Funeral ta’ Patri Eġidju Mizzi OFM Conv

patri-egidio-mizzi-ofm-conv.jpegIlbieraħ, is-Sibt 28 ta’ Jannar 2017, tħabbret il-mewt ta’ Patri Eġidju Mizzi (1932-2017), Franġiskan Konventwali. Kif kiteb Mons. Isqof Mario Grech, f’messaġġ li bagħat lis-saċerdoti, dan is-saċerdot, iben il-Fqajjar ta’ Assisi, matul ħajtu ħabb il-Kelma miktuba (l-Iskrittura) u ħabrek biex ixerridha fost il-Poplu ta’ Alla. Issa qed jara lill-Verb ta’ Alla Inkarnat.”

B’Baċellerat fil-Filosofija fl-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma, u Liċenzjati fit-Teoloġija mill-Fakultà Teoloġika ta’ San Bonaventura f’Ruma u fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Pontifiċju Bibliku f’Ruma, Patri Eġidju kien wieħed mill-egħref skulari tal-Kotba Mqaddsa, u fost l-oħrajn għallem it-Teoloġija Biblika fis-Seminarju Djoċesan mill-1968 sal-1971.

Mizzi kien membru tas-Soċjetà Biblika Maltija fejn serva bħala Viċi-President u membru tal-Kummissjoni Biblika Permanenti. Kien fil-kummissjoni għat-traduzzjoni tal-Bibbja għall-Malti sa mill-1968, fejn ittraduċa l-Kotba ta’ Ġob u Koħelet għall-Edizzjoni bil-Malti tal-1984, u ko-reveditur tal-Kotba tat-Testment il-Qadim fit-Tieni Edizzjoni Riveduta tal-1996. Ittraduċa wkoll diversi kotba tat-Testment il-Qadim għall-Malti f’isem il-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali.

 Il-funeral tiegħu se jsir għada t-Tnejn, 30 ta’ Jannar:

2:00pm - korteo funebri mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-Kunvent ta’ San Franġisk, fejn il-fdalijiet ta’ Patri Eġidju jkunu esposti għat-talb tal-fidili

3:15pm - is-Saċerdoti konċelebranti u l-ġemgħa preżenti jirreċtaw it-Talba tas-Salmi

3:30pm - Purċissjoni tal-bidu tal-Quddiesa mill-Kunvent għal Pjazza San Franġisk

4:00pm - Quddiesa tal-Funeral

Patri Eġidju se jiġi midfun fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija, fil-qabar tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.