Ittra tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex

247474-740xnone.jpg

ITTRA LILL-POPLU TA’ ALLA

Il-ferħ tal-imħabba
Bħall-“kewkba” li mexxiet lill-Maġi biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, hekk hija l-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Imħabba għall-familji tagħna fil-mixja tagħhom lejn u wara Ġesù.

Dan jgħodd ukoll għall-koppji u l-familji li jinvolvu persuni separati jew divorzjati u li llum qegħdin f’rabta ġdida. Uħud minn dawn il-persuni, għalkemm tilfu l-ewwel żwieġ, ma tilfux it-tama tagħhom f’Ġesù. Fosthom insibu min jixtieq ħafna jkun f’paċi ma’ Alla u mal-Knisja, tant li qed jistaqsina x’għandu jagħmel biex ikun jista’ jqerr u jitqarben.

Bħall-Maġi, li meta sabu lil Ġesù għaddew minn triq oħra (ara Mt 2:12), hekk dawn il-persuni – xi drabi wara vjaġġ twil u mħarbat – jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu, li jagħtihom futur anki meta ma jibqax possibbli li jgħaddu mill-istess triq ta’ qabel.

Permezz ta’ akkumpanjament u dixxerniment onest, Alla kapaċi jiftaħ toroq ġodda quddiem dawn il-persuni, anki wara li ġarrbu mixja mmarkata mid-“dlam” ta’ għażliet żbaljati jew ta’ esperjenza qarsa ta’ abbandun u tradiment. Fil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu u mal-Knisja, dawn il-persuni jsibu “dawl” li jurihom il-ħajja preżenti tagħhom u jgħinhom jaqbdu t-triq tar-ritorn lejn Alla, u b’ħafna tama u kuraġġ jgħożżu l-ferħ tal-imħabba.

Għalhekk, fuq l-indikazzjoni tal-Papa Franġisku, aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed nagħtu linjigwida lis-saċerdoti tagħna biex isieħbu fit-triq tat-tfitxija lil dawk il-persuni li jixtiequ jaqraw l-istorja ta’ ħajjithom fid-dawl ta’ Ġesù.

Nistiednu lil min jinsab f’xi qagħda bħal din u jixtieqna ngħinuh ikompli jdawwal il-kuxjenza tiegħu, biex ifittex saċerdot li jakkumpanjah.

Dawn il-linji-gwida għas-saċerdoti jinsabu fuq il-website tal-Knisja f’Malta www.thechurchinmalta.org u tal-Knisja f’Għawdex www.gozodiocese.org.

Illum, is-Sibt 14 ta’ Jannar 2017.

+ Charles J. Scicluna                  + Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta                      Isqof ta’ Għawdex

English version: letter-to-the-people-of-god-joyoflove.pdf