Archive for December, 2016

Nomini Ġodda

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
24 ta’ Diċembru 2016

ŻEWĠ MONSINJURI ONORARJI ĠODDA
GĦALL-KAPITLU TAL-KATIDRAL TA’ GĦAWDEX

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għadu kemm ħatar żewġ Monsinjuri Onorarji ġodda fil-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex:

mons-gwann-mercieca.jpgil-Kanonku Ġwann Mercieca, mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria,mons-frangisk-sultana.jpg

il-Kanonku Franġisk Sultana, mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.

Rettur ġdid għall-Knisja ta’ Santa Luċija Għawdex

Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja Veskovili ta’ Għawdex

Stqarrija għall-Istampa

23 ta’ Diċembru 2016

mons-pawlu-cardona.jpg

RETTUR ĠDID
TAL-KNISJA TA’ SANTA LUĊIJA, GĦAWDEX
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, qed jaħtar lil Mons. Pawlu Cardona, Vigarju Episkopali tiegħu għall-Kleru, bħala Rettur tal-Knisja ta’ Santa Luċija, f’Santa Luċija, Għawdex, b’effett mill-15 ta’ Jannar 2017.

Hu qed jieħu post Dun Franġisk Sultana, li l-Isqof qed jaħtru Monsinjur Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex kif ukoll Assistent Sagristan Maġġuri fl-istess Katidral.

ASSISTENT EKKLEŻJASTIKU DJOĊESAN ĠDID GĦALL-AZZJONI KATTOLIKA F’GĦAWDEX

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, qed jaħtar lill-Kanonku Noel Saliba, mill-Parroċċa ta’ Marija Assunta, fiż-Żebbuġ, bħala ASSISTENT EKKLEŻJASTIKU DJOĊESAN GĦALL-AZZJONI KATTOLIKA F’GĦAWDEX. Hu qed jieħu post Monsinjur Karm Hili.

mix-xellug-il-kan-noel-saliba-l-isqof-grech-mons-karm-hili.jpg

Aqra d-Digiret tal-Ħatra:  2016-12-18-digriet-hatra-assistent-ekklezjastiku-ak-dun-noel-saliba.pdf Continue reading >>

Alla ma jwarrab lil ħadd!

Omelija fil-Festa ta’ Ferħ
Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

festa-ta-ferh-2016-sggh.jpg

NOĦOLMU L-ĦOLMA TA’ ALLA

Għalkemm mhix ħaġa sabiħa, imma spiss jiġrilna li nsibu ruħna fis-sandli ta’ San Ġużepp! Meta sar jaf li Marija kienet qed tistenna tarbija mhux minn tiegħu, Ġużeppi daħal fi kriżi għax ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel. Skont il-liġi, f’dik il-kundizzjoni Marija kienet tajba għar-rimi! Ġużeppi kien għadu fil-għama dwar x’kien seħħ f’Marija u għalhekk kien fid-dmir li jimxi mal-liġi ta’ Mosè li kienet tgħid li jekk ir-raġel ma jsibx provi tax-xbubija tax-xebba, dan jieħu “t-tifla fil-bieb ta’ missierha, u jħaġġruha l-irġiel tal-belt tagħha sakemm tmut għax tkun għamlet għajb f’Iżrael li żniet f’dar missierha. Hekk int teqred il-ħażen minn ġo nofsok” (Dt 22:20-21). Fl-istess waqt, Ġużeppi kien iħobbha lil Marija u għalhekk tħawwad: jobdi l-liġi jew iħenn għall-maħbuba tiegħu? Ġużeppi kien makakk u “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Lq 1:19). B’dan il-mod Ġużeppi kien ser ikun qed josserva l-liġi imma fl-istess waqt isalvalha wiċċha. Continue reading >>

Talb għall-Paċi fis-sirja

51/2016

Ittra lill-Poplu ta’ Alla

tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

TALB GĦALL-PAĊI FIS-SIRJA

syriia-yaman-al-halabi-reuters.jpg

Waqt li f’dawn il-jiem f’widnejna jasal id-daqq u l-kant ħelu tal-Milied, għajnejna jinħatfu mid-dawl ipetpet li jżejjen it-toroq u mnifsejna jimtlew bir-riħa ta’ ikel bnin, in-nies ta’ Aleppo fis-Sirja għandhom widnejhom imtarrxa bl-isparar tal-artillerija, għajnejhom jingħalqu mat-tlaħliħ tal-balal li neżlin fuqhom u mnifsejhom fgati bir-riħa tal-mewt! L-aħbarijiet u x-xeni li qed jaslu dwar il-gwerra fis-Sirja huma tal-waħx; imma twaħħax wisq aktar id-dgħufija tal-istrutturi internazzjonali li suppost qegħdin hemm biex jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi – imma fir-rigward tas-Sirja bħal donnhom tilfu s-snien. Continue reading >>

