- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Jiltaqgħu l-ġurnalisti Għawdxin

Posted By admin On January 25, 2017 @ 8:45 pm In Press Releases | Comments Disabled

gurnalisti-2017-ritratt-joe-grech.jpg

Nhar it-Tlieta 24 ta’ Jannar 2017, fl-okkażjoni tal-festa tal-Isqof San Franġisk de Sales, Patrun tal-Ġurnalisti, inżammet bħal kull sena Quddiesa organizzata mill-Għaqda tal-Kittieba u Ġurnalisti Għawdxin fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Dan hu appuntament annwali għall-ġurnalisti u kittieba Għawdxin ta’ ispirazzjoni Nisranija biex jiltaqgħu ftit flimkien u jisimgħu l-kelma tar-Ragħaj spiritwali tad-Djoċesi.

Fl-assenza tal-Isqof, li bħalissa qed jagħmel il-Viżta Pastorali fil-Qala, il-Quddiesa kienet immexxija minn Mons. Tarċisju Camilleri, Vigarju Ġenerali, megħjun minn Mons. Salv Grima.

Fir-riflessjoni tiegħu wara l-Vanġelu ċ-ċelebrant qal li “l-Knisja tpoġġi l-ġurnalista taħt il-protezzjoni ta’ San Franġisk de Sales, qaddis li ħallielna kitbiet ta’ interess kbir u ta’ spiritwalità profonda. Dan juri li l-kittieb fil-kitba tiegħu u f’dak li jgħid jippreżenta dak li hemm fih. Għalhekk il-ġurnalist huwa bniedem li jrid ikollu responsabbiltà kbira f’dak li jgħid jew jikteb u l-mod kif jippreżentah”.

Mons. Camilleri żied jgħid li kull ġurnalist “għandu jaħdem sabiex il-bniedem jinfetaħ u ma jingħalaqx fih innifsu, jiffavorixxi l-għaqda bejn persuna u oħra, bejn familja u oħra, bejn grupp u ieħor u bejn il-popli. Il-qawwa tal-kitba tgħin biex jersqu lejn xulxin il-persuni u l-fehmiet tagħhom u hekk ma jkun hemm ħadd eskluż”.

Fi kliem il-predikatur, komunikazzjoni serja twassal biex “tfejjaq feriti qodma u hekk il-bniedem ikun jista’ jgħix f’armonija u fi spirtu ta’ familja”. Mill-banda l-oħra kelma mhix f’postha tista’ tkun kaġun ta’ firda, diżordni, mibegħda, inġustizzja u l-bqija.

“Il-ġurnalist irid iżomm quddiem għajnejh li b’dak li jikteb jew jgħid ikun qed jifforma l-opinjoni pubblika, u dan jitlob sens kbir ta’ responsabbiltà. Tikkomunika jfisser taqsam mal-oħrajn, u l-bniedem jaqsam ma’ ħaddieħor minn dak li jkollu, u minn dak li hu. Id-dinjità tal-persuna umana għandha tkun rispettata, u filwaqt li jiġi kundannat il-ħażin, imma tkun rispettata l-persuna”.

Għalhekk, Mons. Camilleri ħeġġeġ li “l-atteġġjament tal-ġurnalist Nisrani jkun dak ta’ Ġesù li kien mibgħut biex iwassal il-Bxara t-tajba, il-kelma tal-verità li tagħmel il-bniedem ħieles”.

Wara l-Quddiesa, il-grupp ta’ ġurnalisti li attenda ħa flimkien ritratt ta’ okkażjoni fis-swali tal-kunvent. Huma bagħtu wkoll jesprimu l-gratitudni tagħhom lejn is-Sur Joe W. Psaila, li għadu kemm temm ħidma ta’ għaxar snin bħala Editur tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex, u awguraw lill-Editur il-ġdid Francesco Pio Attard li daħal f’dan ir-rwol minn Jannar.

Ritratt: Joe Grech


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2017/01/25/jiltaqghu-l-gurnalisti-ghawdxin/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.