Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Ġorġ Grima

mons-gorg-grima.jpgB’niket inħabbru l-mewt ta’ Mons. Ġorġ Grima, li seħħet dalgħodu, 25 ta’ Settembru 2017,  fl-isptar Mater Dei.

Dun Ġorġ twieled fit-3 ta’ Diċembru 1950, minn Ġużeppi Grima u Manwela Said, fir-Rabat Għawdex. Għamel l-istudji tiegħu fl-iskola primarja tar-Rabat u wara dawk sekondarji fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Wara l-istudji tiegħu fis-Seminarju Maġġuri, ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Ġunju 1977, fil-Katidral ta’ Għawdex, minn Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi.

Fil-21 ta’ Settembru 1977, Dun Ġorġ telaq lejn il-missjoni fil-Brażil. L-ewwel tliet snin kien vigarju parrokkjali fil-parroċċa ta’ San Rokku ġewwa Tamarana. Fl-1980 ġie maħtur rettur tal-Katidral ta’ San Ġużepp fil-belt ta’ Itabuna, Bahia. Fl-1981 sar kappillan tal-parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju, fil-belt ta’ Alfredo Vasconcelos, fl-istat ta’ Minas Gerais. Waqt li kien kappillan f’din il-belt, ħadem u waqqaf il-parroċċa l-ġdida tal-Ispirtu s-Santu, li tagħha Dun Ġorġ kien l-ewwel kappillan. Fl-1990, Dun Ġorġ ġie Malta jieħu ħsieb saħħtu. Lura f’Għawdex Dun Ġorġ ġie mogħti l-kariga ta’ Religious Counsellor fl-iskejjel tal-istat.

Fil-25 ta’ Jannar 1993, l-Arċisqof tad-djoċesi ta’ Mariana, Mons. Luciano M. De Almeida, ħatar lil Dun Ġorġ bħala monsinjur onorarju tal-Katidral tal-Madonna tal-Karmnu.

Bl-imħabba lejn il-Missjoni, Dun Ġorġ waqqaf il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu. Illum dan il-Moviment jaħdem u jżomm eluf ta’ tfal foqra f’diversi istituti fil-Brażil, l-Etjopja u l-Kenja.

Flimkien mal-impenn kbir missjunarju, li spiss kien jieħdu ‘l bogħod minn xtutna, Dun Ġorġ kien joffri s-servizz tiegħu fil-Bażilika Ta’ San Ġorġ u, f’dawn l-aħħar sentejn, meta ż-żmien kien jippermettilu, Dun Ġorġ kien joffri s-servizz ta’ tqarbin u quddies nhar ta’ Ħadd fl-Isptar tal-Ibraġġ, Għawdex.

Il-funeral ta’ Dun Ġorġ se jsir nhar il-Ħamis li ġej, 28 ta’ Settembru, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, fejn Dun Ġorġ kien Kanoniku Onorarju:

Fl-4.00pm il-fdalijiet ta’ Dun Ġorġ ikunu esponuti fil-Knisja ta’ San Ġakbu għat-talb privat.
Fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar u mbagħad jitlaq korteo funebri lejn il-Bażilika.
Fil-5.00pm Mons. Isqof Mario Grech imexxi l-quddiesa tal-funeral fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.

RIP

http://www.gesufilproxxmu.com/about_founder.html#!prettyPhoto[movies]/21/