Archive for January, 2018
Aqra d-Digriet tat-Twaqqif: digriet-twaqqif-centru-arti-liturgika-eikon.pdf
Skejjel tal-Knisja f’Għawdex
Applikazzjonijiet għad-Dħul fil-Kinder 1
għas-sena skolastika 2018-2019
Il-ġenituri/tuturi legali li jixtiequ jdaħħlu lit-tfal tagħhom fil-Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2018-2019 huma mitluba jiġbru applikazzjoni mill-Kurja tal-Isqof bejn it-8 u d-19 ta’ Jannar 2018. Il-Kurja tkun miftuħa kuljum (minbarra l-Ħamis), bejn id-8.30am u nofsinhar. Biex japplikaw, it-tfal iridu jkunu twieldu matul is-sena 2015.
L-applikazzjonijiet, mimlija sewwa u bid-dokumenti meħtieġa, iridu jaslu fl-istess uffiċċju l-Kurja sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 19 ta’ Jannar 2017. Applikazzjonijiet li jidħlu tard, jitqiegħdu fl-aħħar nett wara li jsiru l-poloz.
Il-ġenituri/tuturi legali huma mitluba jaqraw tajjeb ir-regolamenti tad-dħul.
Niżżel kopja tar-Regolamenti bil-Malti: kinder-1-applikazzjoni-2017-2018-malti.pdf
Download copy of Regulations in English:kinder-1-applikazzjoni-2018-2019-english.pdf
Il-Lumen Christi Publications, id-Dar Pubblikatriċi tad-Djoċesi ta’ Għawdex, għadha kemm ħarġet il-ktieb Mario Grech. Ittri pastorali 2006-2017, volum li jiġbor 46 Ittra Pastorali li l-Isqof ta’ Għawdex – waħdu jew flimkien mal-Isqfijiet Maltin – kiteb lill-Poplu ta’ Alla fuq medda ta’ 12-il sena.
Fost dawn hemm l-Ittri Pastorali li l-Isqfijiet joħorġu flimkien kull sena għaż-żmien tar-Randan u għall-Festa ta’ Santa Marija, imma wkoll oħrajn miktuba għal okkażjonijiet apposta, bħalma kienu ż-żjara f’Malta tal-Papa Benedittu XVI, il-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, kif ukoll qabel l-elezzjonijiet ġenerali jew id-dħul ta’ liġi importanti f’Malta.
L-Ittri jirriflettu l-attenzjoni u l-imħabba ta’ omm li għandha l-Knisja għas-soċjetà Maltija, u għalhekk it-temi tagħhom ma humiex biss ta’ natura teoloġika jew reliġjuża, imma anki soċjali. Dawn ivarjaw mill-vizzji li bihom mifnija s-soċjetà, bħad-droga, l-alkoħol u l-vjolenza domestika, għal oħrajn attwalissmi bħas-sesswalità u l-għaqda tal-familja. Continue reading >>
L-Isqof Mons. Mario Grech, f’ismu u f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex, jesprimi s-sogħba għat-telfa tal-E.T. Mons. Emanuel Barbara OFMCAP, Isqof ta’ Malindi, il-Kenja. Permezz tiegħu, kien hemm rabta mill-qrib bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex u dik ta’ Malindi – mhux biss għax meta kien ikun hawn Malta, l-Isqof Barbara kien jirċievi donazzjonijiet għall-Knisja tiegħu, imma wkoll għax ftit snin ilu, saċerdot mid-Djoċesi ta’ Għawdex, il-Kan. Mario Cassar mill-Parroċċa tan-Nadur, mar mal-Isqof Barbara u qed iwettaq ħidma pastorali fid-Djoċesi ta’ Malindi. L-Isqof Grech jagħti l-kondoljanzi lil oħt l-Isqof Barbara u lill-Fraternità tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin.
Aqra l-Komunikat tal-Arċidjoċesi ta’ Malta: 03-komunikat.pdf
Aqra l-Profil tal-Arċisqof Barbara: profil-mons-emanuel-barbara-ofmcap-malti.pdf
F’ismu u f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Mons. Mario Grech jixtieq jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-Isqof Adeodato Micallef ocd, Vigarju Appostoliku Emeritu tal-Kuwajt, li miet ilbieraħ (3 ta’ Jannar 2018) fl-għomor ta’ 89 sena, kif ukoll lill-Ordni tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi li minnu kien jagħmel parti. Mons. Grech kien għamel żjara lill-Isqof Adeodato meta dan l-aħħar kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Micallef kien wieħed mill-isqfijiet konċelebranti meta l-Isqof Grech kien ikkonsagrat Isqof fil-Katidral ta’ Għawdex f’Jannar 2006.
Aqra l-Komunikat tal-Arċidjoċesi ta’ Malta: 01-komunikat.pdf
Tagħrif dwar il-Funeral tal-Arċisqof Micallef: 04-funeral-tal-isqof-adeodato-micallef.pdf
Omelija b’messaġġ lill-Knisja fil-bidu tas-Sena l-ġdida 2018
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
It-Tnejn 1 ta’ Jannar 2018, Solennità ta’ Marija Omm Alla
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
IMXENNQA GĦAL ALLA
Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna ħafna għandhom ħalqhom fix-xgħir. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Jien nawgura li dan il-ġid ikompli joktor u jinfirex, għax nixtieq nara lil kulħadd kuntent. Imma biżżejjed il-ġid materjali biex jiżguralna l-kuntentizza? Ma nkun nagħmel ebda skoperta jekk ngħid li hawn min, għalkemm ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, għandu dejjem subgħajh f’rasu għax ma jafx x’għandu jagħmel biex ikollu l-paċi f’qalbu! Għax kif jgħid Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.
Jien konvint li daqskemm f’moħħna jitqanqlu mistoqsijiet dwar x’ser nagħmlu biex fl-aħħar tal-ġurnata jkollna l-kartieri mimlija, daqstant ieħor ikun itektek b’mistoqsijiet dwar Alla. Niżgurakom li dan jgħodd anki għal min jiddikjara li huwa atew. Fil-fatt, mhux bilfors wieħed ikun jaħseb b’mod espliċitu dwar Alla! Kif jikteb filosfu modern, André Comte-Sponville, “il-bniedem jista’ jgħaddi mingħajr reliġjon imma mhux mingħajr il-komunjoni mal-oħrajn, il-fedeltà u l-imħabba”. Għax il-bniedem li jixxennaq biex jgħix ħajja bis-sens, indirettament qed jixxennaq għal Alla; min joħlom li madwarna jkun hawn dinja aħjar, dan qed joħlom dwar Alla! Continue reading >>