- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Ittri Pastorali tal-Isqof Mario Grech midmumin fi ktieb

Posted By admin On December 8, 2017 @ 10:39 am In Press Releases | Comments Disabled

ktieb-isqof-ittra-pastorali.jpgDaħla (għall-ktieb)

F’din il-ġabra ta’ Ittri Pastorali tal-Isqof Mario Grech matul il-medda ta’ dawn l-aħħar ħdax-il sena nosservaw it-tibdil soċjali li sar f’pajjiżna u li ġab miegħu mentalità u kultura ġdida. Mingħajr ebda dubju dan ittibdil talab riflessjoni min-naħa tal-Isqof Mario bħala ragħaj spiritwali, kultant waħdu u kultant ma’ sħabu l-Isqfijiet Maltin. Dan it-tibdil soċjali ġab ukoll bidliet fil-komunità Maltija li temmen u ħareġ viżjoni ta’ Knisja lokali ġdida biex tilqa’ l-ħtiġijiet tal-istess komunita. Espressjoni sabiħa tal-Isqof dwar it-tibdil hija: “Min ma jiġġeddidx, jitqadded”, li turi l-konvinzjoni tiegħu li t-tibdil ħu meħtieġ (2011). Imma dan it-tibdil jitlob li “naraw il-ħtieġa ta’ dan it-tiġdid intern fil-komunità tal-Knisja, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-mejda tal-Kelma li minnha tiddependi l-fidi, kif ukoll mal-Liturġija li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna fi Kristu” – huma l-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija li ser isaħħu l-fidi tal-komunità (2011).

Din il-viżjoni ġiet imsaħħa mill-viżjoni tal-Knisja universali mfissra tajjeb mill-Papa Franġisku u mħaddna mill-Isqof Mario. Hija l-viżjoni ta’ Knisja omm li tħaddan ’l uliedha kollha, hija viżjoni li dehret fl-ewwel Ittra Pastorali tiegħu tar-Randan 2006 meta kkwota lill-Papa Benedittu XVI u wara lill-Papa Franġisku fl-Amoris laetitia. Alla ma jħalli lil ħadd barra. Ninnotaw li fl-Ittri Pastorali l-Isqof Grech ressaq ħafna lill-komunità Maltija lejn id-dokumenti tal-Maġisteru tal-Papiet, għax il-ħin kollu jikkwota u jxerred il-ħsieb tagħhom.

Meta tidħol fil-fond ta’ dawn l-Ittri tinnota kif l-Isqof kien dejjem konxju mill-polz tal-poplu, mit-tibdil li qed isir fil-mentalità Maltija, il-bidla tal-ġerarkija ta’ valuri mħaddna u megħjuxa minnhom, u tilmaħ l-impenn tiegħu kollu biex jagħti għajnuna xierqa fil-ħidma pastorali tal-Knisja. Kien żmien ta’ dlam, għax kull tibdil iġib xi ftit konfużjoni u insigurtà, imma kien ukoll żmien ta’ dawl, fejn fil-kritika li saret minnu ngħataw soluzzjonijiet prattiċi. Daħlet it-tama. L-Isqof hu bniedem ta’ tama, fiduċjuż fil-ħniena kbira ta’ Alla, il-Missier ta’ kulħadd; megħjun mill-fidi sħiħa fl-Iben ta’ Alla, Ġesù; imdawwal mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; u msaħħaħ mill-membri tal-komunità Kristjana Kattolika. Din it-tama tfakkarni f’meta staqsew lill-Papa Pawlu VI dwar it-tibdil tal-Konċilju Vatikan II, u hu fejn kien isib it-tama tiegħu, u hu wieġeb bla tlaqliq: fl-Ispirtu s-Santu li jmexxi d-dgħajsa ta’ Kristu u fl-istess dgħajsa, fil-Knisja, fil-membri li jiffurmaw il-Knisja.

