem kulħadd li huma ta’ Ġesù u li jemmnu fil-kelma tiegħu. Il-martri huma dawk li biex ma jiċħdux lil Ġesù, laqgħu s-salib li għabbiehom ħaddieħor.
Il-kawża ta’ kull persekuzzjoni hija l-mibegħda. Ġesù nnifsu jgħidilna li d-dinja tobgħodna għax kellha mibegħda lejh u lejn il-Vanġelu tiegħu! Ġesù, li kien jogħxa jitkellem fuq l-imħabba, ifakkarna wkoll kemm tista’ tkun qalila u qattiela l-mibegħda. Kieku San Ġorġ kellu jbexxaq fommu u jitkellem, huwa jgħidilna x’bata minħabba l-mibegħda li Djoklezjanu u sħabu kellhom għalih, għall-Knisja u għal Kristu!
Aħna nistgħu nħarsu lejn San Ġorġ bħala t-tribun eroj; imma jekk nilbsu n-nuċċali tal-fidi, f’San Ġorġ naraw “bniedem imżejjen bil-grazzja ta’ Alla”, għax hija l-grazzja u mhux il-kuraġġ li tagħmel il-martri.
Għalhekk, jekk tistaqsuni x’inhu dak li teħtieġ il-Knisja llum, ngħidilkom li l-Knisja teħtieġ Insara qaddisa! B’din l-Eżortazzjoni li semmejtilkom aktar ’il fuq, il-Papa Franġisku jfakkarna fis-sejħa għall-qdusija li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, dik is-sejħa li qed jagħmel lilek ukoll: “‘Għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis’ (Lev 11:44; 1 Piet 1:16). Il-Konċilju Vatikan II xeħet dawl fuq dan b’ċerta qawwa: ‘Mogħnija lkoll b’tant mezzi u b’mezzi daqshekk kbar ta’ salvazzjoni, il-fidili, ikunu xi jkunu l-istat u l-kundizzjoni ta’ ħajjithom, jissejħu mill-Mulej, kull wieħed minnhom fit-triq tiegħu, għall-perfezzjoni tal-qdusija li biha l-Missier innifsu huwa perfett’” (GE, 10).
Ġustament il-Missier tagħna l-Papa jgħid li “ħafna drabi naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu. Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja. Taħdem? Tqaddes billi twettaq b’onestà u kompetenza l-ħidma tiegħek b’servizz għal ħutek. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Tqaddes billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Qiegħed fl-awtorità? Tqaddes billi titqabad b’riżq il-ġid komuni u tagħti dahrek lill-interessi personali” (GE, 14).
Bħalma għamel San Ġorġ, “int agħmel li kollox f’ħajtek ikun miftuħ għal Alla u għalhekk agħżel lilu, agħżel dejjem mill-ġdid lil Alla. Taqtax qalbek, għax int għandek il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex dan jagħmlu possibbli, u l-qdusija, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-frott tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tiegħek (ara Gal 5:22-23). Meta tħoss it-tentazzjoni li tingħalaq fid-dgħufija tiegħek, erfa’ ħarstek lejn il-Kurċifiss u għidlu: ‘Mulej, jiena msejken, imma int tista’ twettaq il-miraklu li tagħmilni xi ftit aħjar’. Fil-Knisja, qaddisa u magħmula mill-midinbin, sa ssib dak kollu li teħtieġ biex tikber lejn il-qdusija. Il-Mulej għanieha bid-doni tal-Kelma, tas-Sagramenti, is-santwarji, il-ħajja tal-komunitajiet, ix-xhieda tal-qaddisin, u ġmiel ta’ kull bixra ħiereġ mill-imħabba tiegħu, ‘bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha’ (Iż 61:10)” (GE, 15).
Din il-qdusija ma tikbirx b’ġesti straordinarji, imma b’ġesti żgħar. Il-Papa jagħtina dan l-eżempju sempliċi meħud mill-ħajja ordinarja: meta “waħda mara tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja tagħha, tiltaqa’ ma’ ġara tagħha u jibdew ipaċpċu, u jibdew izekzku u jikkritikaw. Imma din il-mara tgħid bejnha u bejn ruħha: ‘Le, mhux sa ngħid xejn ħażin fuq ħadd’. Dan hu pass lejn il-qdusija. Imbagħad, id-dar, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, imqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. Araw offerta oħra li tqaddes. Imbagħad jiġiha mument ta’ diqa, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju u tibda titlob bil-fidi. Din hi triq oħra ta’ qdusija. Wara, toħroġ fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tieqaf titkellem miegħu bi ħlewwa u tjieba. Anki dan hu pass ’il quddiem” (GE, 16).
San Ġorġ illum qed jgħidilna biex ma nibżgħux mill-qdusija. “Il-qdusija mhix ħa teħodlok saħħa, ħajja u ferħ” (GE, 32). Kull Nisrani, skont kemm jitqaddes, jagħmel iżjed frott fid-dinja (ara GE, 33). Il-qaddis protettur tagħna San Ġorġ ma sarx qaddis għax għamel ħafna tajjeb; imma għamel it-tajjeb għax kien qaddis – għax ħabrek biex jilqa’ l-grazzja ta’ Alla. San Ġorġ ma sarx qaddis għax ingħata l-martirju, imma wera l-qawwa quddiem dawk li tawh il-martirju għax kien qaddis.
Nagħlaq b’appell imqanqal li jagħmel il-Papa Franġisku: “Tibżgħux timmiraw iżjed fil-għoli, li tħallu lil Alla jħobbkom u jeħliskom. Tibżgħux tħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom. Il-qdusija ma tagħmlekx inqas bniedem milli int, għax hi l-laqgħa tad-dgħufija tiegħek mal-qawwa tal-grazzja. Fl-aħħar mill-aħħar… fil-ħajja ‘m’hemmx ħlief niket wieħed, […] dak li ma nkunux qaddisin’” (GE, 34).