- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Messaġġ tal-Papa għal Jum il-Vokazzjonijiet 2018

Posted By admin On April 20, 2018 @ 10:46 am In Press Releases | Comments Disabled

vocations_word_cloud.pngMessaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku
għall-55 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet
Smigħ, Dixxerniment, Għixien tas-sejħa tal-Mulej

Għeżież ħuti,

F’Ottubru li ġej ser issir il-XV l-Assembea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li ser tkun iddedikata għaż-żgħażagħ, speċjalment għar-relazzjoni bejn żgħażagħ, fidi u vokazzjoni. F’dik l-okkażjoni ser ikollna ċ-ċans nidħlu aktar fil-fond dwar kif fiċ-ċentru ta’ ħajjitna hemm is-sejħa għall-ferħ li Alla jagħmlilna u kif dan hu “l-pjan t’Alla għall-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien”. (Sinodu tal-Isqfijiet, XV Assemblea Ġenerali Ordinarja, Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, Introduzzjoni).   

Il-55 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet  qed jerġa’ jagħtina  b’qawwa aħbar tajba:  aħna m’aħniex fid-dinja b’kumbinazzjoni u lanqas m’aħna traxxinati minn sensiela ta’ ġrajjiet diżordinati, iżda għall-kuntrarju, ħajjitna u l-preżenza tagħna fid-dinja huma frott ta’ vokazzjoni divina!

Anki fiż-żmenijiet ta’ inkwiet li qed ngħixu fihom illum, il-Misteru tal-Inkarnazzjoni jfakkarna li Alla dejjem jibqa’ jiġi jiltaqa’ magħna. Hu Alla-magħna, li jimxi magħna fit-toroq  ta’ ħajjitna, li xi drabi jkunu mimlija trab. U għax jaf kemm aħna mxennqa għall-imħabba u l-hena, hu jsejħilna għall-ferħ. Fid-diversità u l-ispeċifiċità ta’ kull vokazzjoni, personali u ekkleżjali, hemm bżonn li nisimgħu, niddixxernu u ngħixu din il-Kelma li ssejħilna mill-għoli. U waqt li tippermettilna nużaw it-talenti tagħna, tagħmilna wkoll għodda għas-salvazzjoni tad-dinja u torjentana lejn il-milja tal-hena.

Dawn it-tliet  aspetti – smigħ, dixxerniment u ħajja – insibuhom ukoll meta Ġesù beda l-missjoni tiegħu.  Wara ġranet ta’ talb u taqbida fid-deżert, hu mar fis-sinagoga u hemm sama’ l-Kelma, iddixxerna dwar il-kontenut tal-missjoni li l-Missier  fdalu f’idejh u ħabbar li kien ġie biex iwettaqha “llum” (ara Lq 4, 16-21).

Smigħ

Is-sejħa tal-Mulej – tajjeb  ngħiduha mill-ewwel – mhijiex daqshekk ċara  bħalma huma ħafna affarijiet oħra li nistgħu nisimgħu, naraw jew immissu fl-esperjenza ta’ kuljum. Alla jiġi b’mod silenzjuż u diskret, bla ma jimponi fuq il-libertà  tagħna. U allura jista’ jiġri li l-inkwiet u tħassib li jimla moħħna u qalbna joħonqu leħnu.

Għalhekk, jeħtieġ inkunu lesti biex nisimgħu sew il-Kelma tiegħu u dwar ħajtu, li nkunu attenti għad-dettalji tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, li nitgħallmu naqraw il-ġrajjiet bl-għajnejn tal-fidi u nżommu ruħna miftuħin għas-sorpriżi tal-Ispirtu.

Ma nistgħux niskopru s-sejħa speċjali u personali li Alla ħaseb għalina jekk nibqgħu magħluqin fina nfusna, fid-drawwiet tagħna u fl-apatija ta’ min jaħli  ħajtu fiċ-ċirku magħluq tiegħu nnifsu, u hekk jitlef iċ-ċans li joħlom bil-kbir u jsir protagonista f’dik l-istorja unika u oriġinali  li Alla jrid jikteb flimkien magħna.

Anki Ġesù kien imsejjaħ u mibgħut; għalhekk kellu bżonn li jkun fil-ġabra u s-skiet. Sama’ u qara l-Kelma fis-Sinagoga, u rrivela t-tifsira tagħha bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, waqt li rrifera għall-persuna tiegħu stess u għall-istorja tal-poplu ta’ Israel.

Illum, din l-attitudni qed issir dejjem aktar diffiċli għax ninsabu mgħaddsa  f’soċjetà mimlija storbju u f’ferneżija  ta’ sforzi kbar  u informazzjoni li jimlew il-ġurnata tagħna. L-istorbju ta’ barra, li xi drabi jaħkem l-ibliet tagħna u l-inħawi  fejn ngħixu, spiss iġib miegħu tixrid u taħwid ġewwa fina. Dan ma jħallinix  niefqu biex niggustaw il-kontemplazzjoni, nirriflettu b’ mod seren fuq il-grajjiet ta’ ħajjitna, naħdmu b’fiduċja fil-pjan li Alla ħaseb għalina u nwettqu dixxerniment li jagħti l-frott.