Il-Pussess tal-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ

Omelija fil-Pussess ta’ Mons. Joseph Curmi
bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016, it-Tielet Ħadd tal-Avvent
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_6731.jpg

KRISTU JOĦROĠNA MILL-ĦABS

Meta mill-ħabs Ġwanni l-Għammiedi sema’ bl-għemejjel ta’ Ġesù, huwa bagħat jistaqsih: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Għażiż ħija fis-saċerdozju,  nistħajjel li meta dalgħodu din il-komunità parrokkjali, li laqgħetek bi mħabba kbira, qed tagħmillek din il-laqgħa sabiħa, hawn min bħall-Battista qiegħed “fil-ħabs” u allura qed jistaqsi: Dan l-Arċipriet huwa dak li għandu jiġi biex jagħtina ftit tat-tama u jgħinna noħorġu minn dan l-għeluq, jew nistennew lil ħaddieħor? Din hija l-mistoqsija li nixtieqek tirrifletti dwarha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Continue reading >>

IL-KUNĊIZZJONI ITTRA FL-ALFABETT TAL-IMĦABBA TA’ ALLA

Omelija fis-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016, Vġili tas-Solennità
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

vgili-1.jpg

IL-KUNĊIZZJONI ITTRA FL-ALFABETT TAL-IMĦABBA TA’ ALLA

Mhux lakemm meta bniedem ikun iħobb lil xi ħadd, ikun kapaċi jostor, irażżan jew jifga mħabbtu. L-imħabba hija enerġija li timbuttana biex noħorġu minna nfusna u nikkomunikaw mal-persuna li nħobbu. Ġieli l-omm tant tkun tħobb lit-tarbija, li tant tagħfasha magħha waqt li tħaddanha, li tweġġagħha. Meta mara tisraq il-qalb ta’ raġel jew bil-kontra, ikun kollu ta’ xejn li wieħed jipprova jagħmel tabirruħu li ma jkun qed jiġri xejn fih, għax ħarstu, kliemu u mġibtu jikxfuh. L-ikbar tbatija li nistgħu nġarrbu hija meta nitilfu persuna li nkunu nħobbu. Għalhekk il-mewt hija kiefra, għax tkun trid tħobb lil xi ħadd imma dak ix-xi ħadd ma jkunx miegħek. Dan l-aħħar rajt xena ta’ mara miżżewġa tħaddan lil żewġha li kien għadu kif radd ruħu – xena ta’ qsim il-qalb nara lill-imħabba tibki lill-maħbub tagħha! Continue reading >>

Ftuħ ta’ “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità, nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016, ġiet inawgurata “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”, proġett tal-Fondazzjoni Arka għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà fil-komunità. Id-dar f’Għajnsielem diġà qed tilqa’ fiha numru żgħir ta’ residenti.

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-1.jpg

Kelmtejn fil-Ftuħ ta’ Dar il-Ġublew tal-Ħniena mill-Fondazzjoni Arka
Għajnsielem
Is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-5.jpg

INIZJATTIVA FAVUR IL-ĦAJJA

Permezz ta’ din l-inizjattiva li jkollna dar għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà, il-Knisja f’Għawdex permezz tal-Fondazzjoni Arka trid tibgħat messaġġ favur il-ħajja. Ftit jiem ilu kont f’laqgħa organizzata mill-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Persuni b’Diżabbiltà f’Għawdex u smajt b’attenzjoni omm li għandha tarbija b’diffikultajiet serji fix-xewka tad-dahar. Din l-omm ikkummentat li llum il-ġurnata ma hawnx aktar persuni bi spina bifida għax hemm min, meta jsir jaf li t-tarbija fil-ġuf għandha din l-għamla ta’ diżabbiltà, jagħżel li ma jħallihiex titwieled. Kliem bħal dan jinkwetani qatigħ għax hawnhekk qed nitkellmu fuq temma ta’ ħajja umana, meta kull ħajja umana, anki dik li mhix perfetta, hija sagra u aħna għandna d-dmir etiku li ngħinuha tgħix. Continue reading >>