Archive for October, 2016

L-Isqof Grech iħeġġeġ biex ma naħlux ilma

49/2016

Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

water.jpgTALB GĦAX-XITA

Dan l-aħħar kont inżur xi parroċċi u nnutajt diversi persuni jitolbu lil Alla biex jibagħtilna x-xita. Din il-fiduċja li n-nies tagħna għandhom fil-Providenza Divina tferraħni u tfarraġni, għax dan huwa sinjal ieħor li jgħidilna li l-poplu tagħna jemmen qatigħ f’Alla. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 30 ta’ Ottubru 2016

Aqra l-Bullettin minn hawn:

bullettin-2016-ottubru-30.jpg

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Novembru 2016

Niżżel kopja tan-Newsheet ta’ Novembru minn hawn:

newsheet-novembru-2016.pdf

Is-Seminarju ta’ Għawdex ifakkar il-150 anniversarju mit-twaqqif tiegħu

02-logo.jpg

IS-SEMINARJU TA’ GĦAWDEX

Il-bidu tas-Seminarju ta’ Għawdex hu marbut mat-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Nhar is-16 ta’ Settembru, 1864, il-Papa Piju IX permezz tal-Bolla Singulari Amore, għoġbu jwaqqaf il-Knisja ta’ Għawdex. Fl-istess dokument, il-Papa jawgura li f’qasir żmien id-Djoċesi l-ġdida jkollha s-Seminarju tagħha. Continue reading >>

Iċċelebrat il-Ġublew Marjan tal-Ħniena

Omelija fil-Ġublew Marjan tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex
Quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 9 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_5285.jpg

ALLA HU POSSIBBILTÀ ĠDIDA

Is-sultan tas-Sirja kellu ħabib, Nagħman, li marad bil-lebbra. F’dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għal din il-marda u min jintmess biha kien ibati minn konsegwenzi kbar u koroh għal għomru kollu – fil-fatt kien ikollu jgħix ħajja fis-solitudni maqtugħ mill-familja, mill-ħbieb u l-komunità. Għalhekk is-sultan tas-Sirja kiteb ittra lis-sultan ta’ Israel fejn talbu jistax ifejjaq lil ħabibu – talbu biex lil Nagħman jagħtih il-possibbiltà li jerġa’ jibda jgħix ħajja normali. Imma hekk kif waslitlu l-ittra, is-sultan ta’ Israel saħan u ċarrat ħwejġu għax dritt għaraf li r-re tas-Sirja kien qed jitolbu xi ħaġa impossibbli – tant kien ċert li ma jistax jilqa’ dan ir-rikors, li ħaseb li b’din l-ittra s-Sirjan kien ser jiddikjara gwerra kontra tiegħu! Continue reading >>

Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika

Omelija fil-ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika
Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ak1.jpg

DAKKARA TAL-FIDI

Kemm huwa minnu kliem il-profeta Isaija meta jgħid li l-bniedem mingħajr fidi ma jibqax sħiħ (ara 7:9)! Ħarsa ħafifa madwarna tagħtina konferma ta’ dan. Fil-fatt, waqt li l-fidi tal-poplu tagħna qiegħda tnin, qed naraw jiġġarrfu saħansitra bastjuni li konna konvinti li ħadd u xejn ma kien ser ibattihom. Biex nindika eżempju wieħed, min kien jgħidilna li s-soċjetà tagħna ser tibda tarma biex titfa’ taħt riġlejha l-ħajja umana li tkun għadha fil-ġuf?

Huwa fatt li llum qegħdin ngħixu f’kultura fejn faċli nkunu ttentati naħsbu li nistgħu nfendu mingħajr Alla. It-teknoloġija, il-kisbiet xjentifiċi u l-firxa tal-ġid materjali faċli jikkonvinċuna li kollox huwa umanament possibbli u għaldaqstant nistgħu nsolvu l-enigma tal-ħajja. F’dan il-kuntest, Alla joħroġ mix-xena u għalhekk illum id-diskors dwar il-fidi jsir qisu frotta barra minn żmienha. Continue reading >>

