ASSISTENT EKKLEŻJASTIKU DJOĊESAN ĠDID GĦALL-AZZJONI KATTOLIKA F’GĦAWDEX

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, qed jaħtar lill-Kanonku Noel Saliba, mill-Parroċċa ta’ Marija Assunta, fiż-Żebbuġ, bħala ASSISTENT EKKLEŻJASTIKU DJOĊESAN GĦALL-AZZJONI KATTOLIKA F’GĦAWDEX. Hu qed jieħu post Monsinjur Karm Hili.

mix-xellug-il-kan-noel-saliba-l-isqof-grech-mons-karm-hili.jpg

Aqra d-Digiret tal-Ħatra:  2016-12-18-digriet-hatra-assistent-ekklezjastiku-ak-dun-noel-saliba.pdf

_______________________

Il-Kan. Noel Saliba

Dun Noel, miż-Żebbuġ, twieled fl-1966. Attenda l-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù u fl-1984 beda l-kors fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Wara esperjenza fl-Istati Uniti tal-Amerika, ġie ordnat djaknu fl-1990 mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol Ġ. Cauchi, li ordnah saċerdot fit-22 ta’ Ġunju 1991.

Ħadem f’parroċċa Ruma, fejn serva bħala Viċi-Kappillan, u matul dawk l-erba’ snin għamel kors ta’ speċjalizzazzjoni fix-Xjenzi Soċjali fl-Università Pontifiċja Angelicum. Fl-1995 ġie msejjaħ lura mill-Isqof Cauchi biex jgħallem fis-Seminarju Minuri u s-Soċjoloġija fis-Seminarju Maġġuri.
F’Settembru 1996 sar kanonku onorarju tal-Kolleġġjata tal-Għarb u Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Assunta, iż-Żebbuġ fejn serva għal għaxar snin, żmien li fih baqa’ jgħallem is-Seminarju. Fi żmien l-Arċipriet Saliba, fost proġetti oħrajn, inbnew il-Qasam tal-Museum u l-Każin tal-Banda Santa Marija, u beda l-proċess tar-restawr tal-knisja parrokkjali.

F’Awwissu 2006 Dun Noel issejjaħ mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech biex imexxi s-Seminarju Minuri bħala Kap tal-Iskola. F’Lulju 2014 inħatar kanonku effettiv tal-Kolleġġjata tal-Għarb. Hu għadu jaqdi fiż-żewġ uffiċċji sal-lum.

F’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, il-Kan. Noel Saliba ma naqasx li jagħti kontribut siewi f’Għawdex u f’Malta, speċjalment fil-qasam tal-ministeru tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla u l-predikazzjoni, fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, f’diversi rtiri u laqgħat ta’ formazzjoni, fi programmi tar-radju, fil-Leġjun ta’ Marija, fil-komunitajiet Ewkaristiċi u fid-direzzjoni spiritwali lil persuni kkonsagrati u miżżewġa. Dun Noel hu l-awtur ta’ diversi kitbiet ta’ bixra letterarja.
Wara li fl-1995 l-Isqof kien tah mandat ta’ sentejn bħala Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex għaż-Żgħażagħ, mill-2008 Dun Noel huwa l-Assistent Ekkleżjastiku taċ-Ċirklu tal-Koppji Miżżewġin fix-Xewkija.

Bħala Assistent Ekkleżjastiku Djoċesan, Dun Noel se jkompli l-ħidma li għal tant snin kienet fdata f’idejn Mons. Karm Hili.

Mons. Karm Hili

Dun Karm, mix-Xagħra, twieled fl-1943, u dritt wara l-ordinazzjoni presbiterali fl-1968, beda jagħti servizz fl-Azzjoni Kattolika. Beda jieħu sehem fid-Direttorju u sar Assistent Ekkleżjastiku tal-Fergħa tax-Xebbiet, sakemm inħatar Assistent Ekkleżjastiku Djoċesan.

Sadattant sar id-Delegat tal-Isqof għall-Appostolat tal-Lajċi, b’responsabbiltà għan-Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi kull xahar. Hu involut ukoll fil-Leġjun ta’ Marija u l-Ispigolatriċi.

Sa mill-1987 hu r-Rettur tal-knisja tal-Madonna tal-Karmnu (Ta’ Ħamet) fil-limiti tax-Xewkija.