- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof Grech iħeġġeġ biex ma naħlux ilma

Posted By admin On October 29, 2016 @ 11:37 am In Circulars | Comments Disabled

49/2016

Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

water.jpgTALB GĦAX-XITA

Dan l-aħħar kont inżur xi parroċċi u nnutajt diversi persuni jitolbu lil Alla biex jibagħtilna x-xita. Din il-fiduċja li n-nies tagħna għandhom fil-Providenza Divina tferraħni u tfarraġni, għax dan huwa sinjal ieħor li jgħidilna li l-poplu tagħna jemmen qatigħ f’Alla.

Meta nqis li din is-sena x-xita għadha mwaħħra, u s-sena li għaddiet kienet skarsa tant li l-wiċċ tar-raba’ kien batut, nagħmel sejħa lill-poplu Nisrani biex, fuq l-eżempju ta’ dawk li semmejt aktar ’il fuq, għalenija nsejħu lil Alla jberikna billi jibagħtilna x-xita f’waqtha.

L-ilma huwa element mill-iktar meħtieġ għall-ħajja. Għalhekk, waqt li nitolbu lil Alla biex ixarrabna bl-ilma mis-sema, nitolbuh ukoll biex il-poplu tagħna jikber fl-għarfien tar-responsabbiltà li għandna biex ngħassu fuqna nfusna ħalli ma jkunx hemm ħela u serq ta’ ilma. L-ilma naturali jagħmel parti mill-ġid komuni u għalhekk ma nistgħux nabbużaw mill-użu tiegħu. Kulħadd għandu d-dritt li jkollu l-ilma, imma kulħadd hu wkoll fid-dmir li jinqeda bl-ilma bil-qies biex naħsbu fil-ġenerazzjoni futura.

Issa li qed joqrob ix-xahar tal-Erwieħ, nirrikkmanda li nitolbu għax-xita bl-interċessjoni ta’ ħutna li ħallewna u daħlu fl-eternità. Dan anki billi nżuru ċ-ċimiterji, li għalina huma “art qaddisa”. Hemm komunjoni bejnna li għadna f’din id-dinja, l-erwieħ tal-Purgatorju, u dawk li qegħdin jaraw lil Alla wiċċ imb wiċċ. Din l-għaqda bejn is-sema u l-art tinħass ukoll bit-talb ta’ interċessjoni.

Flimkien ma’ San Franġisk ta’ Assisi ngħidu: “Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna l-Ilma, li hu meħtieġ qatigħ, irżin, ta’ siwi, u safi” (L-Għanja tal-Ħolqien).

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum, l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2016.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Read the Bishop’s Letter from here:  [1] 49-2016-prayers-for-rain.pdf


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2016/10/29/l-isqof-grech-iheggeg-biex-ma-nahlux-ilma/

URLs in this post:
[1] 49-2016-prayers-for-rain.pdf: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2016/11/49-2016-prayers-for-rain.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.