IL-WIĊĊ UMAN TAL-KURĊIFISS - Mons. Isqof Mario Grech

16o_5260.jpgOmelija fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu
Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-WIĊĊ UMAN TAL-KURĊIFISS

Ġesù fuq is-salib huwa konferma ta’ x’kapaċi tagħmel soċjetà li ma tafx x’inhi l-ħniena. Fil-fatt il-bniedem sajjem mill-ħniena ma għandux rispett lejn il-ħajja umana u kapaċi jeqridha, anki meta tkun għadha kemm tnisslet. Min ma jafx iħenn jagħlaq widnejh għall-karba tal-fqir u jagħlaq għajnejh biex ma jarax il-ġrieħi tal-proxxmu – għandi f’moħħi wkoll il-faqar u l-feriti affettivi u spiritwali. Fejn il-ħniena hija skarsa, faċli li l-bniedem jasal biex jeskludi u jemarġina lill-oħrajn.

Ġesù fuq is-salib huwa vittma ta’ ġudizzju ħażin fuqu! Il-ġudizzju żbaljat wassal għall-kundanna u l-qerda ta’ persuna! Ħasra li llum ukoll għad hawn mhux ftit li huma lesti li jiġġudikaw u jikkudannaw lil ħaddieħor. Ma humiex ftit dawk li sabu ruħhom imsallba għax xi ħadd għamel ġudizzju dwarhom.

Jien nitħasseb mhux ftit meta din l-attitudni li niġġudikaw lill-oħrajn isserrep fi ħdan il-komunità ekkleżjali. Hawn min qiegħed għassa biex jissindika lill-proxxmu tiegħu u jgħaddih proċess – ħafna drabi b’diskors li jingħad fil-widnejn jew fil-beraħ fil-pjazza! Nagħmluha ta’ ġustizziera fuq individwi, fuq koppji, fuq sitwazzjonijiet… Il-ġudizzji tagħna fuq in-nies jistgħu jkunu perikulużi u dannużi, għax ħafna drabi aħna niġġudikaw fuq dak li naraw. Ħafna ma jistgħux jifhmu li fattur importanti fil-ġudizzju morali huwa x’hemm fil-qalb tal-bniedem. Hemm bnedmin li l-għemil estern tagħhom ma jkunx tajjeb, imma b’daqshekk ma humiex persuni ħżiena u kundannabbli; anzi, hemm ġieli jkun hemm sitwazzjonijiet li fl-għajnejn jidhru li ma humiex sewwa, imma quddiem Alla jkunu sewwa. Kif fil-każ ta’ Ġesù ġudizzju ħażin wassal biex inqerdet ħajja, hekk ukoll illum il-komunità ekkleżjali, jekk ma toqgħodx attenta fil-ġudizzji tagħha, tista’ tkun il-qerda ta’ persuni u familji.

Hemm ġudizzji morali meta fil-ġudizzju nużaw kriterji morali u hemm ġudizzji ġuridiċi li jittieħdu skont il-liġijiet. It-tribunali ekkleżjastiċi għandhom ministeru delikat ħafna, għax nuqqas ta’ attenzjoni pastorali taf twassal biex l-istess liġijiet isiru ġebel li jfieri lill-persuna. Il-komunità ekkleżjali ma għandhiex il-liġijiet biex tidrob, imma biex l-istess liġi tgħinha torjenta lilha nfisha. Għalhekk, meta niġu biex napplikaw il-liġi, bħal fil-każ tal-proċessi għad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwiġijiet, għandna nużaw ħafna dik li tissejjaħ ekwità (æquitas) u tjubija (benignitas), għax ir-rigoriżmu jwassal biex l-istess liġi ssallab in-nies.

Għalkemm, wieqaf f’soċjetà mingħajr ħniena, il-Kurċifiss huwa għelm tal-miżerikordja ta’ Alla. Fil-fatt, imsallba ma’ Ġesù kien hemm żewġ ħallelin. Tant kienu ħżiena li kkundannawhom għall-mewt. Imma l-Kurċifiss lil dak il-ħalliel li s-soċjetà kienet qatgħet qalbha minnu, jerġa’ jixgħellu l-fjamma tat-tama. Minn fuq is-salib, Ġesù jgħid lil dan il-ħalliel li jekk is-soċjetà kienet tilfet kull fiduċja fih, Alla xorta għadu jemmen fih; jekk is-soċjetà kienet qatgħet jiesha minnu, Alla kien għadu interessat fih. Għalkemm bniedem ħażin, Ġesù jgħidlu: “Illum tkun miegħi l-Ġenna!”.

Din l-attiduni kollha ħniena ta’ Ġesù għandha tagħmlilna l-qalb. L-ewwel nett għaliex fil-ħajja jkun hemm waqtiet fejn kull wieħed minna jiġi konxju mill-ħażen u d-dnubiet tiegħu. Xi drabi tant inkunu ħawwadna fil-ħajja, li nintremew għall-mewt! Imma minn fuq is-salib, Kristu qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna. Inħoss li qed jgħidilna li anki jekk għamilna dnubiet koroh jew qed ngħixu f’sitwazzjoni tad-dnub, Alla mhux ser jiskartana. Ninkwieta meta ċerti raġunamenti li aħna nagħmlu, kif ukoll ċerta predikazzjoni li ssir, jikxfu li aħna mhux tassew nemmnu li Kristu huwa l-Feddej – li fuq is-salib Kristu ta ħajtu u hekk irriskatta d-dnub tiegħi!

Din mhix skuża biex il-bniedem jogħdos fid-dnub; imma hija aħbar tajba li tgħinna nagħmlu l-kuraġġ u nintelqu f’idejh. Aħna ma nistgħux insalvaw bil-ħila tagħna nfusna, imma jekk biss inħallu qatra demm minn ta’ Ġesù tinżel fuqna u taħsilna mid-dnub tagħna.

Dak li qed ngħid għalina personalment nixtieq napplikawh fil-ħidma tagħna bħala Knisja, partikularment meta niltaqgħu ma’ xi ħadd li bil-kriterji foqra tagħna naħsbu li ma hemmx ritorn għalih – li kważi ma hemmx fidwa għalih! Ma hemm ebda persuna jew sitwazzjoni li Alla jaqta’ jiesu minnu jew minnha. Lanqas aħna bħala komunità ekkleżjali ma għandna niskartaw jew neleminaw lil xi ħadd għax niġġudikawh li mhux rekuperabbli.

Nemmen li l-esperjenza li għexna matul is-Sena tal-Ħniena tiftħilna orizzonti sbieħ li forsi qatt ma ħlomna bihom. Aħna nistgħu nħarsu b’fiduċja ’l quddiem mhux għax aħna bravi, imma għax aħna nistrieħu taħt il-Kurċifiss li huwa r-rakkont tal-miżerikordja u tas-sabar ta’ Alla. Nitolbu lil Alla jgħinna nkunu xhieda vera tal-qawwa tal-Kurċifiss b’wiċċ uman. Il-Kurċifiss ifakkarna fil-kruha ta’ soċjetà li meta ma tkunx ħanina taf issallab lill-bniedem u lil Kristu preżenti f’kull bniedem. Dan japplika wkoll għalina bħala Knisja. Il-ħarsa tal-Kurċifiss tfakkarna wkoll li ma hemm ebda storja, imqallba kemm hija mqallba, li ma tinteressax lil Alla. Lill-ħalliel, Ġesù la bagħtu jixxejjer u anqas ikkundannah għad-dannazzjoni eterna, imma, imqanqal mill-ħniena, qatagħlu xewqtu: illum tkun miegħi l-Ġenna!