L-Isqof jiltaqa’ mas-Seminaristi u l-Għalliema

Omelija lis-Seminaristi
Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

l-isqof-mal-letturi-tas-seminarju-magguri-ta-ghawdex.jpg

MUFTIEĦ LI JIFTAĦ

Kif għamel ma’ Pietru, hekk il-Mulej jagħmel magħna s-saċerdoti: jafdalna l-imfietaħ f’idejna. Huma mfietaħ li jiftħu l-bibien għall-ħajja. Għalkemm imqiegħda f’idejna, dawn l-imfietaħ ma humiex tagħna imma ta’ Alla. Aħna rridu ngħassu fuqna nfusna biex ma jkunux japplikaw għalina l-kliem li Ġesù qal lill-kittieba u l-Fariżej: “Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi. Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol” (Lq 11:53).

F’idejna għandna l-“muftieħ” biex niftħu l-bieb ta’ qalbna għal Kristu li huwa “l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1:24); lil dawk li jiftħulu qalbhom, Kristu jagħtihom “għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih” (Lq 21:15). Kull Nisrani, aktar u aktar kull saċerdot għandu jkollu f’qalbu din il-passjoni għall-Għerf. L-istudju tat-teoloġija hu xjenza meħtieġa biex inkomplu nixirfu fil-misteru ta’ Alla. Nafu kemm nafu teoloġija, qatt ma nistgħu ngħidu li nafu biżżejjed. Saċerdot (u seminarista) li ma jiħux bis-serjetà l-formazzjoni teoloġika, huwa saċerdot u seminarista medjokri. Fi kliem il-Papa Franġisku, it-teologu li jaħseb li l-ħsieb teoloġiku tiegħu huwa komplut u għalhekk ma għandux bżonn jistudja aktar, huwa “teologu medjokri”. “Teologu u filosfu ta’ stoffa huwa dak li l-ħsieb tiegħu jibqa’ dejjem miftuħ għax qatt ma huwa komplet – jibqa’ miftuħ għall-maius ta’ Alla u l-verità u għalhekk jibqa’ miftuħ għal kull żvilupp skont ir-regola ta’ San Vinċenz ta’ Lernis li jgħid: ‘Annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate’ (Commonitorium primum 23, PL 50, 668). Għalhekk il-vera teoloġija tikkonsolida mas-snin, tikber maż-żmien u ssir profonda mal-età. Dan huwa t-teologu li għandu moħħ miftuħ” (Diskors lill-komunità tal-Gregorjana, 10 ta’ April 2014). Continue reading >>

Iċ-ċentralità ta’ Kristu fil-ħajja tan-Nisrani

san-frangisk-u-kristu.jpgOmelija fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
It-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAKEMM KRISTU JISSAWWAR FINA

In-Nisrani huwa dak il-bniedem li jiskopri l-ġmiel ta’ Alla li deher fi Kristu. Maħtuf minn dan il-ġmiel, in-Nisrani ma jistrieħx sakemm jiddakkar mill-istess ġmiel u jsir jixbah lil Kristu. In-Nisrani li ma jimitax lil Kristu jkun Nisrani tal-isem. Jekk tonqosna din il-ħeġġa biex inkunu nixbhu lil Ġesù, it-twemmin Nisrani jibqa’ kultura, tradizzjonijiet u storja, u r-reliġjon Kristjana tiġi ridotta għal sempliċi reliġjon ċivili! Qed ngħid dan għax nibża’ li f’pajjiżna jeżisti dan ir-riskju!

Meta naqraw l-ittri ta’ Missierna Pawlu jidher ċar kemm għall-Appostlu ħaġa waħda kienet meħtieġa: li jsir jaf lil Ġesù Kristu biex isir jixbhu, tant li jasal biex jistqarr li “mhux jien li ngħix imma Kristu jgħix fija” (Gal 2:20). Qawwija hi kelmet Pawlu meta jgħidilna: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu” (1 Kor 11:1). Tant kien jixbah lil Kristu li f’ġismu Pawlu kien iġib il-marki ta’ Kristu (ara Gal 6:17). Fil-fatt lin-nies tal-belt ta’ Korintu, Pawlu jgħidilhom li meta wasal għandhom “ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Kristu Ġesù u ’l dan imsallab” (1 Kor 2:2) Continue reading >>