L-Isqof jemmen ħafna fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: “Din il-preżenza tal-Ispirtu lili toffrili motiv ta’ tama” (2006), u għandu fiduċja wkoll fil-komunità tal-Kristjani. Hu jemmen li l-qdusija hija l-għan ta’ kull mgħammed u għalhekk jemmen fil-formazzjoni spiritwali li toħloq Kristjani adulti. It-tama tiegħu hija mibnija fuq riflessjoni serja u ċara tal-Maġisteru tal-Knisja u tal-Kelma ta’ Alla. Bħala ragħaj spiritwali jħoss aktar minn kulħadd il-piż li jeduka, janima, inissel kuraġġ, jikkoreġi bil-ħlewwa, iħeġġeġ il-komunità l-ħin kollu. Dan hu sforz kbir u jitlob sagrifiċċju kbir min-naħa ta’ kull Ragħaj.

Fil-kitba wiesgħa ta’ dawn l-Ittri Pastorali tosserva li waqt li l-Isqof qed jirrifletti u jxandar il-ħsieb tiegħu, joħroġ mhux biss il-kontenut jew il-messaġġ tal-Ittri, imma wkoll lilu nnifsu waqt li jkun qed jindirizza u janima l-komunità. Tinnota l-mixja tiegħu personali, kultant ferħan u mimli entużjażmu, xi kultant iħoss id-diqa tal-injoranza reliġjuża: “Il-faqar spiritwali jinħass sewwa. L-injoranza dwar Alla saret grassa. Il-vojt ta’ Alla f’ħajjitna kkaġuna għadd ta’ ħofor oħra” (2011). Darba stqarr li hu konvint li huma ftit dawk li jħobbu jitkellmu fuq il-ġmiel, it-tjubija u l-qdusija ta’ Alla. Hu jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa ta’ tiġdid pastorali u spiritwali tal-komunità li temmen.

Sabiħ hu l-istil tiegħu, kif jidħol fis-suġġett, jitlaq minn xi xbihat li jislet mill-qari liturġiku tal-ġurnata – bħal ‘deżert’, ‘bieb’, ‘balzmu’, ‘mediċina’, ‘Missier b’idejh miftuħa’, ‘ilma ġieri’, ‘teżor’, ‘demgħa’ –, u jasal għall-ħsieb tiegħu dwar xi problema soċjali jew pastorali li tkun taħraq f’dak il-mument jew jiċċelebra xi festa kbira. B’dan il-mod hu jidħol fit-tema u jirrifletti b’mod qisu djalogu intimu bejn żewġt iħbieb, u jsaħħaħ li jkun jgħid b’xi siltiet tal-qari liturġiku. Bosta drabi jmiss l-imġiba morali tal-Kristjani u jippreferi jagħti suġġerimenti milli jimponi b’sens awtoritarju, waqt li juri l-problematika u d-deni li jista’ jsir billi jikxef il-kruha tal-iżbalji li ser iseħħu. Fil-fatt, jekk tagħmel ġirja ħafifa mal-Ittri Pastorali tara li mess il-problemi importanti matul dawn il-ħdax-il sena tal-episkopat tiegħu. Nistgħu ngħidu li fihom hemm djarju tal-mumenti l-aktar qawwija li għaddiet minnhom Malta jew il-Knisja Maltija u dik universali.

L-Isqof jemmen li Alla hu ħanin; il-ħniena, il-maħfra, l-aċċettazzjoni ta’ kull bniedem huma temi rikorrenti, u jisħaq li s-saċerdoti jgħallmu din il-ħniena lil kull komunità f’kull knisja. Fl-Ittra Pastorali għall-Bidu tal-Ġublew tal-Ħniena l-Isqof jistqarr: “Il-Mulej ma qagħadx joqgħod ifittex il-wiċċ ħelu tagħna biex iħobbna, ma qagħadx jara l-qdusija tagħna” (2015). Alla ma jħalli lil ħadd barra. Il-viżjoni tal-Knisja bħala omm li tħaddan lil kulħadd toħroġ fil-Viżta Pastorali, fejn tispikka l-kelma ‘bieb’, jew aħjar, l-għatba tal-bieb, u b’din it-tixbiha, bħal Ġesù jħabbat fuq kull bieb, hu qisu jrid iħabbat il-bieb ta’ kull qalb, anki dak magħluq ta’ dawk emarġinati, ta’ dawk muġugħa u ta’ dawk li jħossuhom mitfugħa barra mill-Knisja. L-Ittri Pastorali tar-Randan, tal-Avvent u tal-Assunta, għalih huma mumenti qawwija ta’ festa, ta’ konverżjoni, ta’ magħmudija mhux tal-ilma imma tar-rikonċiljazzjoni. Iħoss li l-komunità Nisranija teħtieġ bidla interjuri mibnija fuq il-Kelma tal-Mulej. F’dawn l-ittri l-Isqof jagħtina stil ta’ omelija mibni fuq il-qari liturġiku u applikat għaż-żmien tal-lum, stil li nsibuh fil-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja fejn jirriflettu u jsaħħu r-raġunar uman tagħhom b’siltiet mill-Kotba Mqaddsa, u jħobb ħafna jirriferi għalihom.