Iżda, kif nafu, is-Saltna t’Alla tiġi bla ma tagħmel ħoss u ma tagħtix fil-għajn (ara Lq 17, 21),  u ż-żerriegħa tagħha nkunu nistgħu nilqgħuha biss meta, bħall-profeta Elija, inkunu nafu nidħlu fil-fond tar-ruħ tagħna u nħalluha tinfetaħ għaż-żiffa ħelwa divina li bil-kemm tinħass. (ara 1Slat 19, 11-13)

Dixxerniment

Filwaqt li kien fis-sinagoga ta’ Nażaret u qara s-silta mill-profeta Isaija, Ġesù ddixxerna l-kontenut tal-missjoni  li kien mibgħut biex iwettaq u ppreżentah lil dawk li kienu qed jistennew il-Messija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin, u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4,18-19).

Bl-istess mod, kull wieħed minna jista’ jiskopri l-vokazzjoni tiegħu biss permezz ta’ dixxerniment spiritwali, “proċess li bih il-persuna, filwaqt li tidħol fi djalogu mal-Mulej u tisma’ l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu, tasal biex twettaq l-għażliet fundamentali, ibda minn dik tal-istat ta’ ħajjitha” ((Sinodu tal-Isqfijiet, XV Assemblea Ġenerali Ordinarja, Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, II,2).

Niskopru, b’mod partikulari, li s-sejħa nisranija dejjem għandha dimensjoni profetika. L-Iskrittura turina li l-profeti kienu mibgħuta għand il-poplu meta dan kien f’sitwazzjonijiet ta’ prekarjetà materjali kbira u fi kriżijiet spiritwali u morali,  biex f’isem Alla jwasslulu kliem ta’ konverżjoni, tama u faraġ. Bħal riħ li jtajjar it-trab, il-profeta jiddisturba t-trankwillità falza tal-kuxjenza li nsiet il-Kelma tal-Mulej, jiddixxerni l-ġrajjiet fid-dawl tal-wegħda t’Alla u jgħin lill-poplu jara s-sinjali ta’ żerniq fid-dlam tal-istorja.

Illum ukoll għandna bżonn tad-dixxerniment u tal-profezija. Irridu negħlbu t-tentazzjonijiet tal-ideoloġija u tal-fataliżmu u bir-rabta mal-Mulej, niskopru l-postijiet, l-għodda u s-sitwazzjonijiet li permezz tagħhom Hu qed isejħilna. Kull nisrani għandu jikber fil-kapaċità li “jaqra” l-ħajja u jagħraf fejn u għalxiex il-Mulej qed isejjaħlu biex ikompli l-missjoni tiegħu.

Għixien

Fl-aħħar, Ġesù ħabbar in-novità tas-siegħa preżenti, li mliet lil ħafna b’entużjażmu u webbset il-qalb ta’ oħrajn: il-milja taż-żmien kienet waslet u Hu kien il-Messija mħabbar minn Isaija, il-midluk biex jagħti l-ħelsien lill-imjassrin, id-dawl lill-għomja u jxandar l-imħabba ħanina t’Alla lil kull kreatura. Ġesù saħaq: “Din il-Kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4,20).

Il-ferħ tal-Evanġelju, li jiftħilna l-bieb għal-laqgħa ma’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin, ma jistax joqgħod jistenna d-dewmien u l-għażż tagħna; ma nħossuhx jekk nibqgħu nittawlu mit-tieqa bl-iskuża li qed nistennew żmien propiżju; u lanqas ma jseħħ fina jekk illum stess ma nieħdux ir-riskju ta’ għażla. Is-sejħa hi llum! Il-missjoni nisranija hi għall-preżent! U kull wieħed minna hu msejjaħ – għall-ħajja lajkali fiż-żwieġ,  għal dik saċerdotali fil-ministeru ordnat, jew għal dik ta’ konsagrazzjoni speċjali -  biex ikun xhieda tal-Mulej, hawnhekk u issa.

Din “illum” li qal Ġesù tiżgurana li Alla jkompli “jinżel” biex isalva din l-umanità tagħna u jseħibna fil-missjoni tiegħu. Il-Mulej għadu jsejjaħ biex ngħixu miegħU, biex nimxu warajH f’rabta ta’ qrubija speċjali, biex naqdu lilU direttament. U jekk iwassalna biex nifhmu li qed isejħilna biex nikkonsagraw ruħna totalment għas-Saltna tiegħu, m’għandniex għax nibżgħu! Hi ħaġa sabiħa – u grazzja kbira – li wieħed jikkonsagra ruħu lil Alla u għall-qadi ta’ ħutu l-bndemin b’mod sħiħ u għal dejjem.

Jalla Maria Santissima, it-tfajla tal-periferija, li semgħet, laqgħet u għexet il-Kelma t’Alla li ħadet il-ġisem, tħarisna u tkun magħna dejjem fil-mixja tagħna.

Mill-Vatikan, 3 ta’ Diċembru 2017

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Franġisku

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard

Ħajr: Laikos.org


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2018/04/20/messagg-tal-papa-ghal-jum-il-vokazzjonijiet-2018/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.