- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Ġwann Mercieca

Posted By admin On June 3, 2017 @ 5:49 pm In Press Releases | Comments Disabled

mercieca-mons-gwann.jpgIllum, 3 ta’ Ġunju 2017, tħabbret il-mewt ta’ Mons. Ġwann Mercieca, Penitenzier tal-Kolleġġjata tal-Bażilika ta’ San Ġorġ. Dun Ġwann miet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn kienu ilu rikoverat għal dan l-aħħar żmien. Propju din is-sena Dun Ġwann fakkar is-60 anniversarju mill-ordinazzjoni presbiterali tiegħu.

Il-funeral ta’ Dun Ġwann se jsir nhar it-Tnejn li ġej, 5 ta’ Ġunju 2017.

4.30pm: Talba tal-Għasar fil-kappella tas-Sorijiet Franġiskani, Triq Palma, u korteo għall-bażilika ta’ San Ġorġ

5.00pm: Quddiesa funebri mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech.

_____________________________

Dun Ġwann twieled fit-22 ta’ Diċembru 1932, fil-Belt Victoria, u ġie mgħammed fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Wara li rċieva l-ewwel edukazzjoni f’belt twelidu mill-1952 sal-1957, għamel l-istudji tat-Teoloġija f’Ruma, minn fejn ġab il-Baċellerat. Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Jannar 1957 u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fil-Bażilika ta’ San Ġorġ nhar is-17 ta’ Frar. Il-prietka kienet saret minn ħuh Dun Ġużepp Mercieca, li għal tletin sena sħaħ kien Arċisqof Metropolita tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Barra li wettaq il-ministeru ta’ direttur spiritwali fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern, hu kien membru ta’ diversi għaqdiet u kummissjonijiet fi ħdan id-Djoċesi, fosthom il-Kummissjoni Kateketika ta’ Għawdex.

Hu kien wieħed mill-ewwel membri tal-Kolleġġjata li l-Isqof Mons. Nikol Ġ. Cauchi waqqaf fil-Bażilika ta’ Ġorġ fl-1976.

Nhar l-24 ta’ Diċembru 2016, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħatru Monsinjur Onorarju fil-Kapitlu tal-Katidral tal-Assunta ta’ Għawdex.

F’dawn l-aħħar xhur saħħet Dun Ġwann marret lura. Fil-fatt, il-quddiesa ta’ radd il-ħajr fl-għeluq tas-sittin anniversarju saċerdotali saret fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn kien jinsab rikoverat, bis-sehem tal-Arċipriet Mons. Joseph Curmi u Dun Joseph Mercieca flimkien mal-familjari tiegħu. Dan l-aħħar, minħabba saħħtu, Dun Ġwann kien rikoverat fid-Dar għall-Anzjani tas-Sorijiet Dumnikani fil-Belt Victoria.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2017/06/03/tithabbar-il-mewt-ta-mons-gwann-mercieca/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.