Fl-Ittri Pastorali jsemmi kull kategorija ta’ Kristjani li jifformaw il-komunita, għandu kelma għall-morda u għal dawk li jieħdu ħsiebhom: “Għalina l-Isptar Ġenerali tagħna huwa parroċċa oħra distinta mill-parroċċi l-oħrajn minħabba s-sensittività tal-esperjenza umana u spiritwali li joffri” (2003); għall-għarajjes u għall-miżżewġin, ma jixbax irodd ħajr lill-familji, lill-ġenituri. Jitkellem fuq il-familja u jagħti definizzjoni ta’ familja li għalih mhux biss hija kattolika imma l-vera umana. Jitkellem fuq il-periklu tal-mentalità divorzista, fuq dik individwalista u fuq dik kontra l-ħajja: “Illum, frott tal-mentalità individwalista, minflok soċjeta ta’ familji qed nimbuttaw ’il quddiem soċjeta ta’ individwi, u għaldaqstant aktar ħsiebna biex nipproteġu d-drittijiet tal-individwi milli d-drittijiet tal-familja”. Kif għidt qabel, jitkellem fuq il-morali Kattolika, imma aktar milli b’ton awtoritarju jew b’ċertu moraliżmu, jagħti suġġerimenti għaqlin ħalli nevitaw aktar deni u wġigħ fis-soċjeta. Fir-Referendum dwar il-Divorzju, l-Isqof Mario stqarr “li ż-żwieġ u l-familja huma esperjenza għal qalbna ħafna u hawn qbil fis-soċjetà li hemm bżonn ninvestu aktar għat-tisħiħ tagħha” (2011). Meta jsemmi l-inizjattiva li ħadet id-Djoċesi ta’ Għawdex dwar il-Konsultorju tal-Familja, jafferma: “Fostna hawn ħafna li jemmnu li l-familja hija l-aqwa teżor li għandhom il-Knisja u l-pajjiż” (2012).

L-Isqof Mario jemmen fi Knisja miftuħa għal kulħadd, ħadd eskluż – ħadd m’għandu jħossu mwarrab, imqar forsi minħabba l-istat matrimonjali –, u jinkedd meta jara li mhux il-kleru kollu għandu din l-apertura pastorali. Fl-Ittra Pastorali tar-Randan 2016, l-Isqof itenni kliem il-Papa Franġisku: “F’dan l-isptar fil-kamp tal-gwerra, fejn diversi qegħdin jilagħbuha mal-mewt, m’għandniex noqogħdu nistaqsu kemm il-marid għandu, ngħidu aħna, iz-zokkor għoli, għax dak li jeħtieġ il-marid f’dan il-mument huwa xi ħaġa aktar importanti: li ngħinuh jitbiegħed mill-mewt”. Din il-konvinzjoni dehret l-aktar fin-noti li kiteb dwar is-Sinodu Straordinarju fuq il-Familja, fejn hu ta l-kontribut siewi fil-laqgħat, u l-aktar meta l-Isqfijiet Maltin tawna l-Kriterji kif għandna ngħinu lil dawk li qegħdin f’relazzjoni oħra (2017). Hu bniedem li dejjem emmen fid-dixxerniment li għandu jagħmel kull Nisrani fis-sitwazzjonijiet li fihom isib ruħu. Għalih il-kuxjenza morali hija dik il-vuċi ta’ Alla li tgħin lil kull bniedem isib l-aħjar soluzzjoni għal dak il- mument. Hu jemmen f’morali mibnija fuq il-persuna umana u dejjem saħaq li għandu jkollna Kristjani adulti u maturi. L-Isqof jikkwota lill-Papa Benedittu XVI: “Qegħdin dejjem aktar nersqu lejn Kristjaneżmu ta’ deċiżjoni personali… dan il-Kristjaneżmu tal-konvinzjoni nerġgħu nagħtuh ħajja mill-ġdid u nferrxuh biex aktar bnedmin jerġgħu jagħrfu jgħixu l-fidi tagħhom” (2011).

