TITĦABBAR IL-MEWT TA’ DUN ĠUŻEPP SALIBA

Kmieni dalgħodu, il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2016, tħabbret il-mewt ta’ Dun Ġużepp Saliba, miż-Żebbuġ, Għawdex. Dun Ġużepp kellu 83 sena. Hu miet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn kien rikoverat f’dawn l-aħħar jiem.

Dun Ġużepp twieled fit-30 ta’ Settembru 1933, fiż-Żebbuġ, Għawdex. Fit-12 ta’ April 1959 ġie ordnat Saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex mill-Isqof ta’ dak iż-żmien Mons Ġ. Pace.

Dritt wara l-ordinazzjoni tiegħu, Dun Ġużepp mar għal ftit taż-żmien jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu fil-Kanada. Meta reġa’ lura fi gżiritna huwa nħatar prefett tal-piccolini u l-piccoli fis-Seminarju Minuri għal tliet snin u wara prefett tas-seminaristi fis-Seminarju Maġġuri fejn dam jaqdi dan il-ministeru tliet snin u nofs. Tul dan iż-żmien kien ukoll jgħallem fis-Seminarju Minuri xi suġġetti, fosthom Matematika, Storja, Ġeografija, u Taljan. Dun Ġużepp kien midħla ħafna ta’ Franġisku Mercieca, magħruf aktar bħala Frenċ tal-Għarb. Fis-17 ta’ Settembru tal-1967, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi tah l-inkarigu ta’ sagristan maġġur fil-Knisja Katidrali, inkarigu li dam fih għal 28 sena. Dun Ġużepp kien ukoll kappillan tal-Kor u fl-istess żmien kien ukoll sostitut tal-kappillani tal-Isptarijiet fil-gżira Għawdxija.

Ta s-sehem tiegħu bħala tenur prim f’diversi korijiet fosthom il-kor tal-Katidral, il-kor Laudate Pueri, mal-orkestra tal-parroċċa taż-Żebbuġ, u kanta f’diversi postijiet anki f’Malta, u taħt diversi surmastrijiet. Ma’ dawn il-korijiet kellu wkoll l-opportunità li jkanta fil-Bażilika ta’ San Pietru ġewwa l-Vatikan u Turin. Huwa wkoll awtur ta’ diversi poeżiji.

Il-funeral ta’ Dun Ġużepp se jinżamm fil-Parroċċa taż-Żebbuġ, nhar it-Tnejn 19 ta’ Settembru 2016, fil-5.00pm.

RIP