EDITUR TAR-RIVISTA DJOĊESANA “IL-ĦAJJA F’GĦAWDEX”

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa [ST/01/2017]
3 ta’ Jannar 2017

francesco-pio-attard.jpgB’effett mil-lum, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ħatar lis-Sur Francesco Pio Attard fl-uffiċċju tat-tmien EDITUR tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex. Francesco Pio huwa wkoll responsabbli mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja Djoċesana. Hu qed jissuċċiedi lis-Sur Joe Psaila, li kien l-Editur ta’ Il-Ħajja f’Għawdex għal dawn l-aħħar għaxar snin. L-Isqof radd ħajr lis-Sur Psaila li b’dedikazzjoni, imħabba u għerf għaraf juża din ir-rivista għall-ġid tad-Djoċesi u tal-gżira ta’ Għawdex. Il-Ħajja f’Għawdex hija rivista ta’ kull xahar maħruġa mid-Djoċesi ta’ Għawdex. L-ewwel ħarġa kienet f’Ġunju 1945.

***

FRANCESCO PIO ATTARD twieled il-Belt Victoria, Għawdex fl-1985. Hu studja t-Teoloġija fis-Seminarju ta’ Għawdex u fl-Università ta’ Malta, mnejn kiseb Baċellerat bl-Unuri fit-Teoloġija fl-2011 u Master of Arts fil-Youth Ministry fl-2016. Hu jaħdem bħala Assistent tal-Arkivju fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex, u mill-2014 huwa wkoll responsabbli mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-kitba, il-poeżija u l-ġurnaliżmu bil-Malti huma l-passjoni tiegħu, u kien strumentali fit-tħejjija ta’ bosta pubblikazzjonijiet. Kitbiet u traduzzjonijiet tiegħu dehru f’għadd ta’ ġurnali u rivisti bil-Malti. Hu involut fil-pastorali u l-katekeżi mat-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll fis-servizz ta’ traduzzjonijiet tal-kitbiet u l-omeliji tal-Papa mogħti mis-sit elettroniku laikos.org tas-Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.