L-Isqof Grech mess sensiela twila ta’ suġġetti, imma kull tema jasal għaliha għax qabel ikun sema’ lil ħutu l-Maltin, għex l-uġigħ tagħhom: “Fil-ħajja tiegħi ta’ saċerdot rajt persuni jibku bil-ferħ, imma naf ħafna aktar li jolfqu għax qalbhom maqsuma” (2015); u wasal għar-riflessjoni bit-tama li l-Knisja tista’ tnissel kuraġġ u fiduċja. Meta kien sejjer għas-Sinodu tal-Familja, dar Malta u Għawdex, il-parroċċi u gruppi speċifiċi biex sema’ l-uġigħ tal-familji sakemm kellu sintesi tal-polz kollu tal-komunità Maltija li temmen. Miegħu ħa wkoll proposti konkreti li ġew mismugħa fil-laqgħat tal-gruppi u kien minn tal-ewwel li mal-Arċisqof Charles J. Scicluna wettaq fil-konkret il-ħsieb tal-Papa Franġisku miktub fl-Amoris laetitia billi tawna l-Kriterji li bihom nistgħu ngħinu lil dawk li jinsabu f’sitwazzjoni hekk imsejħa irregolari: “Fil-Knisja kiber tabilħaqq l-għarfien li hemm bżonn nilqgħu bħal aħwa u b’qalb attenta fl-imħabba u fil-verità lil dawk l-imgħammda li qegħdin f’konvivenza ġdida wara li ż-żwieġ tagħhom sagramentali falla” (2015).

L-Isqof Mario Grech għandu fiduċja kbira f’Marija Omm Ġesù u Ommna lkoll. Tista’ tagħmel studju kbir tal-Marjoloġija tiegħu fl-Ittri Pastorali li kiteb kull sena fis-Solennità ta’ Marija Assunta. Anki l-fatt li kull Pastorali tispiċċa b’talba “għall-interċessjoni ta’ Marja Ommna, biex din l-istess preżenza timla lilkom ukoll bit-tama” (2006) juri l-fiduċja kbira li għandu f’Marija. Il-Pastorali tar-Randan 2016 tagħlaq ukoll: “F’dan il-Ġublew tal-Ħniena nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-Morda, biex it-taħriġ qaddis matul ir-Randan inħalluh jidlek biż-żejt u jinfaxxa l-ġrieħi tagħna”.

Fl-aħħar nett, lill-Isqof Grech irrid irroddlu ħajr tal-katekeżi sħiħa li nsibu f’dawn l-Ittri Pastorali. Tkellem b’mod qawwi fuq l-Inkarnazzjoni tal-Mulej, fuq il-Knisja li tħaddan ’il kulħadd, fuq il-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ikla Ewkaristika, fuq is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fuq il-ħniena kbira ta’ Alla li ma teskludi lil ħadd, fuq il-ħtieġa ta’ formazzjoni matura tal-fidi tagħna f’Ġesù, fuq il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jnebbaħ u jmexxi l-Knisja, fuq Ġesù li jurina l-wiċċ tal-Missier, fuq ir-raġuni umana u d-dawl tar-Rivelazzjoni, fuq id-dnub u l-maħfra ta’ Alla, fuq il-familja, fuq il-bidu u t-tmiem tal-ħajja umana, fuq il-kuxjenza morali u d-dixxerniment morali, fuq Marija Omm il-bnedmin kollha, u fuq il-Maġisteru tal-Knisja.

Grazzi, Eċċellenza, li tajtna dan it-tagħlim kollu!

Mons. Anton Borg


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2017/12/08/l-ittri-pastorali-tal-isqof-mario-grech-midmumin-fi-ktieb/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.